X'kien Jgħid | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60
Issa li l-partiti politiċi jinsabu fit-taparsi tregwa ta’ żmien il-Milied ‘l-imħuħ’ ta’ dawn il-partiti qed jaħdmu bis-sahra jiskoġitaw il-mod kif il-partit tagħhom se jaġixxi fl-aħjar interess biex jiksbu s-suċċess mixtieq fl-elezzjoni li tista’ titħabbar fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ l-ewwel tas-sena.
Għaldaqstant ta’ min jara, jew jimmaġina x’qed jaħsbu dawn l-imħuħ fil-PN, fl-MLP u fl-Alternattiva. Ħallejt barra lill-Azzjoni Nazzjonali għax biex moħħhom jaħdem bis-sahra jrid ikollhom moħħ, u aktar ma jitkellmu u jispjegaw lill-poplu ‘il-programm’ tagħhom, aktar nikkonvinċi ruħi li dan il-moħħ ma jeżistix!
Minn naħa ta’ l-Alternattiva, naħseb li d-duo Vassallo/Cassola iridu jaraw kif se joħorġu mill-gażiba li daħlu fiha meta fil-partit miniskulu tagħhom aċċettaw li jkollhom persuna bħal Cacopardo, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jinkixef verament x’inhu, anki jekk hawn min diġà jaf x’isarraf.
Jien narah bħala wieħed li jipprova jimpressjona lil kulħadd bir-rettitudini, sakemm dak li jkun jintebaħ li din ir-rettitudini mhix għan fiha innifisha iżda sempliċiment għodda biex jintlaħqu skopijiet li mhux neċessarjament ikunu retti!
Id-dottor Sant u Jason żgur se jħabblu rashom dwar x’inhuma l-kwistjonijiet li fuqhom jixtiequ jiġġieldu l-battalja elettorali, apparti mill-kwistjoni ta’ l-għoli tal-ħajja, li donnha se tkun il-cavallo di battaglia tagħhom. Din ta’ l-għoli tal-ħajja hi xafra li taqta’ miż-żewġ naħat.
Iċ-ċirkustanzi internazzjonali li wasslu għal żidiet kbar fil-prezzijiet taż-żejt u ċ-ċereali, li huma l-bażi ta’ ħafna mill-ikel essenzjali tal-bniedem, huma ferm barra mill-kontroll tal-gvern taċ-ċkejkna Malta, ikun min ikun fil-gvern. Iċ-ċokon tas-suq Malti ukoll jimpinġi fuq il-prezzijiet lokali. Naturalment hemm ukoll il-ħniżrija ta’ xi negozjanti li tista’ tkun imrażżna biss billi jinfetħu beraħ il-bibien tal-kompetizzjoni, kif diġà sar. Jibqgħu prodotti bħal mediċini li fihom min jimportahom ikollu pożizzjoni dominanti fis-suq – jekk mhux monopolju – u huma dawn is-sitwazzjonijiet li l-għajn regolatorja tal-Gvern għandha tifli sew.
Madankollu, jagħmel x’jagħmel il-Gvern, l-għajta ta’ l-għoli tal-ħajja hemm se tibqa’ – anki jekk id-dottor Sant ma jgħidx x’se jagħmel hu ladarba jkun fil-gvern, eżattament għax mhemm xejn li hu jista’ jagħmel u li mhux diġà sar mill-gvern attwali!
Allura jipprova jagħti l-impressjoni li amministrazzjoni tiegħu tkun aktar effiċjenti minn dik ta’ Lorenzo... biex ibellagħha lil min ma jarax aktar mill-ponta ta’ mnieħru, li bih Prim Ministru l-problema ta’ l-għoli tal-ħajja se tittaffa ħafna, jekk mhux tisparixxi għal kollox! Il-problema tad-dottor Sant hi li mill-bqija ftit hemm kwistjonijiet serji li jistgħu ikiddu r-rekord ta’ Lorenzo fil-gvern.
U f’dawn il-ġimagħtejn li ġejjin x’se jkun għaddej fil-garigori ta’ moħħ Joe Saliba? Il-messaġġ pożittiv diġà beda jindara u n-nies ma tara xejn staordinarju f’dak li jkun diġà indara!
Il-problema hi li Sant beda jdoqq id-diska, Anything you can do, I can do better – anki jekk m’għandux idea kif se jirnexxielu jagħmel dan, kif ġralu meta ġie biex iwettaq il-wegħda li jneħħi l-VAT! U dan iwassal biex il-PN ikollu jirrikorri għall-attakki negattivi bbażżati fuq l-inkompetenza li Sant wera meta kien Prim Ministru.
Wisq nibża’ li Saliba se jkollu jirrikorri għan-negattiv, għall-ħmerijiet li qal Alfred Sant f’dawn l-aħħar 15-il sena kemm ilu mexxej tal-MLP u għal mod kif il-wegħdi tiegħu li għamel qabel l-elezzjoni ta’ l-1996 sfumaw fix-xejn, darba kien fdat bil-gvern!
Saliba jrid ibiegħ l-għajta li taħt Lorenzo bdejna resqin lejn l-art imwiegħda u allura irid ibiegħ l-għajta ta’ more of the same li hi l-opposta tal-għajta għall-bidla.
Irid jipperswadi lil dawk li għad għandhom dubji dwar kif se jivvuttaw – jew jekk jivvuttawx –li bidla għad-dottor Sant hi bidla għall-agħar u mhux bidla għall-aħjar. Insomma Saliba se jkollu jidħol dritt għal ġon-nassa tan-negattività u jara kif jirbaħ l-elezzjoni aktar biex il-pajjiż jevita farsa oħra b’Alfred Sant Prim Ministru milli għal ħaġa oħra! Li hi ħaġa tal-biki meta wieħed jara x’irnexxielu jagħmel Lorenzo fi ftit snin.
Iżda l-poplu ddejjaq jisma lill-propagandisti tal-PN jiftaħru bis-suċċessi u l-għajta tal-bidla qabdet ċertu ritmu li tista’ twassal lill-PN għal telfa li ma jistħoqqlux. U Saliba jaf li fil-verità mhemmx mod kif din l-għajta jsikitta għajr li jipperswadi lill-poplu li l-bidla tkun biss bidla għall-agħar.
Wara l-festa ta’ l-Epifanija, nistenna li l-kanuni tal-PN se jduru fuq id-dottor Sant b’aktar qawwa minn qatt qabel! |
|
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Editorijal
Il Punt
Arnold Cassola
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|