Aħbarijiet | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63
“Dejjem ħabbejtu avolja mhux miegħi.” Din hi waħda mid-dikjarazzjonijiet ta’ Maria Scerri, omm Għawdxija li fis-Snin Sebgħin welldet tifel u ma tafx x’sar minnu. JULIA FARRUGIA titkellem ma’ din l-omm
Maria Scerri, imrobbija n-Nadur, Għawdex li ilha għal madwar 34 sena tgħix l-Ingilterra flimkien ma’ żewġha u l-erbat itfal tagħha, għandha 50 sena. Kull sena l-mara tinżel Għawdex biex tara lil ommha Ġanna ta’ 75 sena. Iżda l-mawra tagħha qatt ma tkun waħda ta’ btala imma ta’ inkubu u ġlieda kontra l-kurrent bit-tama li tintraċċa parti minn ħajjitha li għebet darba għal dejjem – binha li 34 sena ilu ftit wara li twieled ħaduhula għall-adozzjoni.
“Meta kelli madwar 15, 16-il sena nqbadt tqila,” tgħidli l-mara.
Inwaqqafha u nistaqsiha għal-liema raġuni qed tuża l-kelma ‘madwar’.
F’din l-istorja hemm fattur importanti nieqes. Il-mara ma tiftakarx meta welldet. La s-sena u lanqas l-istaġun. Xi waħda minn dawn it-tnejn hi fundamentali biex wieħed jasal biex isib iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tifel.
Magħha nippruvaw nagħmlu rikostruzzjoni tal-każ.
Nistaqsiha jekk tiftakarx jekk meta kienet se twelled kinitx kesħa jew kinitx sħana. Għal mument il-mara tiċċassa.
Nerġa’ nistaqsiha jekk tiftakarx x’kienet tilbes f’dak il-perjodu. Jekk tiftakarx jekk lejn l-aħħar tat-tqala kinitx ixxidd ħwejjeġ tas-suf jew le.
F’ħin minnhom ħaddejha jitħarrku u f’daqqa waħda joħorġu kelmtejn biss: “summer dress”.
Wara aktar mistoqsijiet l-omm tiftakar dettal ieħor.
“Niftakar kont liebsa libsa striped bl-aħdar u bl-isfar. Fit-tqala dejjem kważi b’dik il-libsa għax ma kellix ħafna x’nilbes,” tgħid Maria.
Mis-somom li nagħmlu, dejjem jekk il-figuri tal-mara huma tajbin, naslu għall-konklużjoni li welldet bejn l-1974 u l-1976. Din il-figura naslu għaliha minħabba żewġ fatturi. Maria tgħid li meta waslet biex twelled it-tarbija oħtha kellha madwar sentejn u nofs. Illum oħtha għandha 36 sena. B’dan il-kalkolu allura kieku llum iben Maria għandu madwar 34 sena.
Maria tgħid ukoll li meta marret l-Ingilterra għamlet xi sentejn ma tistax tinqabad tqila minħabba l-inkwiet ta’ l-ewwel tarbija. L-ewwel tifel ta’ Maria għandu 30 sena. Li kieku wieħed inaqqas dawn is-sentejn, u forsi ftit xhur qabel ma telqu lejn l-Ingilterra, wieħed possibbilment jasal għas-snin 1975 jew 1976.
Imma kif ġara eżatt il-każ?
Maria tistqarr li rat l-ewwel period meta kellha xi 15-il sena.
“Kont noħroġ mat-tali* u ftit wara li kellna x’naqsmu flimkien siefer mill-ewwel. Avolja kien jgħidli li se jiżżewwiġni. Telaq lejn l-Awstralja.”
Ommha Ġanna tispjega li wara ftit xhur indunat li t-tifla setgħet kienet tqila għax ma baqgħetx tara period.
“Dak iż-żmien it-tifla kienet taħdem l-istamperija fejn illum hemm Dar Arka, f’Għajnsielem,” tispjega l-anzjana.
“Meta bdiet tidher li tqila ma ħallejthiex tmur aktar għax in-nies tpaċpaċ,” fissret Ġanna.
