Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
Franica Pulis tagħti titwila lill-ktieb ta’ l-Ingliż Colin Pomeroy With All Modesty dwar il-veterani tal-gwerra f’Malta u tiskopri fih erba’ Maltin
F’Settembru ta’ l-2005 saret il-Battle for Malta Veterans Reunion li fiha ltaqgħu l-veterani Maltin u Ingliżi li ġġieldu biex Malta ma taqax f’idejn Hitler u Mussolini fit-Tieni Gwerra Dinjija. Minn din il-laqgħa ħareġ il-ktieb With All Modesty li fih jiġbor il-ġrajjiet ta’ dawk kollha li attendew din ir-reunion.
Fid-daħla tal-ktieb, b’edizzjoni ta’ Colin Pomeroy, l-organizzatur tal-laqgħa, Wing Commander Brian Essex jgħid li permezz ta’ l-attività kellu l-unur li jaqsam ħajtu ma’ l-eroj tal-battalja, anki dawk li forsi ma tantx kienu għamlu ħoss. Dakinhar sema’ dwar ħafna ġrajjiet li probabbbli ma tniżżlu mkien, la f’kotba ta’ l-istorja u lanqas f’gazzetti.
“Kif taqraw l-istejjer individwali fil-paġni ta’ With All Modesty, ċert li se tibqgħu impressjonati bid-determinazzjoni u l-kuraġġ ta’ dawk li qdew dmirhom b’wiċċhom minn quddiem u li ssagrifikaw l-adoloxxenza u l-għoxrinijiet tagħhom għal kawża akbar. Dan il-ktieb jagħti tribut lil dawn l-eroj,” qal Essex.
Pomeroy beda jistudja biex jidħol fir-Royal Air Force meta kellu 14-il sena fl-1956. Ta’ 21 sena daħal ma’ l-RAF u serva f’Malta bejn April ta’ l-1972 u Jannar ta’ l-1976 bħala pilota tan-Nimrod. Fl-erba’ snin li għamel jgħix Malta, jew kif isejħilha hu, il-Gżira tal-George Cross, interessatu l-istorja tagħna tas-Seklu 20.
“Bqajt mistagħġeb bil-kuraġġ tan-nies ta’ din il-gżira, tal-ħaddiema fis-Servizz u tan-nisa matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Għalhekk kont kuntent li ngħin fl-organizzazzjoni tar-reunion. Kelli ċ-ċans li nuri r-rispett tiegħi bil-ftit li stajt lejn dawk in-nies li kienu f’Malta fl-istess żmien li twelidt jien!”
Pomeroy ġabar 100 storja personali permezz tal-ktieb tiegħu, erbgħa minnhom ta’ Maltin, li din il-gazzetta għażlet li tiffoka fuqhom għal dan l-artiklu. Mill-esperjenzi tal-veterani wieħed jibda jifhem għaliex għandhom nostalġija għal żmien li kien daqshekk ikrah u li ġarraf biċċa sew minn Malta. Toħroġ sew il-ħbiberija li s-suldati kellhom bejniethom li probabbli ssaħħet sforz taż-żminijiet perikolużi li kien jgħaddu minnhom tista’ tgħid kuljum.
Wieħed mill-veterani, Paul Cassar Torreggiani li kien jaħdem mar-Royal Malta Artillery, għadu jiftakar u jirrakkonta l-ewwel attakk li sar fuq Forti Sant Iermu l-għada li l-Italja iddikjarat gwerra lil Malta. Inzerta anki kien jaf wieħed mis-sitta li nqatlu li kien tifel ta’ surmast tal-banda. Il-veteran Joseph Camilleri, li kien daħal mar-Royal Air Force (RAF), jiftakar l-ewwel air raid li sar Tas-Sliema u kien ġarraf id-dar tal-ġirien tiegħu.
“Niftakar l-ewwel air raid tiegħi. Kont id-dar inqaxxar il-leħja, fid-39 Triq San Piju, Tas-Sliema meta nstemgħet s-sirena. Fi kwarta waqgħu tliet bombi 100 jarda ’l bogħod u d-djar madwari ċċattjaw. Smajt splużjoni u l-bieb tal-ġirien tar u waqa’ fuq it-terrazzin tagħna. Tant kienu nkiser ħġieġ li wara poġġejna ħafna slaleb tat-tape fuqhom.”
