Intervista | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Is-sufan li hemm fil-waiting room barra l-uffiċini fit-tielet sular taċ-Ċentru Laburista hu komdu ħafna.
Nagħmel tliet kwarti bilqegħda fuqu nistenna lil Jason Micallef jitfaċċa għall-appuntament. Malli jidħol jiskuża ruħu u jitfa’ t-tort fuq il-maniġment ħażin tat-traffiku fl-inħawi ta’ l-Imsida u l-Gżira minħabba l-għeluq ta’ Rue d’Argens. Nemmnu għax ftit wara tasal ukoll il-fotografu li nqabdet fl-istess rebus li nħoloq fl-inħawi.
Nidħlu fl-uffiċċju tiegħu u npoġġu madwar il-mejda kbira f’nofs il-kamra. Kif inhu Alfred Sant, nistaqsih.
“Il-leader jinsab tajjeb. Nitkellmu kuljum fuq ix-xogħol politiku. Minn dak li jgħiduli t-tobba u minn dak li nista’ nara jien ninsab kuntent bl-istat ta’ saħħa tiegħu. Kont naħseb li se jkollu rkupru iktar diffiċli meta tqis il-kobor ta’ l-operazzjoni li għamel. Imma hu persuna determinata ħafna. Naħseb li d-determinazzjoni qed tgħinu jirkupra iktar malajr,” jgħidli bi kliem meqjus.
Jerġa’ jagħżel kliemu sew meta nistaqsih għalfejn ma ngħatatx spjegazzjoni ċara tal-kundizzjoni medika ta’ Sant u t-tip ta’ intervent li sarlu.
“Dawn kienu ċirkostanzi uniċi għall-Partit, speċjalment fis-sitwazzjoni attwali fejn ninsabu lejlet elezzjoni. Li ssir taf li l-mexxej għandu marda daqshekk serja, tumur, mhix sitwazzjoni faċli la għall-persuna, la għall-qraba u lanqas għall-Partit,” jgħid Micallef.
Din hi l-ewwel darba li uffiċjal tal-partit ikkonferma li Sant kellu tumur. Madankollu ma jidħolx fil-mertu jekk it-tumur kienx wieħed li jinfirex jew le u jekk Sant hux se jkollu bżonn ta’ interventi mediċi oħra.
Micallef jispjega li l-ewwel konferenza stampa ngħatat madwar 40 minuta wara li saret l-operazzjoni biex jitneħħa t-tumur u anki jekk il-kirurgu kien jaf ċerti dettalji xorta ried jistenna r-riżultati ta’ testijiet oħra li wħud minnhom kellhom isiru barra minn Malta.
“Nifhem li Sant hu persuna pubblika u prime minister in waiting imma xorta jibqa’ pazjent u dak li t-tobba jsejħulha l-histology* tibqa’ sagra. Trid taqta’ linja fejn għandha tieqaf il-ħajja pubblika u tibda dik privata.
“Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għandu wkoll eks mara, tifla u omm u dehrli li bħala partit għandu jkollna rispett lejhom.
“L-intervent kirurġiku ma kienx ċajta u ridna nistennew it-testijiet kollha u l-opinjonijiet ta’ tobba oħra. Kif intqal mill-professur, l-operazzjoni marret tajjeb ħafna u l-aħħar testijiet li waslu din il-ġimgħa huma sodisfaċenti ħafna. M’għandnix għalfejn ninkwetaw.
“He is coming back. Ir-raġel hu fighter. Għalkemm m’għandux għalfejn jgħaġġel iktar milli jmissu biex jirritorna lura fix-xena pubblika nemmen li l-istat mentali tiegħu qed jgħinu biex ifiq iktar malajr.”
Ċirkostanza bħal din bilfors li poġġiet lill-Partit f’sitwazzjoni prekarja mil-lat ta’ strateġija elettorali.
“Nigdeb jekk ngħid le,” jibda biex jirrispondi Micallef. “Kull partit li jkollu l-mexxej tiegħu qed jirkupra minn operazzjoni serja jinkwieta fuq kif se jkun l-aħjar mod li jinvolvi l-mexxej f’attivitajiet politiċi. M’hemmx dubju imma li Alfred se jkun qed imexxi lill-partit fil-kampanja elettorali u konvint li se jkun il-Prim Ministru li jmiss wara l-elezzjoni.”
