MediaToday

Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

L-ajruport iċaħħad lill-partitarji ta’ Juventus

• Diżappunt kbir għax il-Juventus mhux se jgħaddu mis-sala tal-wasliet fl-MIA
• “Hawn ġew ħadd mhu se jikkmandani” – il-Kap tas-Sigurtà tal-MIA

Mark Attard

L-eluf ta’ partitarji Juventini li llejla kien beħsiebhom imorru l-Gudja biex jilqgħu lill-kontinġent tal-Juventus fis-sala tal-wasliet ta’ l-ajruport se jibqgħu b’xiber imnieħer.
Skond Mario Cuomo, il-Kap tas-Sigurtà ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA), il-kumpanija ħadet deċiżjoni madwar sena ilu biex timijiet u personalitajiet ta’ fama mondjali ma jgħaddux b’mod normali mis-sala tal-wasliet iżda miż-żona riżervata.
Ikkuntattjat il-bieraħ Cuomo, b’ton aggressiv, spjega li d-deċiżjoni ttieħdet wara li kienu ġew AC Milan.
“Timijiet u personalitajiet ta’ ċerta portata li jġibu magħhom il-massa tan-nies se jibdew jgħaddu biss mill-VIP Areas. Wara dak li ħallew warajhom sena ilu dawk li telgħu l-ajruport biex jaraw il-Milan mhux se nerġgħu nissugraw li jiġrilna l-istess.
“M’hemmx x’tagħmel jekk inzertaw il-Juventus. Minn x’imkien ridna nibdew. Hawn ġew ħadd mhu se jikkmandani. Meta n-nies jibdew jedukaw irwieħhom u naraw li tgħallmu nerġgħu nbiddlu d-deċiżjoni tagħna,” sostna Cuomo.

Madankollu, meta mistoqsi kif se jkun jaf li n-nies edukaw irwieħhom jekk mhux se jagħti din l-opportunità lill-Juventini Maltin, Cuomo rrisponda b’ton arroganti: “Għandi l-mezzi tiegħi kif dan inkun nafu u żgur li mhux se ngħidu lilek.”
Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ Joe Fenech, membru fil-Kumitat ta’ Juventus Club Malta u responsabbli mill-35 membru tas-sigurtà li l-Juventus se jkollhom magħhom f’kull ħin tul iż-żjara f’Malta. Hu stqarr li din kienet deċiżjoni stramba mill-MIA.
“Jien kont il-persuna li minn ġimgħat ilu kelli laqgħa ma’ Mario Bugeja u Patrick Cuschieri li minn naħa tas-sigurtà ta’ l-ajruport ma sabux problemi. F’daqqa waħda dak kollu li konna ippjanajna għalih sfuma fix-xejn. Ġejt infurmat li ċertu Mario Cuomo, li jien qatt ma kont nafu qabel, ħa deċiżjoni li l-Juventus jgħaddu mill-VIP,” qal Fenech.
Kompla jgħidilna li għalih u għall-klabb Juventin Malti kienet priorità li l-Juventus jgħaddu mis-sala tal-wasliet b’mod normali għax dan hu wieħed mill-mumenti sbieħ għal kulmin iħobb lit-tim. Hekk kien ġara sena ilu meta ġew fostna l-Milan.
“F’laqgħa li jien, Reinassance Ltd, il-Pulizija, Mario Bugeja u Patrick Cuschieri kellna ma’ Mario Cuomo smajna mingħandu kif il-partitarji ta’ Milan ħallew b’€46,500 (Lm20,000) ħsarat warajhom u għalhekk ma riedx jissogra li jerġa’ jiġri l-istess. Jien kont pront ħriġtlu polza ta’ assigurazzjoni li tkopri €580,000 (Lm250,000) fi ħsarat tant kemm kont ċert mix-xogħol li t-tim tas-sigurtà tiegħi kien qed jagħmel.
“F’daqqa waħda qam jgħajjat b’mod arroganti quddiem kulħadd. Beda jgħidilna li l-ajruport tiegħu u r-runway tiegħu u li hemm ġew jikkmanda hu biss. Kollha bqajna mbellħin għall-imġiba tiegħu. Irrifjuta darbtejn li jerġa’ jidħol lura biex inkomplu l-laqgħa,” qal Fenech.
L-ikbar dispjaċir għal Fenech jibqa’ l-fatt li l-partitarji Juventini Maltin li kienu se jagħtu merħba kbira lit-tim ta’ Claudio Ranieri mal-wasla tagħhom illejla m’huma se jaraw xejn ħlief il-kowċ u s-sigurtà għaddejja riħ mit-toroq.
Fenech qalilna wkoll li hu personalment ċempel uffiċjali ta’ Birkirkara FC u membri fil-Milan Club Malta li ċaħdu bl-akbar qawwa li s-sena l-oħra saret xi tip ta’ ħsara mal-wasla tat-tim Milanist.
“Mario Cuomo wegħidni li se jibgħatli bil-miktub u jassigurani li minn issa ’l quddiem kulmin jiġi f’pajjiżna ta’ din il-fama li jġib massa ta’ nies lejn l-ajruport jgħaddi biss mill-VIP. S’issa għadni ma rċevejt xejn. Jien nibqa’ skantat biss kif hu qed jgħid li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet wara l-wasla tal-Milan u sa ftit tal-jiem ilu, nies bħal Mario Bugeja u Patrick Cuschieri li huma responsabbli mis-sigurtà ta’ l-ajruport, ma sabux problemi li jgħaddu lil Juventus mill-arrivals u ma kinux jafu li sena ilu ttieħdet din id-deċiżjoni.”
Intant il-Juventus mistennija jaslu Malta fid-8.45pm u l-wasla tagħhom se tixxandar dirett fuq Net TV waqt il-programm Replay.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075