Camilleri fil-ktieb isemmi wkoll kemm it-trasport kien limitat bi ftit nies isuqu r-rota u l-biċċa l-kbira jimxu jew jaqbdu l-omnibus (karrettun kbir b’żewġ żwiemel) li fit-tlajja’ kien ikollhom jinżlu jimbuttawh.
Il-veteran Mike Azzopardi, li kien jagħmel parti mill-King’s Own Malta Regiment, jgħid kif meta żżewweġ lil martu xorta ma setax iżżommilha jdejha għax kien liebes l-uniformi.
“Niftakar sew kemm Ġina kienet kburija meta ħriġna mill-knisja flimkien u jien kont bl-uniformi. Iżda minħabba li kont uffiċjal ma stajtx inżommilha idha fil-pubbliku!”
Fost rakkonti oħra ħelwin hemm dak ta’ l-Islimiż Maurice Agius, li jgħid kemm kien ħassu sinjur meta l-paga tiegħu żdiedet b’€1.09 (Lm0.47) hekk kif daħal jaħdem mar-Royal Malta Artillery.
“Kienet l-ewwel darba li kont liebes uniformi ta’ uffiċjal. Kont sinjur. Il-paga ta’ kuljum telgħet għal 10 xelini u 6 ċenteżmi (€1.30/Lm0.56ċ) minn xelin u 4 ċenteżmi (€0.21/Lm0.09). L-ewwel xogħol tiegħi f’gunpost kien f’Bengħisa. Hemmhekk konna nisparaw fuq il-fdalijiet ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija,” qal Agius.
Agius jitkellem ukoll dwar id-differenza fl-ajruplani Taljani u Ġermaniżi u r-raġuni għala kienu jitkissru aktar ajruplani Taljani mill-batteriji max-xatt minkejja li s-Surġent Maġġur inqatel waqt air raid Taljan.
“Fil-gunpost f’Tarġa, l-attakki mill-ajru dejjem kienu eċitanti għax l-ajruplani Ġermaniżi kienu jtiru pjuttost qrib fejn konna nkunu, l-aktar meta kienu jagħmlu l-ħarbiet tagħhom f’direzzjonijiet differenti.
“Ma kienx jiġri l-istess bl-ajruplani bombers Taljani li bdew jidhru meta l-Luftwaffe tal-Ġermaniżi marru jiġġieldu r-Russja. Il-bombers Taljani kienu jservu biex aħna nipprattikaw fuqhom. Minħabba li dawn kienu jtiru dejjem bl-istess mod u fl-istess għoli f’linja dritta kien jkunu l-mira ideali għar-reġiment Heavy Anti-Aircraft (HAA), naturalment b’riżultati diżastrużi għalihom.
“Sfortunatament kien f’wieħed minn dawn l-air raids li s-Surġent Maġġur tiegħi miet. Hu kien fi triqtu lejn il-gunpost biex ibiddel miegħi ħalli jien nieħu tlitt ijiem leave biex niċċelebra l-21 sena tiegħi. BSM Zahra kien l-unika vittma tal-batterija tagħna,” żied jgħid Agius li jsemmi wkoll dik id-darba ttaqqablu l-qalziet ta’ l-uniformi b’bomba li ħadet tliet sigħat wara li waqgħet fil-kamra ta’ ħdejh.
“Wara nagħsa ta’ erba’ sigħat, li ħadnieha għax għamilna lejl sħiħ imqajjem, spotter qalli li f’Neddy (isem f’kodiċi użat għan-Nadur) fl-4.30am ta’ l-14 ta’ April 1942, stikka ta’ bomba splodiet bla ma weġġgħet lil ħadd, eżatt barra ż-żona tagħna. Kien fis-7am meta qaluli li l-Officer’s Mess. ġralu l-ħsara. Bomba daħlet minn bejn is-saqaf tal-ħadid corrugated. Din ħalliet toqba fis-saqaf u oħra fil-qalziet ta’ l-uniformi li kien mitwi pulit fuq is-sodda vojta tiegħi.
