MediaToday

Editorjal | 13 ta’ Jannar 2008 Nr 63

L-iżball ta’ l-NECC

L-aħħar ċifri li ħareġ il-Kumitat Nazzjonali tal-Bidla għall-Ewro (NECC) juru li kważi l-maġġoranza kbira tan-nies sa l-ewwel ġimagħtejn wara l-bidla qed jużaw il-munita ewro fil-ħajja ta’ kuljum.
Dan hu pożittiv għax jindika li l-munita l-ġdida mhux biss ġiet aċċettata malajr imma qed tindara wkoll mill-konsumaturi.
Iżda l-ikbar problema marbuta ma’ l-introduzzjoni ta’ l-ewro mhix jekk in-nies hux qed tagħraf il-muniti jew jekk dratx il-valur tal-flus imma l-għoli tal-ħajja.
Uffiċjalment, s’issa, l-abbużi marbuta mal-kambju huma minimi ħafna. Jidher li l-NECC qed jagħmel xogħlu sew. Madankollu mhux bilfors li qed jinqabdu l-abbużi kollha.
Hemm numru ta’ każijiet oħra fejn xi sidien tal-ħwienet u l-iktar professjonisti ittundjaw il-prezzijiet tagħhom ’il fuq biex ġibdu għad-dritt. Jista’ jkun li ż-żidiet huma żgħar bi ftit ċenteżmi ta’ ewro. Iżda huma dawn iż-żidiet minimi fuq firxa ta’ affarijiet li jistgħu fuq medda ta’ ftit xhur iwasslu għal żieda fl-għoli tal-ħajja.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-konsumatur għandu wkoll id-dmir li jirrapporta l-abbuż għax jista’ jasal ħafna iktar malajr milli kieku joqgħod igorr.
Madankollu ma rridux naħarbu bl-idea li l-ħajja għoliet biss minħabba l-ewro. Ilna naraw splużjoni fil-prezzijiet minħabba diversi fatturi ewlenin fosthom iż-żejt u ċ-ċereali. Marbuta ma’ dawn kien hemm fatturi oħra li għollew l-ispiża għan-negozjanti li mbagħad għaddew il-piż fuq il-konsumatur.
Bħalma dejjem jiġri f’ċirkostanzi bħal dawn dejjem issib min jabbuża. Is-sena li għaddiet investigazzjoni mill-Gvern kixfet kif kien hemm abbuż fil-prezzijiet ta’ xi mediċini. L-isfortuna hi li sa llum il-konsumatur jibqa’ ma jafx min kienu dawk li wettqu l-abbuż.
U forsi hawnhekk hu l-iżball ta’ l-NECC. Nemmnu li kien ikun aħjar jekk il-każi ta’ min qed jabbuża minħabba l-introduzzjoni ta’ l-ewro jitperrċu. B’dan il-mod jeħlu biss dawk li abbużaw u mhux is-sidien tal-ħwienet u l-professjonisti kollha.
Il-konsumatur dejjem għandu jkun fl-aħjar pożizzjoni li jagħmel għażla infurmata meta jiġi biex jixtri xi prodott jew servizz. Għalhekk hu dritt tiegħu jkun jaf jekk min qed jipprova jbigħlu abbużax jew le fil-kambju.
Dan hu iktar importanti fejn jidħlu s-servizzi għax filwaqt li tal-ħwienet huma esposti għall-pubbliku u kulħadd ikun jaf xi prezzijiet qed iżomm, fil-każ tal-professjonisti x-xiri tas-servizz ħafna drabi isir fuq bażi individwali u l-konsumatur ma jkunx jaf x’inhu l-ħlas li qed jintalab lil konsumaturi oħra.
Jekk l-ismijiet ta’ dawk li jinqabdu jabbużaw jitperrċu allura kull konsumatur li jkun se jġib it-tali tabib jew l-ieħor ikun jista’ joqgħod b’seba’ għajnejn.
L-ewro m’għandhiex għalfejn tgħolli l-prezzijiet. Jekk se jogħlew minħabba ċirkostanzi oħra jew għax ikun hemm min jabbuża mill-kambju.
Iżda l-klieb tal-għassa għandhom jibqgħu mqajmin għax l-ikbar għafsa, jekk tiġri, isseħħ minn hawn u ftit xhur oħra meta l-furur tal-bidu jkun spiċċa.

Partit sensittiv
L-attakk li għamel il-Partit Laburista iktar kmieni din il-ġimgħa fuq John Zammit, l-editur politiku tal-media tal-PN, kien sproporzjonat.
Zammit kiteb artiklu fin-Nazzjon bi kritika għall-kitba tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ġimgħa qabel fit-Times. Li kieku l-istqarrija tal-MLP ikkritikat biss il-kontenut ta’ dak li kiteb Zammit ma kenitx se taqa’ d-dinja. Dan pajjiż ħieles u l-botti u r-risposti bejn il-partiti politiċi huma normali.
Iżda l-istqarrija akkużat lil Zammit li kien insensittiv għax Alfred Sant kien għadu d-dar qed jirkupra mill-operazzjoni li saritlu. Li kieku Sant wara l-operazzjoni ddeċieda li jieqaf mill-politika għal numru ta’ ġimgħat sakemm jirkupra saħħtu nistgħu nifhmu l-weġgħa tal-MLP.
Imma ladarba l-Kap Laburista ddeċieda minn jeddu li jinżel fl-arena politika b’kitbiet li jniggżu, kif għandu kull dritt jagħmel anki fuq l-isptar il-ġdid, allura la hu u lanqas il-partit ma setgħu jippretendu li ħadd ma jgħid xejn.
Zammit kellu kull dritt li jikteb dwar dak li qal Sant għax dan hu pajjiż ħieles.
Inħossu li f’dan il-każ l-MLP kien sensittiv iżżejjed anki jekk m’għandna l-ebda dubju li l-PN se jipprova jisfrutta favur tiegħu l-istat ta’ saħħa ta’ Sant matul il-kampanja elettorali.

Intervista
Fuq Alfred Sant, l-ewro u l-patrunaġġ politiku

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef


Editorijal

L-iżball ta' l-NECC


Il Punt
Iċċensurawni please!
John Zammit

TONI U PEPPI
Fejn tibda u tieqaf il-ħajja pubblika tal-politiku?


Emmanuel Micallef
Il-buffet elettorali


Carmelo Mifsud Bonnici

“The Audacity of Hope”



X'kien Jgħid
L-alternanza



Wenzu Mintoff

F'ġieh Sant'Iermu


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075