MediaToday

Toni U Peppi | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

X’riżoluzzjonijiet għamilt?

TONI

Jien qatt ma emmint fir-riżoluzzjonijiet ta’ l-ewwel tas-sena. L-ewwel santu ħaġa, dawn qishom isiru biex jinkisru. It-tieni, sena m’hi xejn ħlief kejl, bħalma hu l-metru u l-kilogramm.
Ma hemm xejn materjali f’dak kollu li jifred lill-bieraħ mil-lum jew xi tieqa li tħares għal fuq dak li ġej. Sena huwa ħsieb artifiċjali u allura daqstant artifiċjali.
Dawn il-festi ma “gawdejthom” xejn. Kważi mill-bidu ta’ Diċembru sal-mument li qiegħed nikteb dan l-artiklu bqajt maqful id-dar. Ma iddispjaċinix. Xejn xejn it-temp kien ikrah u mill-ġiri fuq barra jien mhux nieqes.
Qattajt ħafna ħin mal-familja, bit-tajjeb u l-ħażin li dan iġib miegħu u għaddejt sigħat twal naqra u nikteb. Biżżejjed ingħid li kelli proġett li kien ilu s-snin iberren f’moħħi, kważi lestejt nofsu. F’dawn l-għaxart ijiem skoprejt diversi affarijiet.
Darba minnhom kont tiela’ t-taraġ u tlabt l-għajnuna tat-tifla ż-żgħira. Mit-tlieta, din l-aktar li ħarġet tixbaħni mill-karattru. Għaddietli kumment li bqajt naħseb fuqu. Qaltli li kien l-ewwel darba li qattajt daqshekk żmien magħhom u biex nagħmel hekk kelli nkun ma niflaħx. Qaltli li jiena ma kontx nafhom biżżejjed, tant li sajjartilhom il-klamari, meta la hi u lanqas ħuha t-tewmi ma kienu jħobbuhom. Kemm ili ma noħroġx mid-dar, sa kwizz fuq ħajjithom għamluli u minn għaxra mhux żgur qtajt tlieta. Skond huma, prova ċara ta’ kemm ma kontx nafhom.
Il-messaġġ ħadtu. Mhux il-flus kollox fil-ħajja. Irrid innaqqas mix-xogħol u mill-impenji biex ngħaddi aktar ħin mal-familja. L-aħjar żmien diġa’ tliftu meta aħna nkunu midfunin fl-attivitajiet ta’ matul is-sena, b’kull jum iġib ieħor warajh u kull sena oħra warajha mingħajr ma nintebħu nkunu qisna kastelli tar-ramel qegħdin nittieklu ftit ftit. Din hi l-ewwel riżoluzzjoni: li nipprova nqatta’ aktar ħin ma’ dawk li fil-ħajja niħduhom “for granted”.
Kemm domt id-dar qrajt ħafna aktar. Meta ssib ħin biex taqra kotba ta’ kwalità tintebaħ kemm matul is-sena naħlu ħin naqraw ħwejjeġ li ma jagħtu xejn lura lill-moħħ. Il-gazzetti ta’ kuljum huma wħud minn dawn il-ħwejjeġ. Mimlijin tqasqis nofs aħbarijiet, artikli ta’ nies mill-aktar medjokri (tiegħi mhux esklużi) u politika lokali mimlija vavati u bluha ta’ min hu maqtugħ minn man-nies. F’dawn il-jiem twal li għaddejt fil-kamra tiegħi kelli l-ħin naqra ftit storja, ftit letteratura, insomma ftit minn dak li matul is-sena nnaqqar bil-ħatfa.