“It-tifla kont inżommha ġewwa imma darba kien hemm ħanut tax-xorb u n-nies meta ndunaw qaluli li mhux sew inħalli lit-tifla dejjem imsakkra ġewwa. Qaluli li minħabba t-tqala aħjar timxi.
“Kien hemm Dun Manwel Curmi u qalli biex nieħu lit-tifla l-Buon Pastur, Malta,” tkompli l-anzjana.
“Qalli ‘ħudha hemm imbagħad jieħdu ħsieb is-sorijiet.’’’
Nistaqsi lil Maria x’tiftakar dwar il-perjodu ta’ qabel welldet.
“Kont għadni fil-bidu tat-tqala. Darba Dun Manwel ġie ma’ xi ħadd b’karozza sewda. Ġie fl-isqaq fejn konna noqogħdu. Pespisli u tani envelopp abjad u qalli: ‘Dan agħtih lill-mamì.”
“Kien fih Lm4.”
“Wara kien tagħni karti biex niffirmahom. Qatt ma qalli x’qed niffirma.”
Nistaqsiha jekk il-qassis kienx ħadilha l-karti d-dar. Tgħidli li le.
“Fl-uffiċċju li Dun Manwel kellu l-Kurja t’Għawdex. Kien jgħidli biex niffirma karti. Kien jgħidli: ‘Dawn important papers.’ Jien ma nafx naqra. Kien jgħidli: ‘Iffirma isfel u fuq’, ” tinsisti Maria Scerri.
Nistaqsiha jekk qattx kien hemm xhieda jew jekk kinitx iffirmat id-dokumenti quddiem xi nutar jew avukat u għal darb’oħra tinsisti li le.
“Żgur li le. Dun Manwel is wise. There were no witnesses.”
Lura fis-Snin Sebgħin it-tifla Maria Scerri tniżżlet Malta għand is-Sorijiet tal-Buon Pastur.
“Kelli xi 7 xhur tqala meta mort għand is-sorijiet,” tispjega Maria.
“Niftakar dejjem nistenna lil ommi fit-tieqa, nistenniha ġejja minn Għawdex.”
“Xtrajt l-Isptar San Luqa. Meta wellidt tawni t-tarbija f’idi għal minuta. Kien baby oħxon u kbir tmien libbri u nofs. Kellu ħafna xagħar iswed. Tant kien kbir li waqt it-twelid ċarrtuni sa wara,” tkompli l-omm.
“Wara ftit ħaduli lit-tarbija u qaluli li minn hemm se joħduha Lourdes Home,” tinsisti Maria.
Minn hemm ’il quddiem ma semgħet qatt aktar b’aħbar it-tarbija.
“Meta mort lura Għawdex ħija li kellu xi 11-il sena kien joqgħod jinbixni li wellidt u jien u ommi morna għal btala l-Ingilterra. “Jien bqajt ngħix hemm u kont iltqajt ma’ Peter li llum hu żewġi. Konna ngħixu għand oħtu. Meta ra l-istretch marks u staqsieni x’inhuma spjegajtlu li għax kelli tarbija. Qabad u telaq.
“Mort infittxu u spjegajtlu l-verità kollha u erġajna rranġajna. It-tfal tagħna jafu l-verità kollha, jafu li x’imkien għandhom ħuhom ieħor.”
L-omm tispjega li tul l-aħħar snin ippruvat tintraċċa mqar l-iċken dettal ta’ binha imma kollu għalxejn.
“Meta tfarfru l-erbat itfal li għandi l-Ingilterra ġejt hawn infittex. Mort nara lil Dun Manwel Curmi l-Kurja. Mort mal-kuġini. Qalli biex nitlaq ’il barra għax ma jaf xejn u ma jafx għand min qiegħed ibni,” issostni Maria Scerri.
“Riċentament mort l-Isptar San Luqa, l-Isptar Mater Dei, l-Insinwa imma għalxejn,” tispjega. “Sena ilu mort il-Buon Pastur. Waħda mis-sorijiet għarfitni u anke jien għaraftha,” tinsisti l-mara.
Nitlobha tagħtini isem is-soru imma tgħidli li ma kitbitux u nsiet l-isem.
