MediaToday

Wenzu Mintoff | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60

Ażżard

Il-lublieba tal-logħob ta’ l-ażżard ġejja minn żmien żemżem. Saħansitra fl-Iskrittura hemm referenza għal logħob ta’ l-ażżard proprju fil-ġrajja tal-Golgota wara li Ġesù Kristu ssallab, is-suldati Rumani lagħbu d-dadi biex jaraw min minnhom kienet se tmissu x-xorti li jieħu ċ-ċraret imċappsa bid-dmija li kien liebes Kristu fil-Kalvarju.
Naturalment dawn is-suldati qajla setgħu jissoponu li dawn iċ-ċraret kien se jkollhom valur imprezzabbli bħala relikwa ta’ dik il-ġrajja li biddlet l-istorja tad-dinja.
Interessanti xi darba jsir studju storiku, forsi mhux bil-mod estremament xettiku ta’ Geoffrey Chaucer, dwar minn fejn huma meħudin eżattament ir-relikwi li jiġu vvenerati fil-knejjes tagħna għax nafu nieħdu xi sorpriża jew tnejn.
L-istint annimalesk fis-suldati Rumani ġegħilhom saħansitra jilagħbu fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor.
Sa ftit snin ilu l-fenomenu tal-logħob ta’ l-ażżard kont issibu fix-xifer tas-soċjetà, fl-underworld u fl-illegalità. L-aktar li kienu jhedew f’dawn it-tip ta’ logħob kienu l-pezzenti u l-kriminali, dawk li altrimenti mhumiex kapaċi jaqilgħu l-għixien tagħhom b’mod onest. Fl-imgħoddi kien hawn ċerti postijiet f’Malta bħad-dawra tas-suq tal-Belt u quddiem Fra Diegu l-Ħamrun li kienu famużi għal-logħob fuq l-idejn fejn kienu jintlagħbu l-imħatri dwar kull ħaġa li setgħet tiġri jew tiċċaqlaq taħt il-kappa tax-xemx. Ibda mir-riżultat ta’ xi partita futbol kompli b’xi ġlieda tas-sriedaq jew tal-klieb u spiċċa bir-riżultat ta’ xi elezzjoni ġenerali.
Skond ma nismagħhom jgħidu ġieli ntlagħbu flus anki dwar pereżempju tnejn min-nies li jkunu mexjin fuq il-bankina flimkien dwar min minnhom se jaqsam it-triq l-ewwel. Qabel il-miġja fostna tas-sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika li temminhom jekk trid bit-toqba kbira li jkun fihom minn terz sa nofs tan-nies intervistati li ma jkunux iridu jikkommettu ruħhom, l-andament u ’l hekk imsejħa odds fl-imħatri kienu l-uniku termometru mxellef ta’ kif kien jitkejjel l-appoġġ elettorali virtwali li kellhom il-partiti politiċi.
Sa llum għadek issib imħuħ morda iffissati bil-partiġġaniżmu li għandhom iktar fiduċja fix-xamma politika tal-lagħba milli fil-kompetenza xjentifika ta’ min jagħmel is-sondaġġi.

