MediaToday

X'kien jghid? | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Kull deni ħudu b’ġid

Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. L-aħbar xejn mistennija li d-dottor Sant f’daqqa waħda kellu bżonn intervent kirurġiku serju ta’ malajr malajr, żgur li kienet waħda ta’ sorpriża għal kulħadd u ħasdet lil ħafna, kemm lis-sostenituri tad-dottor Sant kif ukoll lill-avversarji politiċi tiegħu fl-istess partit Laburista kif ukoll fil-partiti politiċi l-oħra.
Min ilu jippjana biex jara lid-Dottor Sant Prim Ministru, min ilu jippjana biex lid-dottor Sant joħodlu postu fit-tmun tal-partit Laburista u min ilu jippjana biex jerġa’ jtellfu l-elezzjoni instaram. Kollha ħadu ħasda! Ġrat xi ħaġa li ma kienet fil-pjani ta’ ħadd u dawk li f’Malta jgħidu li xejn ma jsir b’kumbinazzjoni għal darba kellhom jagħlqu ħalqhom.
L-aħħar messaġġ tiegħi f’din il-gazzetta, ħmistax ilu, kien spiċċa hekk: “Wara l-festa ta’ l-Epifanija, nistenna li l-kanuni tal-PN se jduru fuq id-dottor Sant b’aktar qawwa minn qatt qabel!”
Tassew li mort żmerċ għal kollox, għax fis-sitwazzjoni ġdida li nqalgħet li fiha l-partit Laburista se jilgħab il-karta tas-simpatija, kif diġà beda jagħmel, l-aħħar ħaġa li għandu jagħmel il-PN hi li jattakka lil Alfred Sant.
Dan ikun jonqsu Lorenzo biex jitħarbatlu kollox! Bħalikieku ma kienx biżżejjed li dan l-iżvilupp xejn mistenni kompla jnaqqas mill-għażliet li kellu Lorenzo għad-data ta’ l-elezzjoni! Almenu, il-Laburisti ma jistgħux jgħidu aktar li Lorenzo hu iggranfat mal-poter u jrid jibqa’ jkarkar kemm jista’ jkun bħala Prim Ministru, meta fid-deher ikun qed juri li għandu s-sens u l-prudenza li joqgħod jistenna lid-dottor Sant jirkupra qabel ma jsejjaħ l-elezzjoni! Min kif tkellem il-konsulent li għamillu l-operazzjoni, id-dottor Sant se jkun ‘fighting fit’ sa’ l-aħħar ta’ Jannar u allura l-elezzjoni tista ssir anki qabel l-Għid, fl-ewwel nofs ta’ Marzu.
Iżda m’għandux ikun hemm dubju li Joe Saliba qatta’ ‘il-vakanzi’ tal-Milied u ta’ l-ewwel tas-sena jirtokkja – jew x’aktarx jerġa’ jfassal mill-ġdid - l-istrateġija u t-tattika elettorali tal-PN. L-enfasi fuq l-inkompetenza tad-dottor Sant se jkollha tisparixxi u minflok l-għajta tal-kampanja tal-PN x’aktarx li se tkun il-kisbiet ta’ l-amministrazzjoni ta’ Lorenzo, speċjalment fil-kamp ekonomiku, u n-nuqqas ta’ pjani alternattivi serji min-naħa laburista.
Għax il-verità hi li l-pjan għall-bidu ġdid li fassal Alfred Sant aktar ma jgħidx milli jgħid kif il-politika ta’ Gvern Laburista se tkun differenti minn dik ta’ l-amministrazzjoni attwali.
Donnu li meta wieħed jgħarbel kollox, isib li l-Laburisti jridu jkomplu fuq it-triq li qabad il-PN - ħlief għal xi tliet fesseriji li aktar jagħmlu deni milli ġid: bħall-proposta ta’ sena żejda fl-edukazzjoni primarja; aktar sussidju ta’ l-elettriku mit-taxxi ta’ kulħadd biex taparsi ‘jiffrankaw il-flus’ dawk li jużawh u t-tneħħija tat-taxxa tad-dħul fuq is-sahra.
F’dan ix-xenarju ċerti argumenti li jista’ joħroġ bihom il-PN għandhom perikolu mil-lat ta’ propaganda. Qed naħseb għal dawk l-argumenti li jkunu xi ħaġa hekk: Dawk li ma emmnux fl-Ewropa, u fl-adozzjoni ta’ l-ewro, jistgħu imexxuna aħjar fl-Ewropa? L-idea li l-istess politika li biha miexi l-PN fil-Gvern tagħti aktar riżultati tajbin jekk titmexxa mil-Laburisti għax huma aktar effiċjenti tagħmel sens?
Dawn l-argumenti għandhom in-naħa l-oħra tal-munita. Għax dawn qed indirettament jammettu li l-bidla mhux bilfors tkun għall-agħar.
L-argument tal-bidla mhux wieħed faċli biex jingħeleb mill-PN wara 20 sena fil-Gvern... u l-uniku mod li wieħed jista’ jegħlbu hu li wieħed jibqa’ jinsisti li bidla sempliċiment biex ikollna bidla ma tagħmilx sens għax din tfisser li dak li jkun ma jimpurtahx jekk il-bidla tkunx waħda għall-agħar jew għall-aħjar!
Wara kollox, anki l-attakk tal-Laburisti dwar l-għoli tal-ħajja, mhu xejn ħlief duħħan fil-vojt għax ir-rekord tal-Gvernijiet Laburisti għal dik li hi inflazzjoni mhux xi rekord li jistgħu jiftaħru bih! U jista’ jsir l-argument li anki minn dan il-lat il-bidla tista’ tkun waħda għall-agħar.
Elezzjoni miġġielda b’anqas enfasi fuq il-personalitajiet hi elezzjoni miġġielda b’mod ċivili. U jekk dan se jkun l-effett ta’ l-inkwiet temporanju dwar saħħet dottor Sant, allura dan hu effett pożittiv
għall-pajjiż.
Iżda dan mhux l-uniku effett. Għax idur fejn idur Joe Saliba se jsib li kif żviluppat is-sitwazzjoni, l-issues elettorali se jkunu aktar dawk li jrid il-Partit Laburista milli dawk li jrid il-Partit Nazzjonalista.
Mhux ta’ b’xejn il-Partit Laburista qed jifhem aktar is-sinifikat tal-qawl Malti: Kull deni ħudu b’ġid!

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075