“Jien kont inkun rieqed f’soddti kieku ma bdiltx ix-shift ma’ sieħbi li kellu jitlaq mill-kamp kmieni filgħodu. Hu kien rieqed ħajt ’il bogħod minni meta l-bombi bdew jieħdu u hu għatta wiċċu bil-kutra għax it-trab beda jaqa’ fuqu. Hu baqa’ rieqed fil-kamra bil-bomba ttektek għal tliet sigħat oħra. Il-bomba splodiet fit-7.45am. Hu u tnejn oħra weġġgħu ħafif. Li fadal mill-qalziet għamilnieh shorts għall-kuġinuwi ż-żgħir.”
Maurice G Agius
Agius daħal mar-reġiment tas-2nd Heavy Anti-Aircraft (HAA), Royal Malta Artillery fl-età ta’ 19-il sena fl-1940 u għamel żmien jaħdem fil-gunpost tan-Nadur.
“Marzu, April u l-biċċa l-kbira ta’ Mejju ta’ l-1942 kienu l-iktar diffiċli għal HAA gunposts għax ir-Royal Air Force kienu għaddejjin minn żmien ta’ kriżi u rari kienu jtajru aktar minn erba’ fighter aircrafts waqt l-air raids qawwija. Ħafna drabi l-ebda ajruplan ma kienet tintuża. Għalhekk kienet tħalli d-difiża tal-gżira għal kollox f’idejn l-AA guns.
“L-air raids ma kinux jieqfu. Raids koroh matul il-jum u sensiela ta’ ajruplani weħidhom bil-lejl. L-HAA guns kienu ristretti għal 16-il round għal kull xkubetta fil-ġurnata, mentri l-fighter aircrafts ma kinux. Imbagħad, biex nistrieħu, kull gunpost kienet titħalla tistrieħ għal erba’ sigħat bil-lejl skond ir-roster, anke jekk kien ikun hemm l-air raids. Il-Ġermaniżi bdew jattakkaw l-HAA gunposts aktar ta’ spiss – żewġ jew tliet ajruplani Ju87 jew Ju88 kienu jattakkaw apposta waħda mill-gun posts. Il-Ġeneral Ian Hay fil-ktieb tiegħu ta’ l-1943 bir-raġun qal li ‘kienet ir-Royal Artillery li salvat il-gżira matul dawk ix-xhur kritiċi’.
“Malta kellha aktar minn 3,000 air raid. Naħseb jien ħadt sehem f’2,500 minnhom. Il-biċċa l-kbira persuna kienet taqbad u tispara ’l fuq mit-target jew lejn l-ajruplan kif ikun se jibda jitfa’ l-bombi, normalment mingħajr l-ebda periklu għal dak li jkun. Drabi oħra, wieħed kien jistenna li tiġri xi ħaġa li spiss qatt ma kienet tiġri.
“Iżda kien hemm ħafna mumenti eċitanti. Bħal meta beda riesaq ajruplan Ju88. Telaq stikka ta’ ħames bombi (dejjem konna ngħodduhom meta kienu jitfgħuhom), il-bombi kienu ġejjin eżatt lejna u ħadt ir-ruħ meta żewġ sekondi jew tlieta wara ndunajt li kien qed jispara xi 100 jarda ’l bogħod minna.”
Michael ‘Mike’ Azzopardi
Azzopardi kien daħal mal-King’s Own Malta Regiment meta kellu 21 sena fl-1941. Ir-reġiment kellu ħafna xogħlijiet differenti x’jagħmel b’dak ewlieni li ma jħallix l-għadu jinvadi l-gżira permezz ta’ l-ajru jew tal-baħar.
Parti minn xogħolhom kien ukoll li jagħmlu r-rondi lejl u nhar kif ukoll xogħol ta’ salvataġġ u tindif tar-radam mid-djar u toroq imblukkati. Minħabba li kienu żdiedu l-attakki mill-ajru, ir-reġiment beda jgħin ukoll fit-tindif tar-runway mir-radam tal-bombi ħalli jkunu jistgħu jintużaw meta jiġi l-bżonn.
