Carmel Mifsud Bonnici | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62 Azadi Street 1. Il-ġrajjiet ta’ dawn il-jiem fil-Pakistan jitolbu attenzjoni partikolari. Pajjiż f’pożizzjoni strateġika u determinanti jitlob li jkollu saħħa. Saħħa mhux militari iżda legali u demokratika. Dan hu pajjiż li għadda minn diversi problemi fl-istorja qasira tiegħu però għandu warajh tradizzjoni li m’għandux jitlifha b’ebda mod. Il-wirt demokratiku imwieled mill-fatt li l-art għamlet żmien taħt ir-renju Ingliż m’huwiex traskurabbli iżda jimmerita li jiġi sostnut. Sostnut għal diversi raġunijiet imma l-aqwa għax kull pajjiż jixraqlu l-benefiċċju tad-demokrazija. 2. Sfortunatament il-ġrajjiet fi ħdanu għal dawn l-aħħar 20 sena xhedu li hemm wisq konflitti interni li ma hemmx li joqogħdu. Ovvjament dan hu ħażin għal kull poplu, però dan għandu bżonn għajnuna partikolari. Id-demokrazija mhux kull poplu fid-dinja jaċċettaha bħala valur li permezz tiegħu wieħed jista’ jmexxi l quddiem, però hekk hu. Għad hawn mentalità li l-militar għandu sehem u rwol kostituzzjonali u ta’ xi forma ta’ leġittimità li fejn id-demokrazija tidher li mhux qed taħdem mija fil-mija, dawn għandhom id-dmir li jintervjenu. 3. L-intervent f’dan is-sens minn Perez Musharraf snin ilu sabiex tneħħiet Benazir Bhutto, dak iż-żmien Prim Ministru, sar f’din il-loġika u dinamika. Dan fih innifsu hu żbaljat għax id-demokraziji ma għandhomx jintfew fejn il-fjamma ma tkunx qed taqbad tajjeb, u dan għax wara jkun diffiċli ħafna biex din terġa’ tqabbadha. Hi operazzjoni li titlob ħafna kura u li ma hi faċli assolutament xejn. Speċjalment għal min ikun uża l-forza u impona eventi fuq ħaddieħor, ma hemmx dubju, li jkollu problemi li ma jistgħux jintrebħu. 4. Issa bil-ġrajjiet li seħħew fil-11 ta’ Settembru fl-Istati Uniti u bil-pożizzjoni ta’ dan il-pajjiż viċin l-Afganistan kien hemm min seta’ ħaseb li dan ser isegwi tajjeb l-iskop jew il-manuvra ta’ reazzjoni. Il-fatt li ma kienx hemm demokrazija imma kontroll militari kompla sabiex tikber l-idea li dan, għalkemm fin-natura żbaljat, però hu espedjenti. Għalhekk, għal ħafna żmien, id-diplomazija u l-politika barranija Amerikana (u sa ċertu punt dik Ingliża) dehret li hi komda fuq din il-fruntiera. Imma l-istabilità interna tista’ tiġi garantita biss jekk ikun hemm demokrazija bl-elezzjonijiet, Parlament. Kienet din ir-regola fundamentali li mexxiet lill-amministrazzjoni Bush fit-tieni perjodu tagħha sabiex tipperswadi li l-affarijiet iridu jinbidlu. 5. Dan hu żgur tajjeb, però meta jkun impost minn fuq mhux dejjem ikollu l-istess riżultati ta’ proċess sħiħ, matur u intern. Il-fatt li Perez Musharraf neża’ mill-kariga ta’ Ġeneral u li Benazir Bhutto u Nawaz Sharif ġew lura deher bħala parti minn proċess sostnut lejn id-demokrazija. Però l-ġrajjiet ma jistgħux jiġu kkontrollati għax għad hemm wisq interessi differenti u konfliġġenti. 