Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
Sabrina Agius
L-intopp li nqala’ lill-Prim Ministru mal-qalba tas-sena meta ma rnexxilux jiġbed l-ewro minn magna awtomatika wassal biex ma jkunx l-ewwel wieħed f’Malta li ġibed il-flus ewro malli daqq nofs il-lejl bejn il-31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar.
Minn informazzjoni li ġabret din il-gazzetta l-ewwel ġbid ta’ flus permezz ta’ l-ATM jidher li sar minn klijent ta’ l-HSBC
mill-fergħa ta’ San Ġiljan, f’nofs il-lejl u minuta.
Tkompli fuq Iżda lanqas li kieku ried, Gonzi qatt ma seta’ kien ikun l-ewwel persuna li jiġbed il-karti tal-flus għax bi sfortuna kbira l-magna li tpoġġiet apposta fil-Waterfront għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-qalba għall-ewro ma ħadmitx sew meta daqq nofs il-lejl. Fil-mument tant mistenni minn bosta Gonzi ma setax jiġbed €100. Wara diversi tentattivi spiċċa biex kellu jmur fuq magna oħra f’fergħa fil-viċin biex jiġbed il-flus.
Skond il-Bank of Valletta, dan l-inċident imbarazzanti seħħ għax il-magna tilfet l-allinjament tagħha minħabba r-rassa tan-nies.
Il-fatt li l-ewwel transazzjoni jidher li saret fuq ATM f’San Ġiljan ifisser ukoll li l-persuna li xtrat il-flus b’irkant b’riżq id-Dar tal-Providenza bħala tifkira ta’ l-ewwel flus ewro li nġibdu minn Gonzi, fir-realtà mhux se jkun qed jgħożż l-ewwel flus. Il-flus li ġibed Gonzi nbiegħu għas-somma ta €600 u kellhom fuqhom ukoll il-firma tal-Prim Ministru.
Intant l-ewwel transazzjoni f’ewro mill-bank APS saret fin-12.30am filwaqt li l-ewwel ġbid ta’ flus minn ATM tal-Lombard Bank seħħ fil-fergħa ta’ Ħal Balzan f’12.55am.
Ippruvajna nġibu l-stess informazzjoni mill-Bank of Valletta iżda l-bank ħass li l-mistoqsija ma kenitx relevanti. Rappreżentant tal-BOV qalilna: “Ma narax li din għandha relevanza. Kellna nies minn tagħna stess li kienu qed jagħmlu t-transazzjonijiet. Dawk xorta jingħaddu bħala transazzjonijiet. Dawn saru madwar Malta f’banek differenti.”
Intant il-Ħamis li għadda l-BOV sostna li fl-ewwel jumejn mal-qalba ta’ l-ewro saru 40,000 transazzjoni. L-istess ċifra ma ngħatatx mill-HSBC minħabba “raġunijiet ta’ sigurtà.” |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|