Wara t-taħriġ li kellu ta’ uffiċjal beda jaħdem fit-tielet Platoon, viċin il-Palazz iż-Żgħir fiċ-Ċirkewwa, u għamel hemm sa l-1943. Minn hemm kien jikkontrolla tliet bajjiet: Anchor Bay (AB1) u tnejn ta’ Paradise Bay (PB1 u PB2).
“Il-gunposts inbnew mill-konkrit u wħud anki kienu msaħħa b’folji tal-ħadid li jifilħu għall-balal mal-ħitan fuq barra. Xogħolhom kien li jisparaw lejn il-barbed wire matul il-bajja protetta. Il-gunposts kienu jieħdu ħsiebhom sebgħa min-nies taħt kapural u kienu armati sew b’varjetà ta’ armi fosthom Vickers medium machine guns, Bren guns u Boyes anti-tank rifles. Biex wieħed jidħol fil-bajjiet ried jidħol minn bieb ta’ l-azzar li kien tqil biex tmexxih.
“Dejjem kont inħobbha l-gunpost AB1, bil-bajja mrammla taħtha. Wara li kont nagħmel ir-ronda tal-bajja ħafna drabi kont nibqa’ fiha ngawdi l-kwiet tal-post qabel ma nimxiha sal-gunposts l-oħra minn qalb l-għelieqi. Għandi memorji tad-dwejjaq dwar iż-żewġ gunposts l-oħra għax hemmhekk tlifna xi rġiel.”
“Il-banda tagħna wkoll tat sehimha fl-assedju billi għenet tgħolli l-moral tal-popolazzjoni ċivili billi daqqejna f’bosta rħula u ipprovdejna mużika f’bosta okkażjonijiet, fosthom fil-parati.”
Jirrakkonta wkoll meta kien iżżewweġ fil-11 ta’ Settembru fl-1943, żwieġ li dam 45 sena u minnu kellhom tifel u tifla.
“Niftakar sew kemm Ġina kienet kburija meta ħriġna mill-knisja flimkien u jien kont bl-uniformi. Iżda minħabba li kont uffiċjal ma stajtx inżommilha idha fil-pubbliku!”
Paul Cassar Torreggiani
Cassar Torreggiani kien it-tieni wild minn familja kbira. Ta’ 18-il sena daħal mar-Royal Malta Artillery fl-1939. Kien jaħdem fil-batterija li tiddefendi l-Port il-Kbir u Marsamxett, li kienet tfisser għassa l-ħin kollu.
L-ewwel memorja tiegħu tal-gwerra hi l-għada li l-Italja iddikjarat gwerra f’Mejju ta’ l-1940. Dakinhar Sant Iermu qala’ l-ewwel bombi mill-ajru u sitt irġiel kienu nqatlu, fosthom it-tifel tas-surmast tal-banda Busuttil li kien idoqq it-trumbetta. Oħrajn kienu weġġgħu u kienu l-ewwel vittmi tal-gwerra f’Malta.
“L-ewwel darba li sparajna l-ixkubetti kienet b’rabja għall-ħabta ta’ l-4am tas-26 ta’ Lulju fl-1941 meta E boats Taljani ppruvaw jidħlu mid-difiżi tal-Port il-Kbir. Inżilt niġri sa Sant’Iermu u rajt dgħajsa 20 jarda ’l bogħod mill-breakwater sejra lejn il-pont tiegħu. Kważi mill-ewwel instemgħet splużjoni qawwija li regħdet il-port u l-pont waqa’. Wara sirna nafu li l-arma li ntużat biex tkisser kienet baby submarine.
“Is-searchlights tal-port xegħlu l-ilma u stajt nara ħames vetturi mexjin b’għaġġla lejn il-port. Id-difiża mill-ewwel ħadet ħsieb l-għadu u wara ftit minuti reġa’ kien hemm il-kwiet. Tliet uffiċjali u 15-il suldat ittieħdu priġunieri. Kienet rebħa totali għad-difiżi Maltin u telfa għalja għan-Navy Taljani.
