Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
L-aħbar li t-Taljani se jkunu qed jagħmlu r-rondi fl-ibħra territorjali Libjani biex iservu ta’ deterrent għall-immigrazzjoni klandestina hi tajba għal Malta.
Il-ftehim li t-Taljani leħqu mal-Libja l-għada tal-Milied ifisser li bastimenti tal-Guardia Costiera se jkunu qed jassistu lill-qawwiet navali Libjani fl-għassa ta’ l-ibħra tul il-kosta Libjana f’żona li hi iktar ’l isfel minn dik normalment mgħassa mill-UE permezz tal-Frontex.
Għalkemm dan mhux se jwaqqaf il-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni, se jkun qed jagħmilha iktar diffiċli għall-gruppi kriminali li joperaw dawn il-vjaġġi klandestini u għalhekk nistgħu nistennew li jonqsu n-nies li jispiċċaw fil-gżejjer Maltin bi żball.
Sakemm il-Libja ma jerġax jibdilha, Malta se tkun qed tgawdi minn dan il-ftehim li s’issa nżamm pjuttost mistur. Ma nafux x’wegħdu t-Taljani biex irnexxielhom jikkonvinċu lil-Libjani u forsi jkun jaqbel għal Malta li tkun taf eżatt x’fih il-ftehim biex tara hemmx implikazzjonijiet oħra li jistgħu jolqtu l-pajjiż fit-tajjeb u l-ħażin.
Iżda l-influss inqas ta’ nies mhu se jnaqqas xejn mill-problemi l-oħra assoċjati ma’ l-immigranti li diġà jinsabu fostna u li qed jgħixu f’kundizzjonijiet xejn dinjitużi.
Bl-elezzjoni wara l-bieb u bil-partiti politiċi ewlenin mingħajr interess li b’xi mod jidhru qishom qed jagħmlu xi ħaġa ‘tajba’ għall-immigranti minħabba l-biża’ tal-kastig mill-elettorat qajla nistennew li jsir xi ħaġa biex ma jibqax ikollna immigranti jgħixu sajf u xitwa taħt it-tined.
Il-partit ta’ Josie Muscat bid-diskors iebes kontra l-immigrazzjoni u l-problemi soċjali u ekonomiċi marbutin ma’ dan il-fenomenu ikkundizzjona lill-PN u l-MLP. L-elettorat fil-biċċa l-kbira tiegħu jħossu komdu bid-diskors ta’ Azzjoni Nazzjonali anki jekk hu msejjes fuq biża’ irrazzjonali u ħafna esaġerazzjonijiet.
Kull argument li jesprimi simpatija jew kumpassjoni ma’ l-immigranti mhux bilfors jinżel tajjeb ma’ l-elettorat u ż-żewġ partiti l-kbar m’għandhomx lil min jista’ joffri tmexxija serja li saħansitra tisfida l-impressjonijiet kultant żbaljati tan-nies. Din l-attitudni mhux se tinbidel fl-2008 anki jekk tinbidel l-amministrazzjoni tal-pajjiż.
Probabbli xi jseħħ: Se nibqgħu naraw nies itturufnati jaħbtu ma’ xtutna anki jekk f’numri iżgħar. It-tensjoni soċjali fost il-Maltin tibqa’ ittektek u tiżdied id-doża sforz id-diskors politiku estremist ta’ xi wħud. |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|