Għalhekk it-tieni riżoluzzjoni hi li safejn nista’ inkompli għaddej fil-arja pura ta’ qari aktar sustanzjuż. Nipprova mmur għal aktar “slow food” tal-moħħ milli għal dak “fast” li nikkunsmaw kuljum. Tkun xi tkun iċ-ċirkustanza ser nipprova ngħaddi aktar ħin naqra, milli naħli ħini ma naqrax biex naqra dawk li jiktbu ta’ madwari. Diġa’ għamilt lista ta’ kotba. Qtajtha li l-ewwel wieħed ta’ għal din is-sena jkun “The God Delusion”. Il-mara qratu u qaltli mgħaġġbin kemm huwa tajjeb.
Ktibt ħafna. Anke matul is-sena nikteb ħafna. Iżda skond x’tikteb. Dejjem nagħmel ħilti biex nevita li nikteb fuq suġġetti li kulħadd ikun qiegħed jikteb dwarhom. Nipprova ukoll li ma nkunx bħal dak il-kelb qiegħed iħares fil-megafonu tat-tikketta tad-diski li jisimha “His Master’s Voice”.
Iżda f’dinja mimlija preġudizzji u pressjoni l-ħin kollu, ħafna drabi tikteb ħwejjeġ li fil-ġabra u fis-skiet ta’ min hu seren u għandu cans jaħseb ma kontx tiktibhom. Matul is-sena ħafna jiktbu qishom għassiesa ta’ xi forti.
Kemm domt id-dar ktibt dak li ridt. Għalhekk għamilt riżoluzzjoni li kemm jista’ jkun ser nikteb u nitkellem fuq ħwejjeġ li nagħzel jien u mhux li jagħzilli ħaddieħor. Din ir-riżoluzzjoni tgħodd għalik, Sur Editur. Ser nipprova nkun aktar jiena minn ħaddieħor u nikteb fuq ħwejjeġ aktar soċjali u anqas “politiċi”. Din ir-riżoluzzjoni m’għandhiex tkun daqstant difficli għax fis-sena li għaddiet diġa’ ma tantx tbegħidt minnha. Iżda irrid ukoll naħseb daqsxejn għal rasi ma mmurx ninkalja.
Irrid nipprova niekol aħjar u nagħmel aktar sports. Din ir-riżoluzzjoni ili nagħmilha għal dawn l-aħħar 20 sena. Dejjem ser nibda u ma nibda qatt. Dan l-aħhar anke ritratti d-daqs ta’ passport ħadt biex ninkiteb f’gym, iżda fil-kartiera kienu u hemm għadhom. Dawk li huma bħali għandhom mill-iskarpan. Għal ħaddieħor żraben għandu kemm irid iżda hu joħroġ ħafi mid-dar. Matul is-sena għal ħaddieħor inħabirku ħafna iżda meta niġu biex nieħdu ħsieb tagħna nfusna naqgħu f’għażż qisu balżmu tal-ġisem.
Issa li daħlet il-munita ta’ l-ewro nagħti bqija tajba u ġusta kemm għalija kif ukoll għal min qiegħed iħallasni. Ser nipprova ma naqax fit-tentazzjoni li naqta’ għad-dritt jew inġib kollox għat-tond. La rrid nisraq iżda lanqas jisirquni. Nittama biss li din ir-riżoluzzjoni qegħdin jagħmluha dawk kollha li għandhom ħanut jew qegħdin fin-negozju.
Fl-aħħarnett ir-riżoluzzjoni tar-riżoluzzjonijiet: li jekk minn dawn ir-riżoluzzjonijiet ma nżomm xejn minnhom din is-sena, nipprova nżommhom is-sena ta’ wara!

