MediaToday

Il-Punt | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

Iċċensurawni please!

Kont naħseb li l-ewro kien se jkun l-argument li jitqanqal l-aktar din il-ġimgħa. Kien ċar li l-ewro daħal b’ħeffa aktar milli stennew il-ġeremiji, u li l-Maltin imxew b’għaqal u malajr draw il-flus il-ġodda.
Stennejt li, ladarba dawk li jilbsu nuċċali tax-xemx il-ħin kollu ma setgħux jgħidu kemm hawn ‘taħwid’, malajr kien se jibda l-attakk fuq tal-ħwienet biex iċappashom kollha bi żbalji li għamlu ftit sidien mill-eluf kbar li hawn fil-pajjiż.
Imma ma kienx hekk għalija, għallinqas mhux fil-bidu tal-ġimgħa. It-Tnejn sebaħ bi stqarrija tal-Partit Laburista kontrija tgħid li jien ‘baxx’, ‘bla skruplu’ u ma nafx kemm aġġettivi oħrajn li jagħnu l-ilsien Malti għax, skond l-istqarrija, jien bħala Editur Politiku tal-‘media Nazzjonalista’ attakkajt lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni waqt li qiegħed ġimagħtejn id-dar wara li ħareġ mill-isptar.
L-istqarrija Laburista qalet ukoll li jien ‘strateġista’ tal-PN u allura l-‘attakk’ kien parti minn ‘strateġija’ ta’ partit ‘bla rispett’. Meta qrajt l-istqarrija, wara li talabni kumment dwarha ġurnalist tar-radju XFM, għax il-Partit Laburista dehrlu li ma kellux għalfejn jibgħathielna, kont se nibda nimmaġina li jien xi ħadd importanti - ‘strateġista’ hi kelma tassew grandjuża - u li tani xi ħmar il-lejl u għamilt xi ħaġa li tħassret kompletament mill-memorja tiegħi. Qishiex il-bażi ta’ skript għal film?
Min sema’ l-istqarrija ma setax jifhem kif u x’fatta jien għamilt dan l-‘attakk’ fuq Sant. Fehimt lill-ġurnalist li Net TV u l-mezzi l-oħrajn ta’ Media.Link kienu sempliċiment ikkwotaw minn artiklu li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni stess kiteb l-għada ta’ l-Ewwel tas-Sena fit-Times u li fih maqdar l-ewro, li kien għadu kif daħal 24 siegħa qabel, u maqdar ukoll it-trasferiment għall-Isptar Mater Dei. Din hi l-kwotazzjoni li għamilna bl-eżatt mill-artiklu ta’ Dr Sant: “the botched and very shaky changeover from St Luke’s hospital to the Tal-Qroqq facility”, jiġifieri t-trasferiment ‘imħanżer’ u ‘żlugat ħafna’ għall-isptar li hu sejjaħlu l-‘faċilità Tal-Qroqq’.
Kulħadd xtaq lil Sant saħħa u ġid wara l-operazzjoni-suċċess fil-Mater Dei, kif nixtieqlu jien. Kien hemm min stenna li l-ġranet tal-Milied u l-fatt li hu kien l-isptar kienu se jnaqqsu l-ħanġra politika li aħna l-Maltin-Mediterranji donnu għandna fi griżmejna. Iżda Sant stess għażel li dan ma jkunx, kif kellu kull dritt. Hu wassal il-messaġġ politiku tiegħu bħas-soltu – nerġa’ ngħid, kif kellu kull dritt – fit-Times, f’gazzetti oħrajn fejn kiteb, u anke b’xandira ta’ l-Ewwel tas-Sena.
Bħala ġurnalisti, aħna nwasslu lin-nies dak li jidhrilna li għandu ‘valur ta’ aħbar’. Il-fatt li Sant kiteb fil-gazzetti kellu diġà valur ta’ aħbar għax wera kemm għadda tajjeb fuq l-operazzjoni. Aktar minn hekk, kellu valur miżjud ta’ aħbar għax Sant imkien fl-artikli li semmejna ma tkellem dwar l-operazzjoni. U l-artiklu tiegħu tat-2 ta’ Jannar kellu saħansitra aktar valur ta’ aħbar għax, jumejn qabel ma ħareġ mill-isptar, hu sejjaħ it-trasferiment għall-istess sptar bħala “botched” u “very shaky”.
Ladarba l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni stess niżel jilgħab il-logħba politika b’artikli ta’ kritika għal dak li qed jiġri, fosthom anke għat-trasferiment lejn il-Mater Dei, ġurnalist kellu kull dritt, biex ma ngħidx ukoll id-dmir, jikkwotah.
Dak li ġara fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ġegħilni naħseb fuq din il-logħba l-ġdida li l-Partit Laburista ivvinta r-regoli tagħha. Qed jippretendi li l-logħba politika ssir minn ‘tim’ wieħed biss, it-‘tim’ Laburista naturalment, li jista’ jixxuttja u jattakka kemm irid waqt li ħaddieħor irid joqgħod iħares inkella jaqla’ l-karta l-ħamra għax ikun ‘attakka’ b’mod ‘baxx’. Din mhux logħba, din aktar naraha qisha sessjoni ta’ taħriġ.
Din il-‘logħba’ hi stramba aktar għax il-Partit Laburista qed jippretendi li l-ġurnalisti jiċċensuraw dak li jikteb il-mexxej tiegħu stess fil-gazzetti.
Qisu l-Partit Laburista qed jgħid lil kulħadd: “Iċċensurawni please!”
Il-għala?

John Zammit hu Editur Politiku, Media.Link Communications

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075