Probabbilment din se tkun l-ewwel darba li se naraw lil Alfred Sant jinsaq ’l hemm u ’l hawn għax iċ-ċirkostanzi se jkunu sfurzawh. Micallef jitbissem u qisu jikkonfermali b’rasu imma ma jikkummentax.
Nistaqsih jekk il-partit kienx qed ‘jabbuża’ miċ-ċirkostanzi ta’ mard li sab ruħu fihom Sant meta din il-ġimgħa attakka lill-editur politiku tal-media Nazzjonalista John Zammit fuq artiklu li kiteb b’reazzjoni għall-kitba tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni stess fit-Times.
L-artiklu ta’ Zammit, fost l-oħrajn, kien deskritt bħala insensittiv imma jista’ jkun li l-MLP kien sensittiv wisq?
“X’jagħmel lil mexxej kuraġġuż? Fost ħafna kwalitajiet hemm dik li f’ċirkostanzi diffiċli personali jibqa’ jsostni li the show must go on. Alfred Sant kien kellimna qabel ma daħal għall-operazzjoni u nsista magħna li ma jrid lil ħadd jitħassru. Filwaqt li apprezza l-inkwiet tagħna għalih ried li dak kollu li kien preparat jibqa’ għaddej b’mod normali.
“Kont impressjonat bil-mewġa ta’ simpatija li ntweriet miegħu meta tħabbar uffiċjalment li dieħel l-isptar. Apprezzajt ukoll is-simpatija ġenwina li wera l-Prim Ministru li anki xtaq imur jarah iktar kmieni l-isptar.
“Imma l-artiklu ta’ John Zammit deher jumejn biss wara li Sant ħareġ mill-isptar u l-iktar li dejjaqni kien is-sottotitlu ta’ l-artiklu li kien jaqra, ‘Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jidher li rkupra tajjeb ħafna’. Dan kien kumment sarkastiku, mhux floku u b’messaġġ sottili ħafna. B’dak li nkiteb il-PN ħa falza stikka u nemmen li anki l-Prim Ministru kien imbarazzat bih.
“Lanqas ma kienet ġusta l-kritika li saret lil Sant li dan kien qed jikkritika s-servizzi tal-Mater Dei meta kien għadu qed jagħmel użu minnhom. Imkien
fl-artiklu tal-leader ma saret kritika lis-servizzi mediċi. Anzi hu għamel paragun bejn il-qalba għall-ewro u t-trasferiment lejn il-Mater Dei. Allaħares issa kulmin jieħu l-kura l-isptar ma jistax jikkritika ċerti aspetti marbuta mal-Mater Dei.”
Imma ladarba Sant iddeċieda li jikteb ma kienx hu li daħal fl-arena politika u allura suġġett għall-kritika ta’ ħaddieħor?
“Trid tara l-istampa sħiħa ta’ kif il-media Nazzjonalista ikkritikat lil Sant. Il-ġurnata ta’ qabel ma deher l-artiklu, fuq Net News intużaw aġġettivi u filmati maħdumin bi slow motion. Dawn huma filmati li ntużaw kemm-il darba qabel ma’ Sant daħal l-isptar biex iġibu lill-mexxej Laburista fl-agħar pożizzjoni possibbli. Dawn huma kollha messaġġi sottili. Għalija dak li nkiteb u li ntwera fuq it-TV kien insensittiv.
“F’dan il-kuntest allura għandi d-dubji tiegħi kemm l-istqarrija li ħareġ il-PN li ‘Dr Sant hu fi ħsibijietna’ kenitx ġenwina jew le.”
L-istat ta’ saħħa tal-mexxej Laburista qasam il-paġni ta’ l-aħbarijiet ma’ dak li jista’ jitqies bħala l-ikbar avveniment ekonomiku fl-istorja ta’ dan il-pajjiż mill-Indipendenza lil hawn: l-introduzzjoni ta’ l-ewro.