PEPPI

Dawn huma l-10 riżoluzzjonijiet li qed nagħmel għal din is-sena.

Id-dar fuq il-mobile. Ibni Xandru jiġri warajja qed jipprova jkellimni. Naqta’ u jerġa jċempel. Nitkellem u naqta’. Xandru jitlobni nixtrilu mobile. Nistaqsih għaliex irrid mobile. Jgħidli: “Daddy, biex inċempillek ħa nkun nista’ nkellmek.” Allura iddeċidejt li kultant nibda nagħmel il-mobile silent. Naf li qed nirrabja ħafna nies għax s’issa ftit kienu dawk li ma jsibunix. Imma iddeċidejt. U lil dawk li jċemplu mingħajr ma jidher in-numru ma nweġibhomx. Dan x jiġifieri huma jafu n- numru tiegħi u jien ma nistax inkun naf in-numru tagħhom?
Li nibda nħalli għal għada dak li nista’ nagħmel illum. Ta’ madwari kważi kollha hekk jagħmlu u tgħidx kemm niġġieldu. F’isem il-paċi se nibda nagħmel bħalhom u nħalli kollox u lil kulħadd jistenna.
Dan l-aħħar iffissajt fuq inkwatru li qlajt, elettroniku naturalment. Inkwatru li jbiddel ir-ritratti kull ftit sekondi.Qed jirnexxieli insib ħin inżidlu aktar ritratti. Mir-ritratti niftakar fil-ħbieb li kelli, fil-familja kbira tiegħi li ilni ma nara. Veru ninħaraq li m’għandiex ċans nieħu gost magħhom. Issa ninsab determinat.Iż-żmien mhux jistennini u għalxejn ngħidlu biex jeħodha aktar bil-mod.
It-treadmill. Niġri għal nofs siegħa kuljum u nibqa’ fl-istess post. Bit-televixin quddiemi , bir-radju miftuħ, imma xorta niddejjaq. Kultant inkun tiela’ fuq biex nirkibha u nkun nixtieq imur id-dawl, ma taħdimx jew iċempel il-mobile b’xi bżonn urġenti. U tiskanta kif issir urġenti dan il-ħin….
Nibda nikteb teleserial li ilu jagħqad ġo fija żmien twil. Il-karattri xebgħu jiġġieldu biex joħroġu u issa bdew jagħtu bejniethom. Għandi lil Simon iffissat fuq Kyle, mejjet biex jgħidilha li l-għarus tagħha gay. Hemm imbagħad Nadia li ħoblot fil-ħabs minn kandidat ġdid fl-elezzjoni li jmiss. Hemm Francesca li xebgħet tgħid lill-boyfriend ma jisserfjax fuq l-internet iħuf għall-films pornografiċi għax tibża’ li jsib il-film xejn diċenti li kienet ħadet sehem fih hi. Ħa nieqaf għax se nispiċċa ngħidilkom l-istorja. Joe Friggieri darba fl-lecture qalilna: “Jekk trid tikteb, ikteb.” Tidher sempliċi imma 20 sena wara bqajt niftakarha. U hekk se nagħmel.
Se nerġa nibda ngħid ‘fil-qosor’ waqt ix-Xarabank. Għax sentejn ilu kont għamilt riżoluzzjoni li ma ngħidx ‘fil-qosor’ aktar u żammejtha. Issa ilni sentejn ma ngħidha u n-nies xorta jibqgħu jgħiduli li ndejjaqhom ngħid ‘fil-qosor’. Allura …..
Se nibda nasal fil-ħin għal kull appuntament li jkolli u nibqa’ nittama li jiġu tard. Jiena ma niddejjaqx nistenna għax huwa l-uniku mument li nkun qed naħli ż-żmien u m’għandix tort.
Se nipprova nibqa’ naċċetta iktar l-affarijiet li ma nistax inbiddel. Din filosofija li jekk tgħixha tbiddilek ħajtek. Ippruvajtha u ħadmet ħafna fuqi.
Nibda nilbes is-seatbelt. Kieku mhux għax ninqabad is-seatbelt ma nilbsux għax jirritani u jdejjaqni u jqabbiżhieli jħokk miegħi. Imma m’għandix raġun.
Inwiegħed li nżomm dawn ir-riżoluzzjonijiet għalija, ma ngħidhom lil ħadd, biex jekk, kif naħseb li se jiġri, niksirhom, ma naqax għan-nejk iktar milli waqajt is-sena l-oħra.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075