“Jien la naf nikteb u lanqas naqra. Ma ktibtx u nsejt l-isem.”
“L-Ingilterra dejjem nitlob. Moħħi dejjem jaħseb fih. Dejjem ħabbejtu avolja mhux miegħi. Jiddispjaċini li ma nistax narah. In-nies jgħiduli: ‘taqtax qalbek’. Imma ma nafx,” tistqarr b’ton aktar sogħbien.
“Nixtieq narah lil ibni. Nixtieq ngħidlu “jien ommok.” Dak tiegħi, jien xtrajtu, jien wellidtu,” tkompli Maria.
“Għandi dawn l-erbat itfal u lilu rridu wkoll,” tgħid waqt li turini ritratti ta’ uliedha, tliet subien u tifla li jinsabu l-Ingilterra.
“Illum it-tifel jekk għandu madwar 34 sena għandu l-età tiegħu. Mhux se noħodulhom għand min qiegħed imma ta’ l-inqas ikun jaf li jien ommu proprja,” tfisser Maria.
F’ħin minnhom taqbeż ommha Ġanna.
“Jien ukoll nixtieq narah lil binha. Dejjem ninkwieta għax nixtieq naraha taqta’ xewqitha,” tispjega l-anzjana.
“Ippruvajna minn kollox. Jien sa mort inkellem lil Dun Manwel. Kont stennejtu s-sagristija r-Rabat għax kont naf li kien hemm Dun Manwel iqaddes tas-1.00pm.
“Għidtlu li t-tifla nkwetata għax trid tara lit-tifel. Qalli li “it-tifel m’għandhiex xi tridu għax qiegħed l-Amerika u f’idejn tajba,” timplika Ġanna Scerri.
“Għandi ċans imma li nsibu?” tistaqsi Maria jien u nqum minn fuq is-siġġu.
Kif tista’ qatt issabbar jew timla’ dan il-vojt?
Nistħajjel trid tkun omm biex tifhem u sa llum jien minix imma nfakkarha fi frażi li dejjem inġorr miegħi: “When you believe”.
Fejn il-fjamma tat-tama u temmen fil-ġlieda tiegħek tasal … f’kollox.
Minn hawn tibda maratona ta’ telefonati: mill-Kurja, sa l-Isqof sal-qassis Manwel Curmi li segwa t-twelid tat-tarbija fis-Snin Sebgħin.
* L-isem tal-missier naturali qed jinżamm milli jixxandar minħabba li għandu familja u mhux magħruf jekk il-qraba humiex infurmati b’dan il-każ.
Il-qassis involut fl-addozzjoni jagħti xi dettalji dwar il-każ
Ftit sigħat qabel ma’ Maria Scerri telqet lura lejn l-Ingilterra biex tingħaqad ma’ żewġha u l-erbat itfal tagħha, ftit li xejn kellha ħjiel li qabel ma tkun ippubblikata l-intervista bl-appell tagħha f’din il-gazzetta se tiskopri dettalji ġodda marbuta ma’ binha.
Fl-aħħar minuta l-bieraħ din il-gazzetta rnexxielha titkellem ma’ Dun Manwel Curmi li kien involut fl-addozzjoni tat-tarbija ta’ Maria Scerri lura fis-Snin Sebgħin.
Mitlub jipprova jiftakar dettalji dwar dan il-każ Dun Curmi jgħid li “din l-istorja ilha 34 sena. Niftakar li l-familja li addottat lit-tifel kienet Maltija.”
Sa llum l-omm naturali lanqas biss kellha ħjiel jekk binha ngħatax lill-koppja Għawdxija jew le.
Dun Manwel jgħid li wara l-addozzjoni l-koppja Maltija emigrat lejn l-Amerika.
“L-aħħar li kelli konoxxenza tat-tifel kien meta għamel il-preċett, kellu seba’ snin,” isostni l-qassis.
Iżda Dun Manwel jgħid li ma jiftakar xejn aktar dwar dan il-każ. Skond hu ma jiftakarx dettalji importanti, fosthom minn liema raħal hi l-familja Maltija jew ta’ l-anqas x’kien kunjomha.