Mill-1 ta’ Jannar lil hawn rajna numru ta’ servizzi fuq One News intiżi biex jirriflettu l-garr tan-nies dwar l-għoli tal-ħajja. Nistaqsi lil Micallef jekk din l-istrateġija negattiva tistax tolqot ħażin il-kredibbiltà tal-Partit.
“Le. L-MLP għandu d-dmir li jwassal dak li qed iħoss il-poplu. In-nies huma inkwetati u mħawda bl-ewro u dan id-dwejjaq qed jaslilna kemm mill-house visits tal-kandidati kif ukoll bit-telefonati li jidħlu hawnhekk. Ma nistgħux bħala Partit ma nagħtux kas dan it-tħassib.
“Il-poplu mhux qed iħossu mħares biżżejjed f’dan il-perjodu ta’ inċertezza. Biex inkun ċar, l-għoli tal-ħajja ilu ġej u kien biss fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet li l-Gvern qisu stenbaħ għal dak li konna ilna ngħidu bħala Partit. L-ewro kompla żied mal-biża’ tan-nies li l-ħajja se togħla anki għax rajna l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra Ewropej li daħħlu l-ewro qabilna. Sfortunatament il-Gvern baqa’ ċass quddiem dan kollu.
“Miniex nagħti l-ħtija lill-ewro għax l-għoli tal-ħajja per se mhux riżultat tal-qalba fil-munita imma l-ewro wasslet biex f’ċerti istanzi l-ħajja tkompli togħla.”
Iżda din l-enfażi kollha fuq l-għoli tal-prezzijiet mhux attakk fuq il-komunita kummerċjali?
“Le. Il-Gvern moħħu biss fl-artifiċjalità, fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-murtali, anki jekk imbagħad l-ATM ma ħadmitx. Il-Gvern naqas li jieħu l-proposta Laburista biex ikun hemm dipartiment serju bis-snien li jħares lill-konsumatur. Illum il-poplu m’għandux is-serħan tal-moħħ li l-prezzijiet baqgħu l-istess u l-Gvern mhux preparat għalhekk.
“Vince Farrugia kien korrett meta qal li ż-żmien tal-kontrolli fuq il-prezzijiet spiċċa imma mkien f’dak li qal Vince mhu qed jiġġustifika l-abbuż. L-attakk tagħna mhux kontra l-komunità kummerċjali imma kontra n-nuqqas ta’ preparazzjoni mill-Gvern biex jagħti serħan tal-moħħ lin-nies. Ma naqbilx li xi ħadd għandu jgħajjar lil tal-ħwienet ħallelin.”
Ninsisti miegħu li l-kritika tad-Direttur Ġenerali tal-GRTU Vince Farrugia din il-ġimgħa dwar l-idea tal-Gvern li jbiddel il-Kumitat Nazzjonali tal-Bidla għall-Ewro f’aġenzija li tħares il-konsumatur faċilment tista’ tinftiehem ukoll bħala kritika għall-proposta Laburista li jkun hemm aġenzija li tissorvelja s-suq biex tara jekk iż-żidiet fil-prezzijiet humiex ġustifikati.
“Konvint li l-GRTU m’għandha l-ebda interess li tigdem jew tittradixxi lill-konsumatur. Il-konsumatur għandu bżonn lil min iħarsu,” isostni Micallef filwaqt li jiddeskrivi l-NECC bħala aġenzija “li nħolqot biex jingħataw il-jobs for the blue-eyed boys.”
Jinsisti li d-deċiżjoni tal-Gvern biex ibiddel l-NECC f’aġenzija għall-ħarsien tal-konsumatur hi intiża biex “il-blue-eyed boys ikomplu jgawdu wara li ntemm il-proċess tal-bidla għall-ewro.”
Micallef jaqbel mal-politika fejn min jabbuża jkun imxandar.
“Naqbel mija fil-mija mal-politika ta’ name and shame. Il-konsumatur għandu dritt ikun jaf jekk tal-ħanut jew min se jtih servizz abbużax minn klijenti oħra. Jgħid x’jgħid il-Gvern li hemm multi kbar għal min jinqabad jabbuża m’hemm xejn ikbar bħala deterrent milli taqbad u xxandar lil min jinqabad.
