Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
L-2008 se tkun l-aħħar sena li matulha t-Tarzna tirċievi s-sussidji biex tibqa’ għaddejja.
Għall-ħaddiema li jaqilgħu ħobżhom mill-baċiri din hi s-sena tad-destin għall-azjenda li kemm-il darba spiċċat tiżfen fl-arena politika.
Il-ħidma li saret tul dawn l-aħħar snin biex it-Tarzna tkun tista’ tieqaf fuq saqajha ma jidhirx li ħalliet il-frott mixtieq minkejja t-titjib li kien hemm. L-2008 se tara lill-ħaddiema jinkwetaw dwar il-futur tagħhom iktar minn qatt qabel.
Id-diversifikazzjoni li seħħet fit-Tarzna mill-2004 lil hawn mhix biżżejjed u qajla jidher li hemm ħsibijiet iktar radikali ta’ kif l-azjenda tista’ tuża r-riżorsi kollha tagħha biex tiġbed investiment u xogħol ġdid li mhux bilfors ikun marbut mal-vapuri.
Il-ħaddiema tat-Tarzna se jkunu ħerqana biex jaraw x’se jingħad dwar il-futur tagħhom fil-manifesti politiċi għall-elezzjoni. Dak li jitwiegħed lilhom irid ikun fil-parametri Ewropej u peress li ż-żmien issa qed jagħfas kulmin ikun fil-Gvern ftit jista’ jimmanuvra biex xogħol il-ħaddiema jkun imħares għal li ġej. Kull proposta dwar it-Tarzna trid tkun innovattiva u radikali. U anki jekk hi realtà skomda, l-partiti jeħtieġ jgħidu x’se jiġri fil-każ li l-kumpanija ma jirnexxilhiex tfendi għal rasha mingħajr is-sussidju.
L-inċertezza dwar il-futur tat-Tarzna se tolqot ħafna familji fl-inħawi tal-Kottonera u dan jista’ jwassal għal iktar problemi soċjali fiż-żona. Dan jista’ jkun mtaffi bil-proposti ta’ investiment għaż-żona kollha tal-Port il-Kbir li qed jagħmlu ż-żewġ partiti l-kbar u li jistgħu joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol u kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies ta’ l-inħawi.
Madankollu, fl-2008 il-bżonn immedjat tal-familji li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-baċiri se jkun is-serħan tal-moħħ dwar il-futur, xi ħaġa li probabbilment mhux se jsibu.
Din l-inċertezza tista’ twassal għal diżgwid serju bejn il-ħaddiema u l-maniġment. Imma l-militantiżmu ta’ wħud mill-ħaddiema mhux bilfors se jsib l-appoġġ sħiħ u miftuħ tal-GWU.
L-ikbar union f’Malta iddgħajfet f’dawn l-aħħar sentejn speċjalment wara d-disfatta tas-Sea Malta u t-tluq tal-ħaddiema tax-xatt u mhux probabbli li l-GWU se tfittex konfrontazzjoni mal-Gvern fuq it-Tarzna meta taf li din tista’ tkun kawża oħra mitlufa li sservi biss biex ittellef il-kredibbiltà tal-union f’għajnejn setturi oħra ta’ ħaddiema.
Probabbli xi jseħħ: Minkejja x-xogħol li jista’ jinġieb, it-Tarzna probabbilment se tkompli titlef il-flus u mingħajr pjan serju għall-futur l-aħħar tokki ta’ l-2008 jistgħu jkunu wkoll l-aħħar tokki għal din il-kumpanija. |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|