MediaToday

Ittri | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62

Il-Pakistan u l-assassinji tal-mexxejja tiegħu

Minn Eddie Attard,
Gżira

Il-Pakistan reġa’ kien fl-aħbarijiet wara l-assassinju ta’ Benazir Bhutto. L-aħħar darba li kien fl-aħbarijiet dwar assassinju kien 19-il sena ilu meta nqatel Zia ul-Haq. Snin qabel kien assassinat l-ewwel mexxej ta’ dan il-pajjiż, Ali Khan Liaquat.
Bħala nazzjon il-Pakistan ilu biss 60 sena, b’Ali Khan Liaquat bħala l-ewwel Prim Ministru. Imwieled fl-Indja, fl-1 ta’ Ottubru 1895, Ali Khan Liaquat ħa l-ewwel edukazzjoni fl-Indja u wara ggradwa bħala avukat mill-Exeter College ta’ Oxford. Meta fl-1923 daħal fil-ħajja politika, il-komunità Musulmana fil-Pakistan dehret sodisfatta bih u wara t-twaqqif ta’ l-istat tal-Pakistan fl-1947, Liaquat inħatar l-ewwel prim ministru. Fl-istess żmien Mohammed Ali Jinnah inħatar president ta’ dan l-istat ġdid Musulman.
Wara l-mewt tal-president, Liaquat inħatar qaid-i-millet, jew aħjar mexxej tal-pajjiż. Imma minkejja l-popolarità ta’ dan il-mexxej il-konflitt li kien hemm bejn l-Indja u l-Pakistan wassal għall-assassinju tiegħu minn fanatiċi Pakistani li riedu l-gwerra kontra l-Indja. Liaquat inqatel fis-16 ta’ Ottubru 1951, f’Rawalpindi, il-Pakistan.
It-tieni assassinju wasal snin wara.
Għad li mhux kulħadd jaqbel li l-mewt tal-President Zia ul-Haq kien assassinju, ħafna jsostnu li l-ajruplan li kien fuqu ma waqax b’xi kumbinazzjoni jew ħsara, imma b’sabutaġġ.
Mohammad Zia ul-Haq twieled fit-12 ta’ Awissu 1924, f’Jullunduer, il-Punjab li llum huwa territorju Indjan. Fl-1945 sar fizzjal wara li attenda l-Akkademja Militari ta’ l-Indja u matul it-tieni gwerra dinjija ġġieled fil-Lbiċ ta’ l-Asja flimkien mal-qawwiet ta’ l-alleati.
Fl-1972 Zia nħatar ġeneral maġġur u kien ippresieda l-qorti marzjali meta diversi fizzjali ta’ l-armata u tal-qawwa ta’ l-ajru tal-Pakistan kienu akkużati li riedu jneħħu lill-Prim Ministru Zulfikar Ali Bhutto (missier Benazir Bhutto). Bhutto kien ta promozzjoni lil Zia u fl-1976 ħatru bħala kmandant ta’ l-armata minkejja li Zia ma kienx jikkwalifika fir-rigward ta’ anzjanità.
Fil-5 ta’ Lulju 1977, Zia mexxa kolp ta’ stat biex tneħħa Bhutto u wara li fl-1978 il-President Fazal Elahi Chaudhry irriżenja, Zia ħa l-kariga ta’ President tal-Pakistan. Biex ikun eliminat Bhutto fl-1978 Zia akkużah b’attentat ta’ qtil u l-kundanna ta’ l-eks-prim ministru kienet dik tal-mewt, bl-esekuzzjoni ssir fl-4 ta’ April 1979. Dan sar minkejja talbiet internazzjonali biex il-kundanna tinbidel.
Sadanittant Zia ssospenda l-partiti politiċi, ipprojbixxa l-istrajkijiet, impona ċ-ċensura fuq l-Istampa u daħħal il-liġi marzjali. Imbagħad meta deher li seta’ jkun hemm invażjoni Sovjetika fil-Pakistan, Zia aċċetta l-għajnuna mill-Istati Uniti.
Zia miet wara li l-ajruplan li kien qiegħed jivvjaġġa fuqu waqa’ fis-17 ta’ Awissu 1988. Dakinhar il-President kellu miegħu lill-Ġeneral Akhtar Abdul Rahan Khan, li jintqal li kellu jkun il-mexxej tal-Pakistan warajh. Kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Amerikan, Arnold Raphel, u l-Brigadier General Herbert Wassen, l-attache’ Amerikan tad-Difiża f’Islamabad. Mietu wkoll tmien ġenerali u membri ta’ l-ekwipaġġ. B’kollox tilfu ħajjithom 31 ruħ, jiġifieri dawk kollha li kienu qed jivvjaġġaw fuq dan l-ajruplan.
Skond ma ntqal fir-rapport ta’ l-inkjesta wara l-waqgħa ta’ l-ajruplan, il-kaġun ta’ din id-disgrazzja kien l-avvelenament tal-piloti ta’ l-ajruplan permezz ta’ gas velenuż. Jintqal ukoll li dan il-gas seta’ kien f’thermos, f’xi pakkett, jew reċipjent ieħor. Madankollu, dan ma setax ikun konfermat għax ma saret l-ebda awtopsja fuq dak li sabu mill-katavri tal-vittmi.
Zia kellu ħafna għedewwa u fuq quddiemnett kien hemm il-familja Bhutto għax minbarra dak li diġà ntqal, wara l-esekuzzjoni ta’ l-eks Prim Ministru Bhutto, il-partit tagħhom ġie pprojbit u l-armla ta’ Bhutto u bintu Benazir kienu mitfugħa l-ħabs. Sadanittant, Shah Nawaz u Mir Murtaza, ulied l-eks prim ministru, kellhom kundanni ta’ priġunerija, imma dawn laħqu ħarbu mill-pajjiż u waqqfu grupp terroristiku biex jeħduha kontra Zia.
Minkejja dan seta’ kien hemm ħaddieħor li wettaq l-assassinju ta’ Zia u tissemma l-organizzazzjoni sigrieta tal-Pulizija Afgana, il-KHAD, li kellha taħriġ mill-KGB. Zia kien appoġġa lill-Mujahideen li kienu qed jiġġieldu fl-Afganistan kontra l-ħakma Sovjetika.
Kien hemm ukoll l-għadu l-ieħor tal-Pakistan, jiġifieri l-Indja, f’dak iż-żmien immexxija minn Rajiv Gandhi. Is-Sikhi kienu għedewwa kbar ta’ dan il-mexxej u jintqal li Zia kemm-il darba kien akkużat li ta l-armi u kenn lill-grupp terroristiku tas-Sikhi. Jissemma wkoll li seta’ kien Akhtar Abdul Rahan Khan fil-mira u Zia nqatel miegħu.

Intervista
Imħabba akkost ta' kollox

Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien


Editorijal

Tbeżbiża għall-unions


Il Punt
Memorandum tal-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja Żwieġ b'Saħħtu

TONI U PEPPI
X'riżoluzzjonijiet għamilt?


Emmanuel Micallef
Niġru qabel nimxu


Carmelo Mifsud Bonnici

Azadi Street



X'kien Jgħid
Kull deni ħudu b'ġid



Wenzu Mintoff

Gaff Madornali


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075