Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
Ħafna mid-dati importanti fl-istorja ta’ pajjiżna huma marbuta ma’ ġrajjiet politiċi u bl-2008 tkun is-sena ta’ l-elezzjoni ġenerali mhemmx dubju li se tkun waħda minn dawn id-dati.
Fi żmien ġimagħtejn Lawrence Gonzi jista’ jaqtagħha li jsejjaħ l-elezzjoni għat-tmiem ta’ Frar jew l-ewwel ġimgħa ta’ Marzu. Madankollu l-kundizzjoni ta’ saħħet Alfred Sant probabbilment se tkun fattur importanti ħafna fil-miżien ta’ Gonzi meta jiġi biex jiddeċiedi l-meta.
L-operazzjoni serja fil-musrana li għamel il-mexxej Laburista ħasdet lil kulħadd u ħarbtet l-istrateġiji politiċi taż-żewġ partiti ewlenin. Minkejja li l-kirurgu ta’ Sant sostna din il-ġimgħa li l-mexxej Laburista se jkun jiflaħ jiffaċċa kampanja elettorali anki jekk issir fl-ewwel tliet xhur tas-sena se jkun impossibbli għall-avversarji politiċi li jattakkaw il-persuna ta’ Sant kif jidher li kien il-ħsieb oriġinali.
Ma’ l-impatt li se jkollha l-ewro fuq l-għoli tal-ħajja, l-andament ta’ l-ekonomija u l-prezz taċ-ċereali u ż-żejt, maċ-ċifri ta’ l-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika dwar l-appoġġ lejn il-partiti u l-inkwiet mal-kaċċaturi, issa Gonzi żdiedlu wkoll il-fattur ta’ saħħet Sant fil-miżien tad-deċiżjoni.
Il-bullettini mediċi dwar Sant, anki jekk ma fihomx wisq sugu, jagħtu x’jifhmu li Sant xorta se jkun jista’ jmexxi l-partit f’kampanja elettorali jekk l-elezzjoni ssir fil-bidu ta’ Marzu. Din l-informazzjoni li twasslet mill-kirurgu stess iktar kmieni din il-ġimgħa, setgħet fetħet tieqa ta’ opportunità għal Gonzi.
Il-Prim Ministru jista’ jistrieħ fuq il-parir mediku tal-kirurgu biex jiġġustifika ż-żamma ta’ l-elezzjoni fil-bidu ta’ Marzu. Biex ikun iktar moħħu mistrieħ Gonzi jista’ jċaqlaq id-data li kienet qed tissemma sa llum, it-23 ta’ Frar b’ġimagħtejn, għat-8 ta’ Marzu. Jekk dan ikun il-każ allura l-Parlament jista’ jkun xolt fl-ewwel erbat ijiem ta’ Frar meta jkunu għaddew iktar mill-25 ġurnata ta’ mistrieħ li għandu bżonn Sant skond il-kirurgu tiegħu.
B’hekk, elezzjoni fl-ewwel kwart tas-sena jidher li għadha possibbli.
Iżda l-meta hu kważi insinifikanti ħdejn il-mistoqsija l-oħra marbuta ma’ l-elezzjoni ġenerali: min se jirbaħ?
Skond l-aħħar stħarrig ta’ l-opinjoni pubblika fl-aħħar ta’ l-2007 jidher li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jirkupra ħafna mill-iżvantaġġ li kellu imma mhux biżżejjed biex jaqbeż fuq quddiem.
Skond l-istħarriġ tal-gazzetta oħt MaltaToday fuq medda ta’ sena l-PN irnexxielu darba biss jaqbeż lill-MLP, f’Ottubru meta b’0.4 punti perċentwali l-PN jidher li ħa vantaġġ mill-vroma ta’ Sant waqt mass meeting f’Birżebbuġa f’Jum l-Indipendenza.
Mill-bqija, anki fix-xahrejn ta’ wara l-baġit, il-PN baqa’ minn taħt u fuq sena sħiħa darba biss qabeż it-30 fil-mija ta’ l-appoġġ. Il-medja ta’ appoġġ li gawda minnu l-PN tul l-2007 kien ta’ 25.3%.
