Editorjal | 06 ta’ Jannar 2008 Nr 62
Il-globalizzazzjoni qed twassal għal sfidi kbar għall-ħaddiema fil-pajjiżi Ewropej. Iktar ma jmur qed tikber il-pressjoni biex id-drittijiet li nkisbu b’tant determinazzjoni u ħidma tul medda twila ta’ snin jitnaqqru fuq l-artal tal-kompettitività.
M’hemm xejn ħażin li l-ħaddiema Ewropej isiru iktar kompetittivi f’ħidmiethom imma ħafna drabi l-kelma kompetittività f’moħħ in-negozjant tfisser iktar profitti a skapitu tal-pagi, il-ħinijiet tax-xogħol u l-benefiċċji li jgawdu minnhom il-ħaddiema. F’dan il-kuntest għal min jaqlagħha u jikolha l-kelma kompetittività għandha tifsira negattiva għall-aħħar.
L-Ewropa, inkluża Malta, ma tistax titlaq għat-triq tan-niżla u biex issir iktar kompetittiva fis-suq dinji tnaqqar il-benefiċċji tal-ħaddiema tagħha. Jekk xejn jeħtieġ li l-UE timpenja ruħha biex fi swieq li għadhom qed jiżviluppaw madwar id-dinja jittejbu l-kundizzjonijiet ħalli ċ-cheap labour ma jibqax il-fattur ewlieni għalfejn kumpanija tiċċaqlaq minn kontinent għall-ieħor.
Nemmnu f’din l-Ewropa soċjali li tuża s-saħħa politika u ekonomika tagħha biex iġġib progress f’partijiet oħra tad-dinja wkoll.
Nammettu li strateġija bħal din mhix faċli. Tinħtieġ mexxejja politiċi Ewropej b’viżjoni u determinazzjoni li jgħarfu jġibu flimkien l-interessi tal-ħaddiema Ewropej ma’ dawk f’pajjiżi oħra fejn il-kwalità tal-ħajja għadha lura ħafna.
M’aħniex ngħidu li l-ħaddiem Malti m’għandux jaddatta għar-realtajiet ġodda. Hemm prattiċi tax-xogħol antikwati f’ċerti setturi li jxekklu l-kompetittività u m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ drittijiet miksuba fil-passat. Jeħtieġ ukoll li l-ħaddiem Malti jkollu edukazzjoni tajba u sħiħa li tippermettilu jkun aktar flessibbli f’dak li jista’ jagħmel.
F’dan il-kuntest fejn ħafna mill-isfidi ġejjin minn barra u lil hinn mill-kontroll tal-Gvernijiet individwali jeħtieġ iktar minn qabel li l-unions ikunu kapaċi jfasslu strateġiji nazzjonali li jħarsu d-drittijiet globali tal-ħaddiema apparti l-kisbiet individwali fuq il-postijiet tax-xogħol.
L-aħbar li l-Kamra tal-Kummerċ u l-Federazzjoni ta’ l-Industrija iffirmaw ftehim bejniethom biex jibdew il-proċess tal-għaqda għandu jservi ta’ tbeżbiża għall-unions.
Dawn iż-żewġ entitajiet għarfu li bi sħubija fl-UE l-interessi tagħhom m’għadhomx kontra xulxin u għalhekk se jikkonċentraw ir-riżorsi ħalli jkollhom vuċi iktar b’saħħitha.
Issa jmiss lill-unions jersqu qrib xulxin u jiffurmaw Kunsill Trejdunjonistiku li jkun jista’ jitkellem b’vuċi waħda fuq kwistjonijiet nazzjonali. Din l-idea ilha tissemma’ għexieren ta’ snin imma sa llum baqgħet biss ħolma minħabba l-battibekki kultant infantili, bejn il-unions ewlenin.
Hu fl-interess tal-ħaddiema li l-unions isibu t-triq tal-kunsens bejniethom. Nemmnu li fil-GWU u fil-UHM, l-ikbar żewġ unions li jirrappreżentaw firxa wiesa’ ta’ ħaddiema, hemm persuni intelliġenti li kapaċi jgħarfu l-bżonn li jogħlew ’il fuq mill-interessi politiċi, settorali u individwali.
L-attentat li kien sar mill-unions biex jippreżentaw front wieħed fl-2004 meta nbdew id-diskussjonijiet dwar il-patt soċjali kien tajjeb ħafna. Sfortunatament sfratta u ma wassal għal imkien anki jekk setgħu twieldu ħbiberiji ġodda bejn individwi fil-unions rispettivi.
It-tħaddim tar-relazzjonijiet industrijali u r-rwol tal-unions fil-qafas ta’ politika nazzjonali llum inbidel u għalhekk jinħtieġ mod ġdid ta’ kif ifasslu l-ħidma tagħhom.
Nittamaw li l-2008 tkun is-sena fejn jitwieled il-Kunsill Trejdunjonistiku.
Familji differenti
Fil-kolonna Il-Punt maġenb dan l-editorjal qed nippreżentaw lill-qarrejja l-memorandum li ntbagħat minn tliet entitajiet fil-Knisja lill-partiti politiċi dwar il-familja. Fih ħafna x’tomgħod.
Nemmnu li l-Knisja, bħall-entitajiet l-oħra fis-soċjetà ċivili, għandha d-dritt li ssemma leħinha dwar diversi kwistjonijiet li jinqalgħu anki jekk mhux bilfors ikunu ħwejjeġ reliġjużi. Dan id-dritt ma jfissirx li l-Knisja għandu jkollha xi privileġġ biex tiddetta x’għandu jsir mill-Istat.
F’dan il-kuntest ma naqblux mat-talba li qed issir biex il-familja tinftiehem biss bħala l-għaqda fiż-żwieġ bejn mara u raġel bit-tfal tagħhom. Veru li dawn l-għaqdiet qed jirrikonoxxu l-bżonn li l-Istat jilleġisla biex jipproteġi d-drittijiet individwali ta’ nies li jinsabu f’forom differenti ta’ relazzjonijiet. Madankollu nemmnu li r-rikonoxximent m’għandux jieqaf biss ma’ l-individwi iżda jitwessa’ wkoll għar-relazzjoni fiha nfisha.
Fil-każ ta’ persuni gay inħossu li fejn tidħol l-imħabba ta’ bejn koppja li tiddeċiedi tgħix f’relazzjoni stabbli m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar l-orjentazzjoni sesswali ta’ dik il-koppja hi irrelevanti għall-Istat.
Għalhekk inħossu li l-Istat għandu jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni gay, l-istess bħalma ġara fi Spanja. |
|
Sabrina Agius tintervista koppja gay li jgħixu flimkien
Editorijal
Il Punt
TONI U PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|