MediaToday

Sports | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Il-Juventus tagħna u magħna…issa ngawdu!

Il-Juventus f’Malta. Kienet ix-xewqa ta’ ħafna li wara 10 snin il-ħolma li jerġgħu jaraw wieħed mill-akbar klabbs fix-xena mondjali tal-futbol f’pajjiżna ssir realtà. U proprju mil-lejla din il-ħolma tista’ tibda titgawda mill-eluf kbar ta’ Juventini Maltin u anki dawk li mhumiex meta dirett minn Turin fit-8.45pm l-ajruplan jinżel fl-ajruport ta’ Malta.
L-istess kien ġara ftit aktar minn tliet snin meta dakinhar, l-Avukat Michael Sciriha kien ġie elett President tal-Juventus Club Vero Amore Malta. Il-membri kienu raw fih orizzonti kbar u l-fiduċja li tawh sarrafha fil-wegħdi mwettqa li hu għamel, qed jagħmel u se jibqa’ jagħmel sakemm idum jokkupa dan is-siġġu ta’ l-ikbar klabb Juventin li hawn fid-dinja.
B’aktar minn 900 membru attwali, Michael Sciriha jmexxi klabb li fi kliem id-diriġenza f’Turin hu l-aktar organizzat u professjonali minn kull lat. Il-ħbiberiji li kompla żied f’dawn l-aħħar snin ma’ nies tat-tip ta’ Jean Claude Blanc, Giovanni Cobolli Gigli u John El Kann komplew kabbru isem pajjiżna fl-Italja u personalment inħoss li hu personali għandu ħafna mil-mertu l-għaliex minn tant pajjiżi, Juventus għażlu Malta.
Hu bniedem kwiet u kalm ta’ skola u intelliġenza kbira. Kemm ili nafu tgħallimt ħafna mingħandu u f’ċerti sitwazzjonijiet f’ħajti qistu dejjem bħala t-tieni missier tiegħi. Il-karriera u l-ħajja tiegħi fil-futur tista’ tkun qed torbot ħafna fuq din il-persuna. Konvint ħafna li fil-futur, il-kapaċitajiet tiegħi u s-saħħa u l-integrità li għandu Michael se jwassluni fejn ta’ tifel żgħir dejjem ħlomt.
Iltqajt miegħu f’ġenn sħiħ f’ġimgħa mill-aktar impenjattiva għalih u għall-klabb li jmexxi. Il-lejl ta’ qabel kien għadu kemm wasal mill-Italja u filgħaxija stess ried imexxi l-aħħar laqgħa ta’ l-Eżekuttiv tal-klabb qabel il-wasla fostna tar-Reġina tal-futbol Taljan.
F’din is-siegħa, Michael ikellimni fuq kulma laqtu f’ħajtu f’dawn l-aħħar snin fejn tidħol il-logħba tal-futbol. Ippruvajt ukoll noħodlu minn moħħu x’se jkun il-futur tiegħu hekk kif diċeriji persistenti fil-pajjiż li hu ma ċaħadx jibqgħu jsostnu li se jħalli kollox għall-politika. B’sieq fuq sieq, idejh marbuta jistenna l-kafè jibred ftit, Michael jgħidli li hu bniedem tal-ġabra u l-familja imma l-isport jokkupa parti kbira minn ħajtu wkoll.
“Jien bniedem li għandi id-delizzji tiegħi bħal kulħadd imma għandi wkoll imħabba kbira lejn il-familja u lejn pajjiżi. Nemmen li jien kalm u prudenti ħafna u nħobb nagħti t-tolleranza assoluta lejn dawk in-nies li naħdem ħafna magħhom f’ħajti. “Għandi simpatija kbira lejn dak il-bniedem li jkun qed jgħaddi min xi tbatija. Nieħu gost naqra ħafna fuq diversi suġġetti differenti b’mod speċjali dawk li jittrattaw l-ekonomija, il-liġi u l-isport. Bħalma taf int, nieħu kull opportunità biex nagħti l-għajnuna tiegħi f’avvenimenti ta’ benefiċjenza.