Min-naħa l-oħra l-MLP qabeż l-istaffa tat-30 fil-mija tliet darbiet u l-medja ta’ appoġġ laħqet 29.1%. F’Marzu tas-sena l-oħra l-MLP kiseb ir-raba’ rebħa konsekuttiva fil-kunsilli lokali biex kompla saħħaħ idejh madwar Malta kollha anki f’postijiet li tradizzjonalment jappoġġaw lill-PN.
It-tielet partit politiku, Alternattiva Demokratika, ra l-appoġġ tiegħu fuq medda ta’ sena jilħaq il-medja ta’ 2.6% bl-ogħla appoġġ ikun dak ta’ 4.2 fil-mija miksub fi Frar.
Għad hemm madwar terz ta’ l-elettorat li għadu indeċiż jew li fl-istħarriġ ma jikkommettix ruħu. Dawn se jkunu n-nies li jxaqilbu l-miżien lejn naħa jew oħra. Madankollu, analiżi tax-xejriet tindika li l-MLP irnexxielu jibni appoġġ konsistenti madwar Malta u Għawdex tul dawn l-aħħar erba’ snin. Mingħajr kwistjonijiet nazzjonali kbar bħalma kellna fl-2003 li qanqlu lin-nies joħorġu mill-qoxra tradizzjonali tagħhom u bis-serħan tal-moħħ li ġabet l-isħubija fl-UE qajla naraw x’fatturi jista’ jkun hemm li jistgħu jtelfu l-mixja tal-MLP lejn Kastilja.
Id-darba li l-MLP niżel taħt il-PN kien meta Sant għaffeġ fid-diskors li għamel f’Birżebbuġa. Minn dakinhar lil hawn il-mexxej Laburista donnu tgħallem il-lezzjoni u bis-simpatija li rnexxielu jiġbor minħabba l-mard ftit jidher li jista’ jkun hemm mumenti oħra bħal ta’ Birżebbuġa.
Gonzi jista’ jistrieħ fuq is-suċċess ekonomiku li kiseb u li kien inkurunat bid-dħul ta’ l-ewro. Fl-2007 it-tkabbir ekonomiku ftit inħass fil-bwiet tan-nies. Il-baġit kien intenzjonat li jindirizza din il-problema. S’issa ma jidhirx li dan kellu xi impatt pożittiv fuq l-appoġġ lejn il-PN u għalhekk wieħed jibda jistaqsi jekk il-ħerqa għall-bidla hijiex ikbar mill-bżonn immedjat li l-familji jaraw iktar flus fil-but.
Dan jista’ jwassal għal tiġrija elettorali akkanita. Id-distakk bejn iż-żewġ partiti l-kbar jista’ jkun ta’ mhux iktar minn 5,000 vot iżda hawnhekk ukoll jilagħbu parti importanti ħafna ż-żewġ partiti ż-żgħar.
L-appoġġ li tgawdi Azzjoni Nazzjonali ftit jista’ jitkejjel f’dan l-istadju peress li l-partit lanqas biss għadu m’għalaq is-sena. Madankollu qajla jidher li ħoloq il-furur li tant kien qed jistenna l-Kap Josie Muscat.
L-Alternattiva Demokratika rnexxielha tibni appoġġ konsistenti ta’ iktar minn tnejn fil-mija. Fil-każ ta’ l-AD iktar importanti mis-saħħa fuq livell nazzjonali hi s-saħħa li għandha f’distretti partikolari. Għawdex u Tas-Sliema jibqgħu l-iktar distretti ‘tajbin’ għall-AD u anki jekk mhux probabbli li jtellgħu xi siġġu, lanqas mhi għal kollox impossibbli. Jekk wara 18-il sena ta’ eżistenza li fihom l-AD naqqset l-appoġġ elettorali minn elezzjoni għal oħra, ittella’ siġġu allura x-xenarju politiku jinbidel radikalment.
Probabbli xi jseħħ: Wara 10 snin fl-Oppożizzjoni Alfred Sant jista’ jerġa’ jsir Prim Ministru b’rebħa Laburista mkaxkra.
|
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|