Toni Abela | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60
Lil dawn il-kbarat mhux lakemm taqbad u tixtrilhom rigal fil-Milied. Dawn imdorrijin jaqilgħu r-rigali s-sena kollha. Jgħidu li Alfred Sant għandu librerija ser tinfaqa’ bil-kotba, li ħafna minnhom x’aktarx huma rigali.
Hekk ukoll Gonzi li wara s-sejħa politika u dik professjonali hu arloġġar. Iħobb l-arloġġi u l-istramba hi li jħobb iżarmahom. Issa nifhem għaliex dawk tal-Labour dejjem jakkuzawh li żarma kollox. Din l-imħabba li għandu għall-preċizjoni tal-ħin tidher ċara fi proġetti bħal dak tal-pont ta’ Manwel Dimech.
Xi jħobb l-Arċisqof li għandna ma nafx. Li kien għadu Mercieca kont ngħidlek platt spaghetti abjad u mingħajr zalza. Il-gosti gastronomiċi u l-ħidma pastorali tiegħu kellhom ħaġa komuni: bla kulur .
Għalhekk meta dħalt il-Belt biex nagħmel il-Christmas shopping ma kienx faċli għalija biex insib rigal għal dawn is-sinjuri. Iżda dur u erġa’ dur, staqsi lil hawn u staqsi lil hemm fl-aħħar xtrajt rigal għal kulhadd, allavolja b’dan il-baġit ma mortx tajjeb. Jiena wieħed minn dawk li t-taxxa ma taqbadniex. Għalhekk ma gwadanjajt xejn mill-inċentivi fiskali ta’ Tonio.
Fil-każ ta’ Alfred Sant u Lawrence Gonzi iffrankajt ħafna mixi u skariġġ. Xtrajtilhom rigal kull wieħed mill-istess ħanut: dak tal-ġugarelli. Għamilt hekk għax kemm ilha li bdiet il-kampanja elettorali ma qatgħux mill-piki u esagerazzjonijiet tat-tfal.
Alfred Sant joħrog banana u Gonzi pront pront joħroġ waħda akbar minn tiegħu. Wieħed joħroġ bi pjan ġdid, mingħajr bidu u mingħajr tmiem u l-ieħor mingħajr ma għandu xejn f’moħħu, mil-lum għal għada, jistampa ktieb mingħajr kontenut, iżda b’ħafna ritatti bil-kulur, qisu l-album ta’ tieġ. Wieħed isemmi 20 proġett u l-ieħor isemmi 100. Għalhekk għidt li ġaldarba qegħdin iġibu rwieħhom ta’ tfal, jisħoqqilhom ġugarell.
Lil Lawrence xtrajtlu l-logħba Monopoly biex wara li jiekol id-dundjan fil-Milied joqgħod jilgħabha ma’ Joe Saliba & Co. Xtrajtlu din il-logħba biex jiftakar li mhux sewwa li l-PN għamel monopolju mill-istituzzjonijiet kollha ta’ l-istat.
Fejn naf jien, fix-xandir, fil-kumitati tal-Parlament, fil-bordijiet u kummissjonijiet kollha, mill-gazzetti suppost indipendenti u għexieren ta’ organi statali oħrajn fejn tagħhom f’tagħhom. Issa mhux biss saru jlaħħqu lil xulxin, iżda anke jwaħħlu l-midalji fuq il-pavri ta’ xulxin.
Lil Alfred Sant xtrajtlu xabla minn dawk ta’ Star Wars, waħda minn dawk tal-Jedi. Issa ili nisimgħu jgħid li fejn tidħol korruzzjoni tolleranza zero. Qiegħed nixtrilu din ix-xabla għax strument li tassew taqta’ fil-laħam il-ħaj. Għalhekk nittama li meta jsir Prim Ministru ma jiddejjaqx jagħmel użu minnha kemm fuq dawk li ġew qablu kif ukoll ma’ l-ewwel xamma ta’ ħmieġ li jkollu meta jkun fil-Gvern. Kont ser nixtrilu wkoll sodda ta l-ilma għax kif stqarr hu stess iħobb jorqod. Iżda meta ftakart fil-100 proġett ta’ madwar il-portijiet, għidt li aħjar le, ma jmurx iħossu “sea sick” u jekk ma jlaħħaqx jagħmilhom kollha neħel ma’ rasu jien.