“Għandi difett li ninsa l-ismijiet,” jargumenta Curmi.
Madankollu l-qassis jiftakar li n-nannu, li hu missier ir-raġel li adotta t-tifel, kien jaħdem id-Dwana.
“Niftakar li n-nannu kien jaħdem id-Dwana u meta kont niltaqa’ miegħu Malta kien jgħidli t-tifel għandu 7 snin, jew it-tifel għamel il-preċett,” ikompli Dun Manwel.
Mistoqsi jekk qattx żamm kuntatt mar-raġel u l-mara li addottaw lit-tarbija, is-saċerdot Għawdxi jwieġeb:
“Le, qatt ma kellmuni. Huma kienu jikkuntattjaw lin-nannu u meta kont niltaqa’ miegħu d-Dwana jew Malta kien jagħtini l-aħħar aħbarijiet fuq it-tifel.”
Mistoqsi x’tip ta’ karta kienet iffirmat l-omm naturali qabel welldet Dun Manwel jgħid li żgur li din kienet saret quddiem xi nutar. Dan il-fatt, s’issa għadu jkun miċħud mill-omm naturali.
“Fl-uffiċċju li Dun Manwel kellu l-Kurja t’Għawdex kien jgħidli biex niffirma karti. Kien jgħidli: ‘dawn important papers.’ Kien jgħidli: ‘iffirma isfel u fuq’,” tinsisti Maria Scerri.
Lura għall-każ, Dun Manwel Curmi jgħid li fis-Snin Sebgħin kellu ħafna każijiet ta’ addozzjoni.
“Kelli diversi każijiet hekk ta’ addozzjoni minn tfal li jinqabdu tqal. Erbgħa u tletin sena ilu f’Għawdex ma kienx hawn saċerdot ieħor li jagħti kas ta’ problemi soċjali,” jgħid Curmi. “Kelli kuntatti u ħafna djar tal-Knisja taħti, li għadhom hekk sa llum,” ikompli s-saċerdot.
Dan il-punt jikkorrabora l-verżjoni ta’ Maria Scerri u ommha li sostnew li kien Dun Manwel li rranġalhom biex it-tifla mas-seba’ xahar tqala tmur fid-Dar tas-Sorijiet tal-Buon Pastur f’Malta.
“Rajt ħafna każijiet ta’ tfal li tkeċċew mid-dar għax inqabdu tqal,” jispjega Dun Manwel.
“Ġieli raqqadt tfal tqal f’xi lukanda sakemm nirranġa l-problema ma’ tal-familja,” jinsisti .
“Qed nitkellmu dwar 34 sena ilu. Ma kien hawn xejn strutturi li jgħinu f’każijiet bħal dawn. Kien biss 20 sena ilu li jien ftaħt id-Dar Ġużeppa Debono biex ma jkunx hawn abort.”
Mistoqsi għal-liema raġuni dawn id-dettalji għadu ma tahomx lill-Isqof Mario Grech u lit-team li qed jistħarreġ dan il-każ Dun Manwel Curmi sostna li kien għad ma kellux ħin jagħmel dan.
“Jien dawn id-dettalji ma kellix ċans ngħidhom lill-Isqof Mario Grech għax il-Ġimgħa kont impenjat bil-quddiesa ta’ filgħaxija f’Ta’ Pinu.”
Imfakkar dwar l-envelopp b’Lm4 (€9.32) li Maria qed tallega li taha ftit qabel welldet, Dun Manwel jgħid li “it-trabi la kienu jinxtraw u lanqas jinbiegħu” imma jinsisti li jiftakar fiċ-ċert li l-familja ta’ Maria kienet tgħix f’ċertu faqar.
Mistoqsi direttament jekk is-silenzju tiegħu hux dovut għall-fatt li hu kien marbut mill-familja Maltija biex ma jitkellem xejn aktar dwar dan il-każ, il-qassis jiċħad u jsostni:
“Jien m’għandi xejn x’naħbi u kieku naf aktar dwar dan il-każ ngħid mill-ewwel.
“Nixtieq nikkopera għax dik hi ommu naturali,” jinsisti Dun Manwel. |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef
Editorijal
Il Punt
John Zammit
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|