MediaToday

Aħbarijiet | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Żewġ siti oħra għal impjanti ta’ riċiklaġġ jintgħażlu wara l-elezzjoni ġenerali

Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt

Minkejja li fil-bidu tas-sena li għaddiet inbidlet l-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart biex minflok sit wieħed ta’riċiklaġġ, dak ta’ Sant’Antin, ikollna tlieta, sa llum iż-żewġ siti l-oħra għadhom ma ntagħżlux.
Dan reġa’ ikkonfermah il-Ministru għall-Ambjent George Pullicino waqt preżentazzjoni tal-progress fl-impjant ta’ Sant’Antin il-bieraħ.
“Għadna qed naraw it-teknoloġiji differenti kif jistgħu joperaw,” spjega Pullicino filwaqt li tenna li qed jitlestew xi rapporti biex ikunu identifikati s-siti.
“Il-fatt li n-nies ikunu jistgħu jaraw l-impjant ta’ Sant’Antnin jopera b’mod sħiħ ifisser ukoll iktar serħan ir-ras għalihom,” stqarr il-Ministru.
Wieħed miż-żewġ siti ġodda se jkun f’Għawdex mentri l-ieħor għandu jinbena iktar qrib ċ-ċentru ta’ Malta biex ikun hemm tqassim ġeografiku aħjar ta’ kif jintrema l-iskart.
Wara l-kontroversja kollha li nqalgħet f’Wied il-Għajn minħabba l-immodernizzar u t-tkabbir ta’ l-impjant eżistenti, possibbilment iż-żewġ siti ġodda jkunu żvelati wara l-elezzjoni ġenerali.
Pullicino kien qed jakkumpanja lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt żjara li saret ilbieraħ fl-impjant tar-riċiklaġġ f’Marsaskala fejn qed isir xogħol ta’ mmodernizzar. L-ewwel parti ta’ dan l-impjant għandha tibda topera sa l-aħħar ta’ Jannar bix-xogħol kollu jkun lest sa l-aħħar tas-sena.
Mhux l-istess jista’ jingħad għall-park rikreazzjonali li kellu jsir fl-ispazju li hemm bejn l-impjant ta’ Sant’Antnin u r-Razzett tal-Ħbiberija. Għall-mistoqsija ta’ jekk hemmx data definitiva sa meta se jkun lest dan il-park, Pullicino ikkonferma li għad m’hemmx data fissa.
“Il-park se jitlesta iktar tard din is-sena. Imma s’issa ma nistgħux nagħtu konferma ta’ dati,” qal Pullicino minkejja li ftit qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta’ l-2006 kien tħabbar b’tant pompa li kellu jinbena dan il-park.
U biex jittaffa l-uġigħ lir-residenti ta’ Marsaskala s-sena li għaddiet kien hemm anki proposta biex dawn ikollhom sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma bħala kumpens għall-fatt li l-impjant stess se jkun qed jiġġenera l-elettriku.
Fuq dan il-punt il-Ministru Pullicino qal lil din il-gazzetta li “il-fondi hemmhekk qegħdin.”
Hu rabat ma’ dak li qal il-Prim Ministru li l-impjant se jiġġenera enerġija biżżejjed biex tforni 1,400 dar b’medja ta’ erba’ persuni.
Matul iż-żjara l-Prim Ministru ħabbar li l-faċilità modernizzata għall-irkupru ta’ materjal riċiklabbli f’Sant Antnin se tibda topera mit-28 ta’ Jannar. Din il-parti ta’ l-impjant se tittratta 36,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli.
L-impjant li jittratta l-iskart organiku li jinħoloq mid-djar għandu jkun jaħdem sa l-aħħar ta’ din is-sena.
L-immodernizzar ta’ l-impjant b’kollox ġie jiswa’ €27 miljun fejn 70 fil-mija minnhom ġew issussidjati minn fondi Ewropej.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075