Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
Biż-żewġ partiti politiċi ewlenin iserrħu ħafna fuq it-tkabbir ekonomiku biex jiffinanzjaw il-programmi rispettivi tagħhom it-tnejn li huma se jkunu qed jittamaw li l-ekonomija fl-2008 mhux biss iżżomm l-istess ritmu tas-sena li għaddiet imma tkompli żżidu.
Probabbilment it-tnejn li huma joħorġu diżappuntati anki jekk fuq in-naħa tal-Gvern hemm ottimiżmu li r-ritmu li qabdet l-ekonomija jista’ jinżamm.
Kien il-Fond Monetarju Internazzjonali li f’Ottubru bassar tnaqqis għall-2008, opinjoni li esponenti tal-Gvern ma qablux magħha. Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech kien qal li t-tbassir tal-Gvern fil-baġit għall-2008 kien mibni fuq stimi konservattivi u allura l-Gvern għandu fuq xiex iserraħ jekk l-affarijiet ma jmorrux kif ippjanat.
Il-baġit għall-2008 jipproponi spiża ikbar għall-Gvern u kull ċaqliq ’l isfel fl-ekonomija jista’ joħloq problemi jekk itul. L-ekonomista Edward Scicluna kien minn ta’ l-ewwel wara t-tħabbir tal-baġit esprima l-inkwiet tiegħu għall-fatt li l-Gvern kien qed iserraħ ħafna fuq tkabbir ekonomiku ġeneruż.
Hemm ħafna x’jista’ jmur ħażin fl-2008 u mhux kollox jiddependi fuq is-swieq internazzjonali. Ovvjament, il-prezz taż-żejt u ċ-ċereali se jkollhom piż qawwi fuq ir-ritmu ekonomiku mhux biss f’Malta imma wkoll fis-swieq fejn nesportaw.
Iż-żejt jibqa’ suxxettibbli ħafna għal kriżijiet internazzjonali. F’temp ta’ ġurnata l-ġimgħa li għaddiet rajna l-prezz jaqa’ meta kumpaniji kbar
taż-żejt ġabru l-profitti tagħhom biex reġa’ spara ’l fuq wara l-qtil ta’ Benazir Bhutto fil-Pakistan.
Mal-qalba tas-sena ż-żejt mhux maħdum sa laħaq, anki jekk għal ftit, il-$100-il barmil. Analisti
tas-swieq ibassru li l-prezz taż-żejt se jkompli tiela’ speċjalment minħabba d-domanda dejjem tikber
miċ-Ċina u l-Indja.
Bl-arranġamenti tal-hedging li saru mill-Enemalta sa Ġunju kull żieda fl-ewwel nofs tas-sena mhux bilfors se tolqot direttament lill-konsumaturi ħlief l-industrija li timporta materjal għal-produzzjoni magħmul mill-prodotti taż-żejt. Iżda fit-tieni nofs ta’ l-2008 l-għoli fil-prezz taż-żejt jista’ jkollu impatt b’saħħtu fuq l-ispiża ta’ l-Enemalta li mbagħad tgħaddih lill-konsumatur.
Jekk ikun hemm Gvern Laburista l-ispiża fuq il-konsumatur għandha tonqos bil-wegħda li s-soprataxxa titnaqqas bin-nofs. Madankollu, nistennew li ż-żieda fis-sussidju lill-Enemalta biex jonqos il-piż fuq il-konsumatur il-Gvern jagħmel tajjeb għaliha b’xi taxxi ġodda jew bit-tqaċċit ta’ spejjeż oħra mwiegħda fil-baġit.
Il-prezzijiet għoljin taż-żejt u ċ-ċereali jistgħu jħallu impatt negattiv fuq il-konsum domestiku li hu pern ewlieni fil-filosofija ekonomika taż-żewġ partiti l-kbar.
Iżda dawn mhumiex l-uniċi fatturi li għandhom piż qawwi fuq l-ekonomija. Il-fatt li l-2008 hi s-sena ta’ l-elezzjoni, minnha nfisha tixpruna ritmu iktar kajman għax deċiżjonijiet dwar investiment jistgħu jkunu posposti.
Madankollu, il-fatt li l-programmi ekonomiċi taż-żewġ partiti l-kbar mhumiex wisq differenti minn xulxin jista’ jitnaqqas dan ir-riskju. Aġenziji internazzjonali ta’ kreditu diġà innutaw li jekk ikun hemm bidla fil-Gvern mhux mistenni jinbidel wisq mil-lat ekonomiku u allura l-ħsieb ta’ elezzjoni din is-sena jista’ ma jkollux l-istess impatt negattiv bħalma kellu fi snin oħra.
Imbagħad hemm l-impatt ta’ l-ewro. Fil-qasam industrijali m’hemm l-ebda dubju li l-ewro se jiffaċċilita n-negozju u jwassal ukoll għal rati ta’ interess iktar baxxi. Apparti stabbiltà monetarja l-ewro toffri wkoll stabbiltà psikoloġika lil min ikun irid jinvesti f’pajjiżna għax tagħti serħan il-moħħ dwar post Malta fis-suq Ewropew.
Imma bl-ewro jissaħħaħ b’mod sproporzjonat kontra d-Dollaru Amerikan dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq dawk l-industriji f’Malta li jesportaw bid-Dollaru, ewlenija fosthom l-STMicroelectronics.
L-ST għadha l-ikbar kumpanija fil-qasam ta’ l-esportazzjoni u kull aħbar ħażina għaliha hi wkoll aħbar ħażina għall-ekonomija Maltija.
L-impjant ta’ Ħal Kirkop hu l-aħħar wieħed tat-tip tiegħu fl-Ewropa għax il-kumpanija mexxiet il-manifattura tagħha lejn l-Asja tal-Lvant. Fl-2008 jista’ jkollna ħsejjes xejn sbieħ minn Ħal Kirkop u għalhekk ikun fl-interess nazzjonali jekk il-Gvern Malti jipprova jikkonvinċi l-Bank Ċentrali Ewropew biex jimmira lejn stabbilta fir-rati tal-kambju ta’ l-ewro ma’ muniti oħra ewlenin.
Probabbli xi jseħħ: Fl-ewwel nofs tas-sena l-ekonomija taqbad ritmu kajman li jista’ jwassal għal tnaqqis fir-rata ta’ tkabbir sa l-aħħar tas-sena anki jekk ikompli jiżdied l-investiment. |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|