“Meta professjoni bħal tiegħi toħodha bis-serjetà bilfors li se tokkupalek ħafna ħin. Iżda nipprova nkun kemm jista’ jkun maniġerjali fl-allokazzjoni tal-ħin tiegħi biex b’hekk noħloq dak l-ispazju li nkun nista’ niddedika għall-isport.”
Nitkellem miegħu fuq iż-żmien li ilu midħla sew tal-klabb Juventin Malti. Jirrakkuntali kif kien sab ruħu jokkupa s-siġġu ta’ President. 
“Jien kont ta’ spiss nipparteċipa fl-attivitajiet tal-Juventus Club Vero Amore u minn dejjem kelli relazzjonijiet tajbin mal-Membri ta’ l-Ezekuttiv kif ukoll mal-membri ta’ l-istess klabb. Barra minhekk, qabel ma nħtart President, kont ukoll Konsulent Legali ta’ l-istess klabb.
“Darba fost l-oħrajn kien ġie jkellimni Brian Borg li kien u għadu l-Viċi President tal-klabb. Kienet is-sena 2004 meta tard filgħaxija sibtu fl-uffiċju legali tiegħi. Kien hu li rnexxielu jikkonvincini li għandi kontribut x’nagħti u għalhekk aċċettajt li nikkontesta l-elezzjoni għall-President. L-imħabba kbira li għandi lejn it-tim Juventin ridt insarrafa f’xogħol għall-membru għax hekk jistħoqqilhom.”
S’issa ilu aktar minn tliet snin fil-kariga. Michael ifaħħar il-ħidma li għamlu n-nies li ġew qablu fil-Kumitat li llum jgħodd aktar minn 30 sena.
“Il-Presidenti ta’ qabli għamlu l-pedament tal-klabb u jien bħala President komplejt nibni fuq dak li sibt. Mill-ewwel ġranet tiegħi ridt li nagħti lill-klabb aktar u bdejt stil ta’ azjenda li kull Juventin f’Malta jħoss li qiegħed f’daru meta jkun hemm.”
Ma’ Michael nitkellem fuq is-soċjetà Juventina inġenerali. Konxju li Turin u Vinovo għalih saru dar oħra nitolbu jagħtini l-opinjoni tiegħu għaliex jaħseb li l-Juventus għandhom daqshekk mibegħda fid-dinja tal-futbol. 
“Hi ħaġa sempliċi ħafna. Il-Juventus dejjem kienu tim rebbieħ u naturalment ir-rebħ iġib miegħu għira u antipatija. Il-Juve saru ħafna aktar simpatiċi minn mindu niżlu Serie B. Il-problema tal-Juventus kienet u tibqa’ li s-soċjetà dejjem kienet pass ’il quddiem mit-timijiet l-oħra.”
Inkellmu fuq l-istorja ta’ Calciopoli li kkundannat lil Juventus Serie B. Michael hu wieħed minn dawk li jemmen li kollox kien maħdum bizzilla biex min kien is-surmast ta’ l-orkestra, jivvendika ruħu bl-akbar mod possibbli minn tim li m’għandux grazzja miegħu. 
“Aktar ma jgħaddi żmien, l-istorja ta’ Calciopoli qed tirriżulta li kienet montatura mill-aqwa. Biżżejjed tħares lejn l-istejjer ta’ ċerti kumpaniji tat-telefons fl-Italja kif ukoll tara id-depożizzjonijiet ta’ xhieda oħra fi proċessi oħra u mill-ewwel tinduna li din kienet xi ħaġa ivvintata minn nies li kienu nvoluti fil-futbol u fit-telefones.
“Jien m’għandix dubju li meta jibdew il-proċessi fil-Qrati tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet se jkunu differenti għax dak li smajna u qrajna kienu biċċiet minn stejjer ferm akbar.