“L-għan wara l-attakk fuq difiżi daqshekk qawwija wieħed jista’ jissaponihom. L-attakki Taljani mill-ajru fuq il-gżira kienu qegħdin isiru għalxejn u jiswew il-flus. Kien għadu kif daħal konvoj fil-port u l-iskop kien li jgħarrquh fil-port. Il-pjan kien imħejji tajjeb u kieku twettaq il-ħsara kienet tkun pjuttost kbira.”
B’xorti għalina l-Maltin, il-forza ta’ l-ajru Taljana li kellha tattakka l-Belt fl-istess ħin ta’ l-attakk fil-baħar qatt ma sparat għax tlieta mill-ajruplani bombers Taljani tkissru minn Hurricanes Maltin ħames mili ’l barra mix-xatt u b’hekk ma setgħux jiġbdu l-attenzjoni fuqhom.
Joseph Camilleri
Camilleri, minn Tas-Sliema, daħal ma’ l-RAF ta’ 18-il sena fl-1942. Missieru kien jaħdem mar-Royal u għalhekk kellu influwenza militari mindu żgħir. Ta’ 16-il sena telaq mill-iskola. Ħadem għal sentejn fir-razzett ta’ nannuh imbagħad daħal ma’ l-RAF.
“Niftakar l-ewwel air raid tiegħi. Kont id-dar inqaxxar il-leħja, fid-39 Triq San Piju, Tas-Sliema meta nstemgħet s-sirena. Fi kwarta waqgħu tliet bombi 100 jarda ’l bogħod u d-djar madwari ċċattjaw. Smajt splużjoni u l-bieb tal-ġirien tar u waqa’ fuq it-terrazzin tagħna. Tant kienu nkiser ħġieġ li wara poġġejna ħafna slaleb tat-tape fuqhom.
“Fil-bidu tal-gwerra ma tantx kien hemm xelters. Ħafna min-nies kienu jużaw il-kantini bil-kolonni jżommu s-saqaf u kienu jaqsmuhom mal-familji tagħhom. Iktar xelters tħaffru wara li saret il-kampanja Dig for Victory (Ħaffer għar-Rebħa) u wħud mill-bjar ukoll inbidlu f’xelters.
“Ħafna min-nies telqu minn San Ġiljan u Tas-Sliema, l-aktar minħabba li destroyers kienu rmiġġati max-xatt f’Tas-Sliema. In-nies raqdu wkoll fl-istazzjon l-antik (il-Yellow Garage) fid-daħla tal-Belt. Iżda jien normalment kont norqod taħt l-arkati fi 30, Triq Nofsinhar fil-Belt b’telefon ħdejja ma jmurx jagħjtuli urġenti għal posta. Jien kelli karozza żgħira biex nagħmel il-qadjiet għal Base Personnel Office.
“Jien kont noqgħod ’il bogħod mill-barrakki u kont immur id-dar għall-ikla ta’ nofsinhar. Sa dak iż-żmien tant kont imdorri għat-twissijiet ta’ l-air raids li ma tantx kont nagħti kashom. Darba kelli mmur lura għall-bażi fil-Belt fis-1.30pm imma fis-1pm kien hemm air raid u l-lanċa li kellha teħodna ntlaqtet hekk kif bdiet tgħabbi. Fortunatament ħadd ma ntlaqat iżda kien hemm ħamsa minna li baqgħu l-art bil-bżonn li nidħlu lura fil-bażi. Kellimna sid dgħajsa li aċċetta joħodna jekk ngħinuh naqdfu. Għalhekk qdifna bħall-imġienen u rnexxielna naslu fil-ħin, xi ħaġa li għaliha ssemmejna fuq il-bord tad-Daily Routine Orders.
“It-trasport kien limitat. L-għażliet kienu li timxi, issuq ir-rota (li kienu ftit) jew tirkeb omnibus magħmul minn karrettun kbir u żewġ żwiemel li biex jitla’ t-tlajja’ n-nies kellhom jinżlu jimbuttawh!” |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|