MediaToday

Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Lura għal-lampi tal-gass

Problema li qajla qed jitkellmu dwarha l-politiċi hi l-kriżi ta’ l-enerġija li tista’ tolqot lil pajjiżna sa mis-sajf li ġej.
Bid-domanda għall-elettriku mid-djar dejjem tiżdied u bl-Isptar Mater Dei issa jiffunzjona b’mod sħiħ, fl-2008 se jkompli jikber il-piż fuq il-power stations.
Diġà fl-2007 rajna ċerti perjodi fis-sajf fejn kellna qtugħ estensiv ta’ elettriku. Anki jekk dan il-qtugħ mhux bilfors kien dovut għaż-żieda fid-domanda kien ‘twissija’ għal li ġej.
Skond rapport li tħejja mill-Enemalta fl-2006 dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija, wara s-sajf ta’ l-2007 pajjiżna mhux se jkollu kapaċità żejda ta’ produzzjoni biżżejjed biex tagħmel tajjeb jekk ikun hemm ħsara f’xi turbina ewlenija. Ir-rapport pinġa sitwazzjoni xejn sabiħa.
Fl-2008, biż-żieda naturali fid-domanda għall-elettriku mid-djar u b’konsum ikbar minħabba l-Mater Dei, pajjiżna mhux se jkollu kapaċità żejda li jipproduċi l-elettriku u f’każ li jkun hemm ħsara f’xi turbina ta’ 60MW partijiet sostanzjali tal-pajjiż jistgħu jesperjenzaw qtugħ ta’ l-elettriku għal tul ta’ ħin mhux ħażin.
L-Enemalta ħasbet għal din is-sitwazzjoni u tinsab fil-proċess li tibni impjant ġdid f’Delimara li jista’ joħloq bejn 100MW u 120MW ta’ enerġija. Madankollu hu mistenni li dan l-impjant ikun lest fl-2009 u għalhekk nistennew li malli tibda tgħanni s-sħana ħames xhur oħra l-power stations ikunu qed jaħdmu b’ilsienhom barra bil-ħaddiema iżommu subgħajhom imsallbin li ma jinqalax xi għawġ barra mis-soltu.
L-2008 hi l-bidu ta’ triq mimlija problemi fil-qasam ta’ l-enerġija. Bl-għeluq sfurzat tal-power station tal-Marsa fi ftit tas-snin oħra rridu nsibu alternattivi ġodda ta’ kif nipproduċu iktar elettriku bl-inqas mod li jħammeġ l-ambjent. Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq fejn iridu jittieħdu deċiżjonijiet li jiswew il-miljuni kbar ta’ ewro.
Skond l-Enemalta l-impjant il-ġdid mistenni jiswa’ madwar €116.5 miljun. Ir-rapport jgħid ukoll li biex inpattu għall-għeluq tal-power station tal-Marsa jeħtieġ li ningħaqdu mas-sistema ta’ l-elettriku fi Sqallija permezz ta’ cable taħt il-baħar biex nimpurtaw 200MW mill-kontinent. Proġett bħal dan ikun jiswa’ madwar €128 miljun.
U biex pajjiżna jilħaq il-livelli ta’ tniġġis imposti mill-UE u jevita multi kbar ikun aħjar jekk naqilbu miż-żejt għall-gass. Il-gass ikun irid jitwassal jew bil-vapuri imma dan ma jagħtix garanzija ta’ sigurtà għax il-vapuri jridu jbaħħru ta’ spiss lejn pajjiżna, jew nibnu pipe għal Sqallija biex il-gass jitwassal b’mod kontinwu. Proġett bħal dan, skond l-istimi ta’ l-Enemalta, ikun jiswa’ €151.4 miljun.
Apparti dan tinħtieġ spiża kapitali oħra ta’ madwar €70 miljun fuq medda ta’ snin biex jinbnew ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u jittejbu dawk eżistenti.
Dan kollu jfisser kont astronomiku ta’ ftit inqas minn €466 miljun li jridu jintefqu minn issa sa sitt snin oħra.
Konna fl-istess sitwazzjoni mwiegħra fl-1987 u b’kumbinazzjoni dakinhar il-pajjiż kien ukoll jinsab lejlet elezzjoni ġenerali.
L-amministrazzjoni l-ġdida li se titla’ wara l-elezzjoni se jkollha tħabbel rasha mhux ħażin biex tara li l-produzzjoni ta’ l-enerġija tibqa’ tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ pajjiż li qed jiżviluppa. U bi proġetti oħra kbar bħal Tignè, Pender Gardens, Smart City u oħrajn li beħsiebhom jitlestew fis-snin li ġejjin, il-pressjoni fuq il-produzzjoni ta’ l-elettriku se tkun kbira ħafna.
L-2008 tista’ tkun biss il-bidu tat-triq li tarana nerġgħu noħorġu l-lampi tal-gass minħabba qtugħ ta’ elettriku, sakemm ma jittiħdux deċiżjonijiet malajr u fit-tul.

Probabbli xi jseħħ: Jekk is-sajf ikun kiefer nistennew qtugħ ta’ l-elettriku ħafna iktar ta’ spiss u għal tul ta’ ħin itwal bil-power stations ma jifilħux għall-piż żejjed.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075