“Imma l-PN, għal raġunijiet tiegħu, ma jridx isemmihom. Is-sena li għaddiet saret investigazzjoni dwar il-mediċini u nstab li kien hemm min għolla l-prezzijiet b’mod mhux ġustifikat. Ma qalux min kienu u konvint li sar hekk għax dawk li nqabdu huma Nazzjonalisti li probabbilment isostnu lill-PN finanzjarjament.”
Waħda mill-kwistjonijiet li ilu jinsisti fuqha l-MLP hi l-korruzzjoni u l-patrunaġġ politiku. Nistaqsih jekk hux aċċettabbli għalih li kunsilli lokali b’maġġoranza Laburista jqabbdu avukati u periti viċin il-partit bl-istess mod kif isir minn kunsilli Nazzjonalisti.
“Nieħu bħala eżempju l-kunsill tal-Mosta għax kont kunsillier u naf l-affarijiet kif kienu jsiru. Mill-1994 sa sena ilu l-kunsill tal-Mosta mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista kien qabbad lil Dr Austin Sammut u l-kumpanija tiegħu ta’ l-avukati u l-perit Robert Sant, li hu s-sieħeb kummerċjali ta’ Jesmond Mugliett f’Sant & Mugliett. Il-kuntratt li kellhom dawn kien jiġġedded b’mod awtomatiku minn sena għal sena. Fl-ebda professjoni m’għandu jkun hemm lok għal xi monopolju.
“Meta s-sena li għaddiet fil-Mosta telgħet maġġoranza Laburista kien wasal iż-żmien li l-affarijiet isiru b’mod differenti. Il-poplu jrid bidla mhux biss fuq livell lokali imma jixtieq jara bidla fin-nies li ilna naraw iduru fl-istess postijiet għal għexieren ta’ snin kemm jekk huma periti, avukati, kuntratturi jew producers ta’ ġrajjiet kurrenti fuq il-PBS.
“Il-kunsill tal-Mosta ħareġ tender ġdid għal dawn is-servizzi. M’hemm xejn ħażin b’hekk u lanqas m’għandu jkun hemm xi preġudizzju kontra persuni b’tendenzi Laburisti li jitħajru japplikaw. Anki fost in-Nazzjonalisti moderati, dawk li nħobb insejħilhom pale blue, jinħass id-dwejjaq li dan il-Gvern sar il-Gvern tal-ftit.”
Nibqa’ mingħajr sodisfazzjon dwar jekk hux aċċettabbli li kunsilli Laburisti jagħżlu avukati u periti viċin l-MLP. Nistaqsih jekk il-bidla li qed itenni l-MLP hux se tkun biss bidla fl-uċuħ ta’ min se jgawdi u għalhekk tissokta l-politika tribali?
“Il-politika tribali trid tispiċċa u l-ikbar prova ta’ dan kien tah il-Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998. Sant kien introduċa l-politika tal-meritokrazija, jekk għandek ħila tmexxi. Aħna rridu bidla trankwilla. Irridu nkunu Gvern tal-ħafna mhux tal-ftit imma l-Laburisti wkoll iridu jħossu li huma parti mill-pajjiż.
“Inwiegħed u se naħdem għall-meritokrazija. Ma neskludix in-nies minn qabel imma tifhem li hemm ċerti karigi li jinħtieġu fiduċja reċiproka u nies li lesti jmexxu ’l quddiem il-politika tal-Gvern tal-ġurnata.”
Naqbadlu fuq il-kunflitti ta’ interess. Għal xhur sħaħ l-MLP ilu jattakka lil Jesmond Mugliett dwar il-kuntratti tat-toroq li jingħataw mill-ministeru tiegħu u li fosthom ibbenefikat il-kumpanija ta’ periti Sant & Mugliett li għandu involviment indirett fiha l-istess ministru. L-MLP m’għandux l-istess problema b’Charles Buhagiar u l-interess privat tiegħu f’kumpanija tal-periti?
