MediaToday

Pjazzetta | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

X’ġabet il-kultura għall-2007

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Is-sena li ħallejna kienet waħda mill-iktar importanti fejn tidħol kultura, b’aktar użu tal-Malti fiha u t-titjib tagħha għalkemm baqa’ ħafna xi jsir biex jintlaħaq livell daqs dak barrani fejn jidħol rispett għall-artist u d-drittijiet tiegħu ta’ xogħlu.
L-ikbar pass importanti li sar fl-2007 kien li l-kreattività fl-aħħar bdiet titqies bħala mezz li jsaħħaħ l-industrija ekonomika Maltija permezz tal-Valletta Creative Forum. Minbarra li wħud mis-suġġerimenti li saru waqt il-VCF żdiedu fil-baġit u bdew minn issa fis-seħħ. L-aktar suġġerimenti essenzjali kienu ż-żieda ta’ fondi għall-arti u li kulmin jgħin finanzjarjament artist jew xogħol artistiku, l-istess ammont jitnaqqaslu mit-taxxi tiegħu.
Is-sena li għaddiet ukoll saru żewġ opri bi produzzjoni Maltija. The Magic Flute kienet waħda mill-ewwel opri għat-tfal li ttellgħet f’Malta minn kantanti adulti Maltin bl-addattament ta’ l-opra u direzzjoni tal-mużika minn Sarah Spiteri u b’direzzjoni artistika ta’ Toni Attard.
L-opra l-oħra, li kienet ittellgħet 22 sena ilu, mhux biss il-produzzjoni kellha Maltija imma wkoll il-libretto ta’ Joe Friggieri u l-mużika ta’ Charles Camilleri.
Wieħed jispera li l-2008 iġġib magħha aktar drammi Maltin li ma jintwerewx biss fl-Istitut Kattoliku imma jiżdiedu fit-Teatru Manoel u fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Din is-sena se jerġa’ jingħata l-Premju Francis Ebejer li hu inċentiv aktar aċċessibli mill-Premju Nazzjonali tal-Ktieb minħabba li mhemmx bżonn li d-dramm ikun ippubblikat. Jalla x-xogħlijiet li jintagħżlu jkunu avantgarde daqskemm kien Ebejer innifsu mhux iwaqqgħu ismu għaċ-ċajt b’xi xogħol pedantiku mimli djalogi iffjuriti ta’ sekli ilu.
Bħala wirjiet ta’ l-arti ma tistax ma ssemmiex dik ta’ Caravaggio u x-xogħlijiet Caravaggisti Maltin li ttellgħet mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt. L-għan ewlieni tagħha kien li tiġbed l-aħjar studjużi dwar Caravaggio lejn Malta biex tinbeda u titkompla r-riċerka dwar l-influwenza li l-artist Taljan ħalla fuq dawk Maltin fis-Seklu 17. Permezz ta’ din il-wirja ntwerew sitt pitturi minn kollezzjonijiet privati u ħamsa ġew restawrati apposta għall-wirja.
Żewġ wirjiet oħra huma Search for Space mtella’ minn Mark Mangion u Picasso’s Laboratory/ The Philosophical Brothel imtella’ minn Edukarti. L-ewwel wirja, magħmula minn sensiela ta’ ħamsa, ħaqqha l-prosit għall-oriġinalità tagħha ta’ kif għaqqdet bosta artisti Maltin u barranin fit-tfittxija għall-postijiet differenti fejn dawn setgħu jtellgħu xogħolhom, fosthom fl-Open Centre tal-Marsa. Ħasra li l-wirjiet ma damux wisq għaddejjin.
It-tieni wirja kienet kollaborazzjoni bejn studenti u għalliema fl-Università b’xogħlijiet oriġinali ispirati minn dawk ta’ Picasso. Għal din il-wirja nġabet ukoll il-pittura kontroversjali Communion ta’ l-artisti FA+ (Gustavo Aguerre u Ingrid Falk) li fiha hemm prostituta qed tigdem lollipop b’wiċċ il-Papa Ġwanni Pawlu fuqha.
Ta’ min ifaħħar ukoll l-inizjattiva li qegħdin jieħdu bosta bars madwar Malta li jtellgħu mużika Jazz matul is-sena fosthom Bridge Bar, Ciao Fra u l-Veċċja, li jimlew ftit min-nuqqas li ħalla warajh il-Jazz Festival ‘pur’.
Fost in-nuqqasijiet li għad hemm, hemm bżonn li jiżdiedu l-ħaddiema full-time fl-għaqdiet tal-Malti u tal-kotba li ħafna mill-membri tagħhom għadhom jaħdmu fuq bażi volontarja u jitwaqqaf fond għat-traduzzjoni ta’ kotba Maltin kif ukoll akkademji professjonali ta’ l-oqsma artistiċi kollha.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075