6. Wieħed jifhem għalhekk l-istramberija li taħtar bħala kap tal-Partit tal-Poplu Pakistani ġuvnott ta’ 19-il sena, imma din mhix neċessarjament fid-direzzjoni t-tajba. Żgur, fuq in-naħa l-oħra, mhux forsi hi tajba s-sejħa sabiex tikber il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet. Imma jidher ċar li jekk ma jkunx hemm proċess serju ta’ djalogu bejn il-forzi kollha politiċi, dik li tidher bħala soluzzjoni tista’ tkun kaġun ta’ iktar taħwid. L-eventi fil-Kenja huma xhieda ta’ dan. Proċess demokratiku minnu nnifsu jitlob li jkun hemm qabel bażi komuni ta’ qbil li jassigura, l-ewwel, riżultat korrett u t-tieni, aċċettazzjoni ta’ dak ir-riżultat mill-forzi politiċi kollha. Il-garanziji huma neċessarji għax inkella ser jerġa’ jkun hemm raġuni biex tqawwi aktar inkwiet u tħalli l-militar fil-poter. 7. Wieħed japprezza l-isforzi kollha ta’ Condoleeza Rice, is-Segretarju ta’ l-Istat Amerikan f’reġjun bħal dan, sija fit-Turkija minn fuq kif ukoll bil-Pakistan ’l isfel. Imma hemm ħażen ieħor għaddej li jitlob li jkun hemm fuqu iffukar aħjar. Il-fatt li George Bush ħiereġ mill-kariga jfisser li jista’ jkun hemm min hu ttantat li jibqa’ jħawwad l-affarijiet. Għax jekk il-Pakistan jibqa’ ma jkollux eżitu pożittiv f’dan il-proċess fejn il-poter demokratiku jrid jiġi l-ħin kollu mħallat u konfuż ma’ poter tribali u ekonomiku antik, l-affarijiet jibqgħu kif inhuma. Hemm, nemmen, l-għarfien li din il-presidenza, fl-aħħar tagħha mhux se twassal u oħra ġdida għad fadlilha tibda tifhem. 8. Dan apparti d-distrazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li qisu mhu jiġri xejn. Għax ħadd mill-membri Ewropej ma ndaħal, ħlief forsi Gordon Brown li qed iħeġġeġ xi forma ta’ investigazzjoni fuq il-mewt ta’ Benazir Bhutto. Qisu l-perjodu tal-festi tal-Milied u l-fatt li l-Presidenza għaddejja mill-Portugall għas-Slovakkja jfisser li hemm ir-raġunijiet kollha biex id-dinja tieqaf tistenna. Anqas Nicholas Sarkozy, li l-aqwa li seta’ jagħmel kienet stqarrija fuq il-Lebanon meta bħalissa mhemmx proprju raġuni għalfejn. Nammetti li dawn l-eventi qed juru li hemm sens ta’ importanza li d-diplomazija Ewropea mhix qegħda tinġieb għalihom. 9. F’dawn ix-xenarji ngħid li hemm bżonn iktar minn qatt qabel li l-Unjoni Ewropea tintervjeni. Fil-pajjiżi Ewropej hemm wirt ta’ esperjenzi demokratiċi li m’għandniex narmu. L-Istati Uniti u l-Ingilterra fortunatament ilhom b’demokraziji għal perjodi twal, imma l-bqija tal-membri ta’ l-Unjoni għaddew minn esperjenzi qarsa ta’ dimensjonijiet varji ta’ dittatorjat u kollha ssieltu b’xi mod sabiex iġibu d-demokrazija. Meta Pervez Musharraf neħħa lill-Prim Imħallef Mohammed Chandry mill-kariga tiegħu twieldet biċċa triq f’Karachi bl-isem ta’ ‘Azadi Street’. Xi ħadd ittraduċiha ‘it-triq għal-libertà’. Verament kull pajjiż irid jaqbad hu stess triq il-libertà għax hemm isib id-demokrazija tiegħu. Il-Pakistan hekk jixraqlu u l-Unjoni Ewropea, speċjalment f’dan il-mument, hemm bżonn tintervjeni bil-forzi morali u legali tagħha biex id-demokrazija tirrenja u magħha l-istabilità. |
Intervista
|
|