MediaToday

Wenzu Mintoff | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Gaff Madornali

Din is-sena l-ġdida bdejtha bit-tajjeb mat-tokki ta’ nofs il-lejl bil-mużika tal-Maestro, poeta u kantant mill-aqwa Antonello Venditti fit-trasmissjoni diretta mill-belt Taljana ta’ Rimini fuq ir-Rai Uno.
Minkejja li dan il-kantawtur leġġendarju Taljan ma tantx jippresta ruħu għat-tbaħrid u l-briju ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena, l-atmosfera li toħloq il-mużika u l-lirika tiegħu hi unika u fiha ċertu seher li diffiċli tiddeskrivih.
Biex tkun verament kompluta l-kariżma ta’ Venditti tkompli tissaħħaħ bil-ħsieb politiku xellugi tiegħu li minkejja li mhux iffossillizzat f’xi ideoloġija tal-passat xorta waħda hu ankrat ma’ prinċipji u ideali li ma jmutu qatt.
Hekk kif xi jumejn qabel sirt naf li Antonello Venditti kien se jkun f’dan il-programm speċjali minn Rimini, wara li rajt kif benġilta mal-mara, ħassarna l-booking li kellna u bqajna d-dar nogħxew u nkantaw ma’ Venditti. Ta’ fanatiku li jien, lill-mara u t-tifla l-ħin kollu bdejt ngħidilhom “la bdejnieha ma’ Venditti, din is-sena l-ġdida bilfors se tkun waħda tajba!”
Naturalment f’dik l-atmosfera effervexxenti u ta’ festa ma kienx il-lok li jindaqqu u jitkantaw il-ballati ta’ l-imħabba kollha skossi bħal Alta Marea, Ogni Volta u Amici Mai u minflok smajna bċejjeċ iktar movimentati li tista’ tiżfen magħhom bħal In questo mondo di ladri, Che fantastica storia è la vita, Ci vorebbe un’ amico u Ricordati di me u s’intendi ma setgħux jonqsu s-siltiet Dalla pelle al cuore u Regali di Natale mill-aħħar album ta’ Venditti li ma’ jistax jonqos li ma nikkunsidrahx bħala kapolavur.
Minn dan l-album tolqotni l-iktar Tradimento e Perdono dedikata lil Di Agostino Bartolomei, Marco Pantani u Luigi Tenco li kienu jinżammu fuq wiċċ l-idejn fl-aqwa tal-karriera tagħhom imma wara li kien għadda l-aqwa tagħhom ħassewhom abbandunati u minsija tant li f’mument ta’ disperazzjoni spiċċaw temmew ħajjithom b’idejhom.
L-għabex ta’ din is-sena l-ġdida kien kollu marbut mal-miġja fostna tal-munita ewro. Skuża tajba biex il-Maltin u l-Għawdxin jiċċelebraw flimkien bħala poplu wieħed mingħajr distinzjoni, l-istess bħalma t-Taljani għamlu f’Rimini, l-Ingliżi fi Trafalgar Square, il-Franċiżi fi Place de la Concorde u tant postijiet oħra madwar id-dinja.
Imma ħasra li ma kellux ikun hekk ukoll f’Malta. L-ispirtu ta’ dawn il-ġranet megħjun xi ftit ukoll minn dak li bħal dan iż-żmien ta’ festi jiġi mlegleg bil-gliegel, kellu jipprevali u jirbaħ fuq kull kunsiderazzjoni oħra.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-ewro kellhom iservu ta’ pretest tajjeb biex il-Maltin u l-Għawdxin, huma ta’ liema kulur huma, jiddevertu u jieħdu gost bil-kumpanija ta’ xulxin mingħajr ma jkollhom għalfejn jagħmlu dak li s-soltu jagħmlu li jħallsu flus tajba għal servizz tal-qamel.
Bejn pawsa u oħra tal-kunċert ta’ Venditti għal ftit sekondi qlibtlu fuq One TV u stħajjiltni li mingħajr ma ridt kont qed nara n-Net TV għax ħlief preżentaturi u ġurnalisti tan-Net u ta’ Radio 101 ma bdejtx nara. Possibbli okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni nazzjonali bħal din kellha tispiċċa tingħata din it-tonalità partiġġana meta faċilment setgħu jinstabu preżentaturi ta’ bixra mhux daqstant Nazzjonalista sfegatata bħal Nathaniel Attard u Amanda Ciappara, fost l-oħrajn!
Imma l-qofol intlaħaq, u ma flaħtx nissaporti iktar, meta fuq it-televiżjoni kelli nara l-wiċċ qaddies ta’ Giovanna Debono tgħid tagħha dwar l-ewro qalb il-bżieżaq bix-shorts irrigat ta’ Ira Losco fl-isfond jaqbeż warajha minn fuq il-palk fit-Tokk Għawdex.
