MediaToday

Emmanuel Micallef | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Niġru qabel nimxu

Li mxejna ’l quddiem f’diversi oqsma ma jista’ jiċħdu ħadd anqas min it-tond jgħid li hu kwadru. Iżda daqstant ieħor hu fatt li f’ċerti setturi għadna lura u għad baqa’ x’naqdfu mhux ħazin biex ngħidu wasalna. Kultant naħseb li għandna t-tendenza li mixja naħsbuha girja. Agħar minn hekk hu meta nippretendu li għandna nitilqu niġru meta għadna ma nafux nimxu sew. Kulmin ipprova jiġri qabel ma beda jimxi spiċċa waqa’ fl-art wara li tfixkel u tgerbeb.
Insemmi ftit ezempji żgħar. Fl-ambjent għamilna progress gmielu, l-aktar fejn tidħol kuxjenza dwar il-ħsara ambjentali u l-konsegwenzi tagħha. Kulħadd jaf bl-importanza li rridu nħarsu l-ambjent naturali u l-klima. Izda mhux biss. Ittieħdu bosta inizjattivi biex intejbu l-kwalità ta’ ħajja li ngħixu.
Izda nistgħu ngħidu li lħaqna l-livelli mixtieqa? Żgur li le. Fl-iskart domestiku ma tantx għamilna differenza minn kif konna dari. Ftit huma l-familji li daħħlu d-dixxiplina f’darhom ta’ kif jisseparaw l-iskart u kif jirriċiklaw materjal li jista’ jerga’ jintuża. L-impressjoni li mill-għatba ’l ġewwa nadif tazza u mill-għatba ’l barra ma jinteressanix għadha ma nqerditx.
Jekk sar xi titjib f’dik li hi indafa pubblika bħat-tindif tal-bajjiet, it-tisbiħ tal-ġonna pubbliċi, l-iġene fil-latrini pubbliċi, iżda żgur li madwarna għadna naraw telqa u żdingar li jwaħħax. Mhux biss f’postijiet imwarrba jew li mhumiex daqstant frekwentati imma anke f’lokalitajiet prominenti.
Niskanta u ninxef kif għadna naċċettaw li ngħixu bi ħmieg u tant trab fit-toroq tagħna. Mhux qed nirreferi għat-toroq residenzjali li għadhom qatt ma ingħataw laqta tarmac jew imqar asfalt, iżda toroq prinċipali jekk mhux arterjali.
Jien ma noqgħodx ngħid f’postijiet frekwentati mit-turisti. Għax li nagħmlu jmissna nagħmluh għal wiċċna u magħna jgawdi kulmin iżurna. Iżda ħafna huma dawk li jitkażaw, u bir-raġun, kif anke fejn suppost nieħdu ħsieb lit-turisti m’aħniex nindukrawh bizzejjed. Bizzejjed ma nippjanawx ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jkollna bżonn nagħmlu fil-viċinanzi tal-lukandi – bil-ħsejjes ta’ inġenji, krejnijiet u trakkijiet u bit-trombi tat-trabien ma jaqtgħu xejn.
Ħabib tiegħi li jħobb jagħmel passiġġata ma’ martu mill-Gzira sax-xatt ta’ Sliema hekk qalli: “Sirt nistħi mill-barranin nagħmel dil-mixja ... .ħmieg, żdingar, telqa, bankini bla manutenzjoni, toroq bil-ħofor u l-għadajjar tal-ilma tax-xita....”
Għaliex għandu jkun dan? Din mhix kwistjoni li noqogħdu nwaħħlu fil-Gvern jew fil-kunsill lokali jew fil-kuntratturi. Qisna nehdew bil-ħmar iwaħħal f’denbu. Irridu nikkommettu ruħna bis-serjetà u l-ambjent fit-toroq tagħna huma fejn huma nindukrawh is-sena kollha. Ma noqogħdux nimmaġinaw li għax għamilna numru ta’ toroq ta’ livell għoli, u għamilna mela le, issa lħaqna l-livell ta’ pajjizi Ewropej oħra.
Issa wasalna biex daħħalna l-ewro. Jekk għaġġilniex biex nagħmlu dan jew le issa hu irrelevanti. Din hi l-munita tagħna minn issa ’l quddiem.
