Intervista | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Il-kelma ‘gay’ tinstema’ ta’ spiss. Għal xi wħud li xi ħadd jkun gay jista’ jkun skruplu. Għal oħrajn hi suġġett alternattiv fuq x’hiex tista’ titkellem. Iżda għal dawk li huma gay, hi realtà ta’ kuljum. Għalihom li tkun gay hi n-normalità.
Forsi f’Malta m’hawnx dik l-ostilità kontra min hu gay iżda fuq livell individwali huma ħafna l-istejjer ta’ diskriminazzjoni sottili.
Iżda lil hinn mill-persuni individwali s-soċjetà għada tħares b’lenti xettika lejn persuni gay li jiddeċiedu jgħixu ħajjithom flimkien bħala koppja.
Dak li hu normali għal koppji eterosesswali jista’ jkun ostaklu għal koppji gay.
Niltaqa’ ma’ Stephan* u Joseph* fid-dar tagħhom. Ilhom flimkien għal iktar minn sena u daħlu jgħixu taħt l-istess saqaf erba’ xhur ilu. Jaqsmu miegħi ftit ħsibijiet dwar id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom bħala koppja. Mill-aġir tagħhom ninduna li jeżisti rapport tajjeb bejniethom.
Waħda mir-raġunijiet għalfejn bdew jgħixu flimkien, jirrakkuntali Stephan, hi minħabba x-xogħol.
“Naħdem żewġ xogħlijiet u għalhekk ġejna ngħixu flimkien. Kont immur għand Joseph għal xi s-1am. Ma kenitx tagħmel sens.” Jaqbeż Joseph sħun sħun u jispjegali li għall-inqas “hekk nistgħu nqattgħu l-ftit ħin li jkollna flimkien.”
It-tnejn li huma jaħdmu mhux ħażin u jagħmlu sigħat twal. Biex nikser is-silġ dwar il-ħajja personali tagħhom nistaqsihom kif iqassmu x-xogħol tad-dar. Joseph hu l-maniġer tad-dar. Jieħu kollox f’idejh għax minħabba kwistjonijiet ta’ xogħol, Stephan ma tantx ikun id-dar. Iħares lejn Stephan u jgħidli: “Nipprova li meta jkun xogħol hu nagħmel ix-xogħol tad-dar. B’hekk meta jasal inkunu nistgħu nqattgħu ftit ħin flimkien.”
Bħal kulħadd din il-koppja għandha l-ispejjeż tagħha wkoll u għalhekk hu bżonn li jaħdmu t-tnejn. Id-domanda li jmiss kważi toħroġ spontanja. Min minnhom jagħmel ix-xirja?
Ix-xirja mhijiex dominju ta’ xi wieħed minnhom. Min ikollu l-iktar ċans imur jixtri, soluzzjoni prattika u sempliċi.
Waqt li qed nitkellem magħhom ninduna li fuq kollox din il-koppja m’għandhiex xi esiġenzi wisq differenti minn koppja ‘normali’. Għandhom rutina ta’ kuljum li jridu jlaħħqu magħha bħal kulħadd.
It-tnejn jinqalgħu għat-tisjir u jmiddu idejhom.
Stephan bi tbissima jirrakkonta li qabel daħlu jgħixu flimkien, Joseph kien jgħidlu li ma jafx isajjar. “Vera mhux il-każ. Kważi, kważi jsajjar aħjar min-nanna tiegħi,” jgħid Stephan.
Naqleb is-suġġett. Jinteressani nkun naf jekk jikkunsidrawx ruħhom bħala nies reliġjużi u jekk it-twemmin li tħaddan il-Knisja Kattolika ħalliex influwenza fuqhom.
Malli nsemmi l-kelma ‘Knisja’ Stephan iħares f’għajnejja u jgħidli: “Jien ġejt mgħammed imma ma tantx nagħti kas ir-reliġjon għax l-ipokrezija ma niflaħhiex.”