“Il-proċessi ta’ Calciopoli ma kienu xejn għajr farsa fejn biex tiddefendi ruħek kellek bejn 10 jew 15-il minuta u d-difiża ma kellhiex id-dritt itella’ dokumenti jew xhieda. F’dan il-kuntest, tajjeb wieħed isemmi li f’dawn il-proċessi n-nies kollha li kellhom xi inkarigu kienu kollha persuni bi grudge kbira kontra l-Juve. Nistennew u naraw...”
Michael ikellimni fuq it-trankwillità li tirrenja f’Vinovo u jiddiskrivili wieħed mill-ħbieb personali tiegħu, Jean Claude Blanc. Jgħidli kemm l-affarijiet huma ferm differenti minn ftit taż-żmien ilu.
“Jean Claude hu bniedem umli u kordjali. Hu raġel simpatiku u serju u ta’ integrità kbira. Għandu kapaċitajiet maniġerjali minbarra li r-rispett tiegħu lejn is-Supporters Clubs imxerrda ma’ l-Italja u mad-dinja hu bla limitu. Qed imexxi s-soċjetà Juventina bi trasparenza u apertura anki man-nies li ma jagħmlux parti mill-organizzazzjoni ta’ l-istess soċjetà.
“Jean Claude Blanc hu wieħed minn dawk li dejjem ta widen lill-klabb Malti u dejjem sibnieh ta’ għajnuna f’kollox. Lil Malta jħobbha ħafna. Bih fit-tmun, il-Juventus saret aktar soċjetà li tagħti eżempju ta’ komportament etiku mill-ogħla. Il-miri tal-Juventus huma li din is-sena jaslu fiż-żona Champions League u s-sena d-dieħla jagħmlu dik il-qabża fil-kwalità li biha jistgħu jikkompetu fiċ-Champions League u fil-kampjonat.”
Kienu ħafna dawk id-dilettanti xettiċi bil-ħatra ta’ Claudio Ranieri bħala kowċ. L-Avukat stess jgħidli li anki hu kien wieħed minn dawk li kellu d-dubji tiegħu fuq din l-għażla iżda jinsab sorpriż bil-kapaċitajiet ta’ din il-persuna.  
“Ranieri kien l-akbar sorpriża u ssorprenda lil kulħadd bil-mod ta’ kif qiegħed jibni t-tim u għall-komportament ta’ rġulija tiegħu.
“Rigward l-akkwisti l-ġodda wieħed jista’ jgħid li l-unika problema hu Almiron. Il-bqija kollox qed jitkellem waħdu għax l-akkwisti l-oħra qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom għall-pożizzjoni tajba fil-klassifika li l-Juve jinsabu fil-preżent.”
Il-Juventus f’Malta. Hi okkażjoni storika għal pajjiżna li hu kellu sehem kbir fiha. Jgħidli li mill-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Blanc kien talbu biex b’mod regolari jibda jibgħat il-plejers Bianconeri.  
“L-aspett kummerċjali tal-mawra tal-Juve f’Malta jappartjeni lill-kumpanija Renaissance imexxija minn Dr.Anton Tabone u Amabile Zammit u għalhekk mhux fil-kompitu tiegħi li nitkellem fuq dan l-aspett. Nistqarr li fl-ewwel laqgħa li kelli ma’ Blanc mill-ewwel kont tlabtu biex jara kif se nibdew inġibu l-plejers Malta biex nissodisfaw lill-partitarji Maltin. Hu fehem iċ-ċirkostanzi speċjali ta’ Malta u l-frott se nibdew ingawduh mil-lum. 
“Il-Juve għażlu l-Malta għax jafu bl-appoġġ kbir u qawwi li għandhom. Kellhom opinjoni tajba tal-faċilitajiet li hawn fil-pajjiż. Biss jien nemmen li ħadu wkoll inkonsiderazzjoni s-serjetà fit-tmexxija tal-klabb Malti.”
Nistaqsih jekk din il-mawra tal-Juve f’pajjiżna tkunx l-ewwel waħda minn sensiela ta’ proġetti fit-tul li s-soċjetà se torganizza f’pajjiżna. 