Possibbli ma kinux jifilħu l-politikanti għal darba jegħlbu t-tentazzjoni li jieħdu rikba b’xejn minn fuq din l-okkażjoni u joqogħdu pass lura u jħallu l-poplu jiċċelebra kif irid u kif jogħġbu?
Kif ma stħawx l-organizzaturi ta’ din is-serata joħorġu bi programm bħal dak lejlet l-elezzjoni bi preżentaturi ġejjin kollha minn naħa waħda tax-xaqliba politika u bil-Prim Ministru Gonzi u d-dell tiegħu Kate jippruvaw jisirqu x-xena mat-tokki ta’ nofs il-lejl meta din it-trasmissjoni kienet se tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni, inkluż One TV?
Ħallik li l-Prim spiċċa ġralu bħal Cinderella u żelaq fuq qoxra ta’ banana. Min jaf kif ħares il-Laburist medju bil-mexxej tal-partit tiegħu rikoverat l-isptar, jibda l-ewwel mumenti tas-sena l-ġdida bid-dehra ta’ Lawrence Gonzi fuq l-iskrin ta’ One TV qed jipprova jisraq ix-xena?
Imma bħalma jgħid il-Malti x-xitan m’għandux ħalib u xorta waħda jagħmel il-ġbejniet. Kellha tkun it-teknoloġija ta’ l-informatika fil-forma ta’ magna awtomatika li permezz tagħha jissarrfu u jiġu depositati l-flus li ċaħħdet lill-Prim Ministru Gonzi minn mument ta’ glorja. Il-magna ħarġitu ta’ mażetta quddiem il-cameras ta’ l-istampa internazzjonali.
Kien tassew patetiku wieħed mill-paġġi ta’ Gonzi jisforza jżomm subgħajh fuq it-tapp tal-flixkun tax-xampanja li laħaq sarlu vjola sakemm fl-aħħar, ħareġ li kellu joħroġ, mhux minn dik il-magna imma minn oħra ftit ’il bogħod minnha.
Iktar ma toqrob il-ġurnata ta’ l-elezzjoni iktar m’hu se jkun in voga l-irkib mill-politikanti, jew kif isibuhom l-Ingliżi, il-free rides. Wara l-gaff madornali ta’ l-ATM li ma ħadmitx u li fi kliem l-istqarrija tal-BOV spiċċat imbarazzat lil Lawrence Gonzi f’mument li kellu jkun wieħed ta’ glorja, kont nistenna li propagandisti Nazzjonalisti jippruvaw inessuna mill-aħjar li jistgħu din il-ġrajja tal-mistħija.
L-istqarrija tal-BOV ippruvat mill-aħjar li setgħet tiskolpa għal kollox lill-Kumitat tal-Bidla għall-Ewro u spiċċat waħħlet fir-rassa tan-nies li kien hemm madwar din l-imniefaħ ta’ magna.
Bħalma jiġri dejjem meta l-affarijiet jiġu sew jieħdu l-kredtu l-Ministri u l-figatelli tagħhom u meta l-affarijiet imorru ħażin it-tort jingħata lin-nies. Ma nafx jekk kellux x’jaħti dak il-funzjonarju bil-ħarsa ta’ mbeċċilli bil-flixkun tax-xampanja f’idu li mingħajr ma ried seta’ laqat il-magna bit-tapp tas-sufra tax-xampanja.
Imma fil-ferneżija li kompliet tirkbu għall-finijiet elettorali mingħajr ma ried Gonzi reġa’ fakkarna fil-gaff madornali ta’ l-ATM meta fettillu joffri għall-irkant lid-Dar tal-Providenza €50 li ħarġu minn magna oħra minflok il-famuża waħda li ma ħadmitx għax bħal donnu stħat mill-attenzjoni tal-kameras li kienu mixħutin fuqha.
Dawn il-qaħbeċ €50 bil-firma ta’ Gonzi fuqhom għamlu ġurnata sħiħa jissemmew fil-glorja u fil-batal matul il-maratona ta’ l-RTK. B’50 ewro, mhux żgur Lm22 b’kollox, Gonzi kellu riklam b’xejn għal ġurnata sħiħa la l-organizzaturi ippermettewlu dan fl-inġenwità tagħhom.
Imma hu u jagħmel dan forsi nesa l-Prim Ministru li hu illegali li tikteb jew tiffirma fuq karta tal-flus li hi l-valuta legali ta’ dan il-pajjiż biex b’hekk f’temp ta’ ftit sigħat spiċċa għamel gaff oħra.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075