Jammetti li l-pożizzjoni li tieħu l-Knisja tweġġgħu għax filwaqt li tammetti li koppji gay isofru minn diskriminazzjoni tibqa’ lura milli tieħu pożizzjoni favur l-omosesswali. Ikompli jgħidli, “Jien għandi z-ziju qassis li ma joġġezzjonax għall-fatt li jien gay.”
Joseph jgħidli li jemmen. “Imma sirt nagħmel distinzjoni bejn Alla u l-ġebla. Il-ġebla hi l-istituzzjoni. Naċċetta r-regoli tagħha la qegħdin hemm. Iżda żgur ma nasalx naċċetta li wasalna f’punt fejn l-Knisja tirregola lill-Istat. Ma tagħmilx sens.”
Waqt li qed nitkellmu ninduna li hemm weġgħa. Nirrealizza kemm hi diffiċli meta bniedem iħossu eskluż minn istituzzjoni li suppost skond it-tagħlim tagħha tilqa’ f’darha lil kulħadd. Joseph iqabbel din is-sitwazzjoni ma’ dik ta’ l-immigranti.
“Qed jiġu nies minn pajjiżi differenti u aħna qed nitgħallmu mingħandhom. Kulħadd għandu xi ħaga x’jitgħallem mingħand ħaddieħor għalhekk ma tagħmilx sens li teskludi lil kategoriji ta’ nies minn xi tip ta’ istituzzjoni.”
Għal ħafna, iż-żwieġ u persuni gay ma jmorrux flimkien. Nistaqsihom jekk ikunux jixtiequ jiżżewġu kemm-il darba l-Istat jibda jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess. Milli jgħiduli nifhem li iktar milli jinteressahom iż-żwieġ b’ċerimonja kattolika, l-iktar li jinteressahom hu li jiġu rikonoxxuti mill-Istat bħala koppja.
“Ejja ngħidu li l-kelma żwieġ tirreferi għall-att reliġjuż. Jien kieku nsejjaħlu State Marriage,” jgħidli Stephan. “Għall-inqas ikollok l-istess benefiċċji ta’ taxxa, housing u l-bqija.”
Anki jekk m’ilhomx flimkien għal snin twal, Stephan u Joseph jirrikonoxxu lilhom infushom bħala koppja. Ftit kont nobsor x’kien se jasal għal widnejja meta qbadtilhom fuq kwistjonijiet ta’ saħħa u d-drittijiet li għandhom jew m’għandhomx koppji gay.
Minħabba li l-ġenituri ta’ Stephan isiefru ta’ spiss, Joseph xtaq li jkollhom ittra mingħand nutar li tiċċertifika li hu u Stephan huma koppja. B’hekk jekk tinqala xi emerġenza jkun rikonoxxut bħala familjari tiegħu. In-nutar iżda, issuġġerietlu li qabel jagħmlu xi ħaġa hekk ikun aħjar jekk jitkellmu mall-kap ta’ l-isptar ħalli jaraw jekk ikollux oġġezzjoni.
L-ebda koppja eterosesswali ma tgħaddi minn sitwazzjonijiet bħal dawn u forsi ftit tgħaddi minn moħħ in-nies kemm att bħal dan jista’ jkun imbarazzanti u diskriminatorju.
Nistaqsihom dwar kemm iħossuhom komdi jgħidu li qegħdin f’relazzjoni gay ma’ terzi persuni. Mal-ħbieb tagħhom jidher li mhemmx problemi u ma’ tad-dar illum il-ġurnata s-sitwazzjoni tagħhom hi aċċettata iktar.
Peress li Joseph għandu n-negozju tiegħu joqgħod attent għax kien hemm okkażjoni fejn ġieli tilef klijenti. “Kelli klijenti tiegħi li saru jafu li jien gay u ma baqgħux jiġu filwaqt li oħrajn joqogħdu attenti fuq x’hiex jitkellmu.”
Minn dan il-lat Stephan iħossu fortunat għax fil-postijiet fejn jaħdem hu “open” kważi ma’ kulħadd. “Ċajta goffa mhijiex ħażina sakemm mhemmx ħżunija fiha,” jgħidli filwaqt li jantiċipali l-mistoqsija li jmiss.