“Jekk hux l-ewwel jew l-aħħar proġett li l-Juventus għandhom f’Malta jiddependi minnhom. Iżda jien nemmen li l-Juventus illum xeħtu għajnejhom fuq it-tajjeb li joffri pajjiżna f’diversi setturi ekonomiċi. Konvint li għall-futur il-Juventus se narawhom involuti aktar f’Malta jekk kulmin se jkun involut f’din iż-żjara jagħti servizz professjonali b’komportament edukat.”
Inkellmu aktar fuq il-ħajja professjonali tiegħu hekk kif xnigħat persistenti qed ikomplu jidwu li se jibda ħajja ġdida fil-politika. Nistaqsih fuq dan kollu. 
“Fil-preżent Michael Sciriha hu biss il-President tal-Juventus Club Malta u m’għandu x’jaqsam xejn mal-politika. Meta u jekk ikun il-każ, wieħed jiddeċiedi fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Imma rrid ngħid ukoll li jien senior partner fil-kumpanija ta’ l-Avukati, SAGA. Din hi konsiderazzjoni oħra kbira li rrid inżomm f’moħħi qabel ma nieħu xi pass importanti.”
Marsaxlokk, Valletta u issa anki Rabat Ajax. Għalkemm ma jgħidx b’mod dirett, Michael kważi jikkonferma li kollox hu diġà konfermat. Is-sena d-dieħla l-President ta’ Rabat Ajax se jkun hu.
“Kif diġà stqarrejt jien minn dejjem kelli simpatija kbira lejn ir-raħal Rabti u lejn it-tim tagħhom. Jien diġà Konsulent Legali tagħhom. Fil-preżent huma għandhom President ta’ ħila minbarra li hu ħabib kbir tiegħi. Iżda jekk niġi mitlub l-għajnuna jien se nagħtiha bl-aħjar mod possibbli.
“Ir-rabta li għandi mal-Valletta FC hi biss għax ħija Victor hu l-President. Però jien dejjem ħdimt fil-Belt u għalhekk xi ftit jew wisq il-Beltin saru parti minn ħajti u magħhom ma jonqosx it-tim tal-futbol.
“Rigward Marsaxlokk nista’ ngħid li hu r-raħal li ngħix fih. Għandi ħafna ħbieb Xlukkajri fosthom dawk preżenti li qed imexxu t-tim tal-futbol. Għandi u se jibqa’ jkolli r-rispett li jixraq lejn dan it-tim.”
Michael Sciriha tal-futur. Jgħidli li jrid jibqa’ jżomm dak li qed jagħmel fil-preżent b’differenza li jgħin ftit aktar lil ibnu Lucio jipprova jilħaq fejn laħaq hu. 
“Fil-futur narani involut aktar fl-isport u fil-benefiċjenza. Nixtieq nibqa’ naħdem ta’ avukat iżda sa dak iż-żmien il-probbabiltà tkun li nkun qed nagħti aktar għajnuna lil Lucio. Nispera li sa 10 snin oħra Lucio jkun avvjat sew fil-professjoni legali.”
Michael jirringrazzja lil dawk li fil-ħajja ta’ kuljum huma l-aktar viċin tiegħu. 
“Meta nagħlaq għajneja u naħseb fuq il-professjoni tiegħi u l-Juventus Club Malta ma nistax ma nsemmix lill-partners tiegħi John Attard Montalto u Patrick Galea. Magħhom ma nistax ma nsemmix lil Franco Galea li hu l-id il-leminija tiegħi.
“Jekk niftakar fil-klabb ma nistax ma nirringrazzjax lill-membri sħabi kollha ta’ l-Eżekuttiv għax-xogħol u l-għajnuna li jagħtuni kontinwament.” 
Jgħidli biex ma nfallix mil-laqgħa li kellha tibda daqs siegħa oħra. Għalih dejjem kienet priorità li l-15-il persuna ta’ l-Eżekuttiv ikunu preżenti għal-laqgħa tal-Kumitat. Din ta’ tlett ijiem qabel il-wassla tal-Bianconeri kienet importanti wisq. Isellimli u jħallini bil-kliem,
“Il-Juventus tagħna u magħna… issa ngawdu!!!”
 

 

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075