Diżunur
Il-logħob ta’ l-ażżard kellu wkoll l-effett li għal tant snin jiddiżonora l-futbol Malti u kien għamel minnu farsa liema bħalha speċjalment fiż-żmien li kien għadu jintlagħab il-logħob fl-istadium tal-Gżira fejn il-partiti kienu jiġu ‘rranġati’ mill-lagħaba ferm qabel il-miġja ta’ Luciano Moggi fl-Italja.
Maż-żmien il-logħob ta’ l-ażżard illegali firex it-tentakoli tiegħu għal-lottu klandestin u anki għall-pools tal-futbol internazzjonali. L-organizzaturi ta’ dan il-logħob bnew sistema fejn il-logħob ta’ l-ażżard, l-użura u t-tisrif taċ-ċekkijiet tar-relief kienu jitħalltu ħallata ballata flimkien taħt umbrella waħda, kollox fuq l-idejn u karti xejn. L-ironija hi li l-aktar li jixxettell u jaqbad għeruq il-logħob ta’ l-ażżard mhux fejn hemm ix-xaba’ u l-ħela u fejn il-flus ma jixxuttaw qatt, imma l-aktar li jsib għalqa fertili fejn hemm il-miżerja, il-faqar u l-għaks.
Sa ftit tas-snin ilu min kien jażżarda jittanta xortih f’dan it-tip ta’ logħob kien qed jirriskja, apparti li jitlef għaqlu u għarqubu, li jxellef difrejh mal-Liġi. Imma din kienet possibbiltà pjuttost remota għax dan ir-racket kien isir taħt imnieħer il-Pulizija li kienet tippreferi f’sitwazzjonijiet bħal dawn tagħmel bħat-tliet xadini proverbjali.
Illum il-ġurnata dak li sa ftit tas-snin ilu kien ikkunsidrat li jmur kontra l-Liġi u l-morali, taħt dan il-Gvern Demokristjan għal ġieħna, ġie legalizzat, tħalla jinfirex u jkattar b’mod inkredibbli. Tant hu hekk li l-industrija tal-gambling u l-betting f’Malta hi fost dawk il-ftit li f’dawn l-aħħar snin kellhom rata ta’ tkabbir inkredibbli u fenomenali.
Morna mill-estrem tas-Snin 60 meta l-Arċisqof Gonzi kien ħadha qatta bla ħabel kontra l-ftuħ tal-Casino tad-Dragonara, mill-estrem tas-Snin 80 meta fi żmien il-Perit Mintoff id-dħul għal dan il-Casino kien ristrett għall-barranin biss, għall-estrem tal-laxkezza kbira u libertinaġġ liema bħalu li ninsabu fih illum.
Għal Casino wieħed issa hawn tlieta bil-possibbiltà li anki jinfetaħ ir-raba’ wieħed f’Għawdex apparti l-eluf ta’ casinos fuq l-internet. Biex ikomplu jqabbdu l-lublieba tal-logħob lin-nies il-casinos ta’ Malta saħansitra joffrulek snack b’xejn li jiswa ftit soldi ħalli tmur taħraq u tberbaq għandhom il-mijiet u l-eluf tal-liri. Apparti l-lottu tradizzjonali, issa hawn ukoll lotterija bin-numri li titla’ kull kwarta waqt li tkun qed tieħu tè u pastizz f’xi kafetterija.
Hawn is-Super 5 li ġabet super ġenn kbir fost il-Maltin. Hawn il-pools fuq il-futbol barrani, imħatri fuq iż-żwiemel u kull kwalità ta’ logħob ieħor. Tant hu hekk li anki biex tagħmel karità ma’ ħaddieħor iħeġġuk tittanta xortik biex forsi tirbaħ xi rigal sabiħ li jkun jiswa ferm iktar mill-ħames liri jew għaxar liri li tkun tajt fl-Istrina. Qalbu l-kunċett tas-solidarjetà ta’ taħt fuq, tas-sabiħ li tagħti mingħajr ma tippretendi xejn lura.
Biex tkompli tgħaxxaqha l-logħob ta’ l-ażżard infirex bħal kankru fis-soċjetà tagħna proprju fi żmien meta l-lottu u l-lotteriji f’Malta ġew privatizzati u ttrasferiti lill-kumpanija Griega. Issa jekk kien hawn baqra li verament taħleb, xemx u xita mingħajr l-ebda problemi kien id-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku.
Fl-imbierka sapjenza tiegħu dan il-Gvern għażel li jbigħ din il-baqra lil dawn il-Griegi li biex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom jiġu jaqgħu u jqumu mill-impatt li jista’ jħalli dan il-kankru tal-logħob fuq it-tessut soċjali ta’ dan il-pajjiż.
Imma l-aħħar tibna li proprju qasmet dahar il-ġemel, u li akkost ta’ kollox ma nistax inġerrah, hu l-ftuħ ta’ diversi ħwienet tal-logħob fil-qalba ta’ l-irħula u l-ibliet tagħna bieb u għatba mad-djar tagħna u esposti għall-għajnejn inkwiżittivi tat-tfal.
Minflok xi ħanut tal-merċa li ma setax ikampa bl-ispejjeż jew xi ħanut tal-lingerie li ma jiflaħx ibigħ iktar tangas u wonderbras, jew minflok id-dar ta’ xi ġâra anzjana li tkun għadha kif ħallietna, issa qed jinfetħu dawn il-ħwienet tal-logħob ma’ l-erbat irkejjen ta’ Malta.
Rajthom b’għajnejja f’Ħaż-Żabbar, il-Fgura, ir-Rabat u l-Ħamrun bil-ħġieġ matt, bid-dawl bati u faċċata mill-iktar diskreta imma li fl-istess ambjent li jqanqal iktar u iktar kurżità.
Fejnhom l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż f’dan kollu? Fejnhom is-Sedqa, l-Appoġġ, il-Kummissarju għat-Tfal, il-MEPA, il-Pulizija biex inkun semmejt biss ftit minnhom, u fuq kollox, fejn hi l-Knisja?

Nixtieq Milied kemm jista’ jkun hieni lil kulħadd!

Intervista
Tgħid jisplodi fil-Eurovision?

Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja


Editorijal

Il-kewkba tat-tama


Il Punt
It-Trattat ta' Lisbona: Iva minn qalbi
Arnold Cassola

TONI ABELA
Rigal lil...


Emmanuel Micallef
Meta TUC Malta?


Carmelo Mifsud Bonnici

Opportunità mitlufa



X'kien Jgħid
Żmien ta' riflessjoni



Wenzu Mintoff

Ażżard

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075