Bejn mistoqsija u oħra jinku lil xulxin għax wieħed jitkellem iktar mill-ieħor. Xi bewsa ’l hemm jew ’l hawn ma tonqosx ukoll.
Inqajjem l-argument dwar it-tfal. Jixtiequ li jrabbu t-tfal; tnejn biex inkun preċiża. U għalfejn tnejn?
“Minħabba l-ħinijiet u għax naf il-piż finanzjarju li jġibu magħhom it-tfal naħseb li tnejn ikunu biżżejjed,” jisħaq Joseph.
Il-liġi ma tippermettix li koppji gay irabbu t-tfal. “Imbagħad l-Istat iħalli mara ssawwat lit-tifla u lir-raġel. Hekk ma jimpurtax,” jgħidli Joseph ftit irrabjat. Jispjegali li fl-inħawi ta’ fejn joqgħodu jisimgħu mara li ta’ kuljum issawwat lill-familjari tagħha. Ippruvaw iċemplu l-awtoritajiet iżda min-naħa tagħhom ma ħadux azzjoni. Jirrakkuntawli “għandna ħbieb tagħna li għandhom it-tfal” u jaċċertawni li m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor.
Stephan jgħid li ma jaqbilx li koppja jkollhom ħafna tfal jekk imbagħad ma jkunux jistgħu jmantnuhom u jqattgħu l-ħin magħhom.
Iżda tfal imrobbija minn koppja gay għandhom ċans ikbar li jkunu bullied?
“It-tfal jistgħu jiġu bullied anyway, anke fuq affarijiet oħra,” jgħidli fil-pront Stephan. Għaldaqstant Joseph jirrikonoxxi li “l-ewwel grupp ta’ tfal li se jkunu trabbew minn gays probabbli mhux se jkollhom ħajja faċli.”
Stephan iżid: “Hu assurd li n-nies jaħsbu li wieħed ikun gay għax għandu ġenituri gay. Bl-istess argument, jien kelli noħroġ eterosesswali bħal ommi u missieri.”
Punt ieħor li jsemmili Stephan hu dwar il-Bank tad-Demm li ma jħallix irġiel gay jagħtu d-demm. “Dan ma jagħmilx sens. Bl-istess mod jistà jkollok raġel miżżewweġ li jaqlibha lill-mara u xorta jkun b’riskju li jkollu xi tip ta’ mard,” jgħid Stephan fl-istess waqt li jisħaq li l-problema hi l-promiskwità mhux l-orjentazzjoni sesswali.
It-tnejn jispjegawli li waħda mill-iktar diffikultajiet li sabu kienet biex jgħidu lil tal-familja dwar dak li bdew iħossu. Beżgħu mir-reazzjoni ta’ dawk l-iktar viċin tagħhom.
Illum is-sesswalità u r-relazzjoni tagħhom ġiet aċċettata. “Dan kien pass importanti. Missirijietna, anke jekk jafu dwar ir-relazzjoni, ma jikkummentawx,” isostnu flimkien.
Qabel ma nitlaq nistaqsihom dwar l-assoċjazzjoni negattiva li ssir bejn persuni gay u l-pedofilija.
“Ma togħġobni xejn, żgur mhux forsi, li niġi assoċjat ma’ dik il-kategorija ta’ nies. Hemm qassissin li abbużaw mit-tfal u missirijiet li abbużaw minn uliedhom stess. Allaħares kulħadd jitqiegħed fl-istess keffa imma fejn jidħlu nies ‘normali’ l-affarijiet qisu ħadd ma jarahom,” jisħaq Stephan.
“L-iktar importanti hu li biex ikollok relazzjoni soda trid issib bniedem li hu verament għal qalbek u b’hekk ir-relazzjoni tinbena bil-mod il-mod fuq passi sodi,” jispiċċa jgħidli Stephan bi tbissima donnu xi councillor ta’ Kana.
*L-ismijiet inbidlu biex jipproteġu l-identità u l-privatezza tal-persuni |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|