Il-fatt li aħna parti integrali mill-UE jagħmel ħafna sens u jaqblilna li nużaw din il-munita. Iżda li jmissna naraw hu kif se nkomplu ntejbu t-tkabbir ekonomiku, kif se ngħollu l-livell tal-għajxien, kif se nrażżnu l-inflazzjoni, kif se nkomplu nattiraw investiment ġdid u noħolqu l-opportunitajiet tax-xogħol. Fuq kollox irridu naraw kif se nieħdu l-ikbar vantaġġ ekonomiku u finanzjarju mill-fatt li dħalna fiż-żona Ewro.
Iżda fl-ewwel jiem tal-qalba iktar kien moħħna nidħku dwar kif il-Prim Ministru baqa’ b’xiber imnieħer milli jieħu l-ewwel karti ta’ l-ewro mill-ATM li ntramat apposta għall-okkazjoni.
Iktar kien moħħna nisimgħu bil-konfużjoni tal-kjuwijiet tan-nies għand tal-ħwienet u l-Banek; iktar iddiskutejna kif tal-linja ma setgħux jagħtu bqija f’ewros lill-passiggieri.
Ma nistgħux niċħdu li l-fatt li wasalna s’hawn fi ftit snin mindu dħalna fl-UE ma kienx pass pożittiv iżda b’daqshekk m’għandniex l-istonku mimli. Kif jgħidu, il-kbir għadu ġej u rridu nibqgħu saqajna ma’ l-art. Dan hu l-messaġġ li għaddielna dan l-aħħar il-Gvernatur
tal-Bank Ċentrali.
Għad jonqosna ħafna biex nassiguraw li l-ekonomija tagħna, u allura l-livell tal-għajxien, jilħaq il-quċċata f’dawk li huma benefiċċji għall-imprenditur, għall-operatur kummerċjali, għall-konsumatur u għaċ-ċittadin. Qalilna li jekk ma noqogħdux attenti għad hemm lok li nissikkaw iċ-ċinturin f’ċerti oqsma. F’diskorsu implika li ma rridux nilludu ruħna speċjalment issa li resqin għall-elezzjoni ġenerali u allura l-partiti għandhom ħabta kif ipingu kollox sabiħ jew kollox ikrah!
U la qed insemmu l-elezzjoni ġenerali issa nistennew li fi ftit ġimgħat titħabbar id-data tant mistennija. U ħsibijietna u kliemna jduru biss fuq il-kampanja elettorali. Jekk hemm eżempju ċar ta’ kemm naraw kbir hu dan iż-żmien.
Il-partiti politiċi kollha jaraw kbir. In-Nazzjonalisti huma fiduċjużi li minkejja d-difetti tagħhom il-poplu jifhem li m’għandux alternattiva għalihom. Fiduċjużi wkoll li bl-istrategiji tagħhom jerġgħu jgibu lura n-ngħaġ il-mitlufa u mhux ta’ b’xejn tħassbu fuq li tħassbu meta nħarġet l-aħbar li l-mexxej Laburista kellu jiddaħħal l-isptar għal operazzjoni maġġuri!
Il-Laburisti huma konxji mit-tattiċi fini tan-Nazzjonalisti iżda daqstant ieħor huma fiduċjużi fl-istrateġiji tagħhom li jwasslu lill-poplu jifhem li ma jaffordjax jistenna iktar biex ibiddel il-Gvern. Jafu li iktar hu possibbli li r-riħ jonfoħ favurihom wara kwazi 20 sena jistennew dan il-mument.
Il-partiti ż-żgħar, kemm jekk tax-xellug u kemm jekk tal-lemin, jemmnu b’saħħa li d-daqqa tagħhom waslet u bis-sewwa jew bid-dnewwa jridu jtellgħu mqar membru wieħed fil-Parlament ħalli jkollhom is-saħħa li l-miżien Parlamentari jxaqleb fejn iridu huma. Hawn min jaħseb li dawn qed jaħlu l-ħin u r-riżorsi bis-sistema li għandna, iżda dawn ukoll għandhom l-istrategiji tagħhom u x-xewqa tagħhom ukoll tista’ tkun possibbli li titwettaq!
Il-partiti ma jammettux li jaraw kbir iżda jgħidu li huma ottimisti u pożittivi fl-attitudni tagħhom. Il-poplu jifhimha mod ieħor. Il-poplu mhux kbir jara imma jara x’jaqbillu.
Dak li jiddeċiedi fl-elezzjoni u dak li se jagħmel fi ftit ġimgħat oħra!

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075