“Ir-rekord ta’ Charles Buhagiar bejn l-1996 u l-1998 hu tajjeb ħafna. Kellu rekord tajjeb meta solva l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku fil-Marsa ħdejn ix-shipbuilding. Kellu rekord tajjeb meta f’inqas miż-żmien stipulat ittrasforma lil Buġibba. Rekord tajjeb fix-xogħlijiet li saru f’Marsalforn u x-Xlendi. Kelli fiduċja fih dakinhar u għandi fiduċja li jkun wieħed mill-aqwa ministri fil-kabinett ta’ Sant wara l-elezzjoni.
“Fil-każ ta’ Mugliett il-ministru stess ħass li it was time to go meta s-sena li għaddiet offra r-riżenja tiegħu imma l-Prim Ministru ma aċċettahilux, forsi għax m’għandux is-saħħa li jieħu deċiżjoni hekk. Mugliett kellu u għad għandu kunflitti kbar ta’ interess fil-każijiet li ssemmew u oħrajn ġodda li se joħorġu dalwaqt.”
Iżda Gvern Laburista kif se jindirizza din il-problema?
“Wieħed mill-iktar nies rispettati fl-industrija tat-turiżmu hu Karmenu Vella. Fis-snin li għaddew xtaqtu jagħti iktar kontribut fil-partit imma kien biss f’dawn l-aħħar xhur li Karmenu Vella ħa profil iktar pubbliku. Dakinhar meta ntgħażel ix-shadow cabinet kien hemm ftehim bejnu u Sant li bħala kelliem għat-turiżmu seta’ kellu kunflitt ta’ interess minħabba l-pożizzjoni għolja tiegħu fil-Corinthia u għalhekk ma baqax kelliem għat-turiżmu. Diġà mill-Oppożizzjoni tajna prova ta’ xi nsarrfu.”
Insemmilu l-każ ta’ Charles Mangion li bħala kelliem għall-Oppożizzjoni ikkritika l-bejgħ ta’ Pender Place mill-Gvern imbagħad fil-kapaċità professjonali tiegħu kien in-nutar ta’ dak l-istess bejgħ. Anki jekk dan mhux kunflitt ta’ interess fl-interpretazzjoni stretta tal-kelma, f’għajnejn in-nies seta’ bagħat messaġġ negattiv dwar il-konsistenza politika.
“M’għandi l-ebda dubju mill-integrità kbira ta’ Charles. Għandi fiduċja fih minkejja dan is-suppost kunflitt ta’ interess. Jekk xejn, il-każ ta’ Pender Place wera li minkejja l-interessi privati, bħala partit ma kellna l-ebda problema nikkritikaw dak li qisna bħala negattiv.”
Fl-aħħar tax-xahar l-MLP se jorganizza l-Konferenza Ġenerali Annwali. Micallef jerġa’ jikkonferma li Alfred Sant se jkun qed jindirizza l-konferenza. Nistaqsih jekk hux se jkun hemm xi Michael Mifsud li jitfaċċa bħalma ġara waqt il-kunsill tal-PN. Jidħaq u filwaqt li jsostni li għandu ammirazzjoni kbira lejh jeskludi l-possibbiltà.
“Nammira nies bħalu li stinkaw u rnexxielhom jilħqu l-ħolma tagħhom u ma naħsibx li għandna nidħqu b’esponenti nazzjonali biex nieħdu vantaġġ politiku. Imma l-konferenza se tkun indirizzata minn ministru għoli Ingliż,” jgħid mingħajr ma jikxef l-identità ta’ dan l-esponent ‘għoli’ tal-Gvern Ingliż.
Qabel ma nagħlaq l-intervista nistaqsih jekk Marlene Mizzi hux se tkun kandidata mal-partit.
“Nixtieq li tkun. Inkun kburi li nies bil-kapaċitajiet imprenditorjali bħal Marlene Mizzi jassoċjaw ruħhom mal-Partit Laburista. Marlene hi mara kredibbli li temmen li hawn bżonn bidla fil-pajjiż. Tkellimna kemm-il darba f’diversi okkażjonijiet soċjali fejn iltqajna imma qatt ma staqsejtha biex tikkontesta mal-partit.”
* Histology: l-istudju taċ-ċelloli permezz
tal-mikroskopju biex isir magħruf jekk f’każ ta’ tumur dan hux wieħed li jinfirex jew le. |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|