Ikolli nammetti li l-Arċisqof Pawl Cremona ma nafux biżżejjed. La naf xi ħobż jiekol jew biex iħobb jilgħab. La naf iħobbx jaqra jew x’tip ta’ programm iħobb jara fuq it-TV. Li naf zgur hu li jħobb jidħak u jitbissem.
Anke f’funerali rajtu jidħak u jitbissem. Naf ukoll li ma jitlifx okkażjoni biex iżur lil kulħadd, jidħol għand kulħadd u ġieli f’ħalq il-lupu u lanqas jintebaħ. Jekk stikka tal-biljard qabadha b’idejh u anke ballun rajtu jixxuttja…sportiv il-boy! Għalhekk xtrajtlu żewġ rigali żgħar. Xtrajtlu waħda minn dawk id-dentaturi ta’ biċ-ċajt li tgħidx kemm iċċekċek meta tagħtiha l-istim. Dan biex jiftakar li l-poplu Malti mhux biss tbissim biss għandu bżonn. Għandu bżonn min jindukrah serjament qabel ikun tard wisq. Għadni ma rajt xejn mill-Knisja, xi tip ta’ pjan konkret biex insalvaw dak li fadal mill-familja. Xtrajtlu wkoll biċċa qubbajt, biex jiftakar li ma jistax jibqa’ għaddej jagħmilha ta’ mejda tal-qubbajt. B’hekk biss ma tirbaħx erwieħ Mons!
Meta ġejt biex nixtri rigal lil Eddie Fenech Adami nsejt l-ispirtu tal-Milied. Ridt li nixtrilu xi ħaġa li tiskussah biex infakkru li l-poter sabiħ biss għal dawk li jħobbuh u dawk li ħabbewh spiċċaw ħażin jew intnesew.
Għalhekk dħalt f’ħanut tal-kotba u xtrajtlu l-ktieb ta’ l-axxetiku religjuż Thomas A Kempis bl-isem:“ Fuq l-Imitazzjoni Ta’ Kristu .” Minbarra li dan il-ktieb hu riżerva ta’ għerf, li fil-fehma tiegħi kemm dan il-Prim Ministru ma wera xejn minnu, għalkemm ħażen kellu kemm trid, hemm passaġġ fl-ewwel parti ta’ dan il-ktieb li jgħid hekk: “Kbir dak il-bniedem li jagħraf iċ-ċokon tiegħu nnifsu u li l-glorji tad-dinja ma jagħmlux bih!” Naħseb li kull kumment ieħor hu frivolu.
Kif kont fiż-żifna li nberbqaqhom, ħassejt li anke lil sieħbi Harry Vassallo ta’ l-Alteranattiva nixtri xi ħaga. Wara kollox fil-ġenetika politika tiegħi fadalli xi ħaġa minnu. Hu dan l-aħħar skoprew li anke l-aktar raġel ġinġer għandu xi ħaġa Afrikana fih.
Xtrajtlu waħda minn dawk il-logħob li taħdem bil-gravità biex titqiegħed fuq skrivanija. Din tikkonsisti f’ħames boċċi tal-ħadid, bit-tnejn tat-truf jitbandlu biex bid-daqqa dik tat-tarf dejjem iċċaqlaq tat-tarf l-ieħor. Ħafna ċaqliq li ma jieqaf qatt. Iżda l-ħames boċċi ma jiċċaqilqux minn posthom.
Dan biex jiftakar li ma jistax jibqa’ sejjer jgħid, li fl-aħħar ser niċċaqilqu u f’kull elezzjoni ġenerali l-Alternattiva ma tiċċaqlaq qatt. Anzi dejjem tnaqqas. Min jaf li kieku l-Profs Cassola jagħmel sforz ikbar minn barra, flok joqgħod jiekol il-pizez u l-carbonara?
Kont dieħel fil-karozza meta ftakart li lil Peppi insejt! Ġrejt ġirja biex nilħaq il-ħwienet miftuħin, iżda kien hemm xi wħud diġà qegħdin iniżżlu x-shutters. Ilħaqt lil wieħed li jbigħ minn dawk l-oġġetti elettroniċi.
Peress li naf li sieħbi Peppi jiġġennen għalihom u kulfejn tarah taħseb li qiegħed jikkomunika man-NASA qtajtha li nixtrilu xi ħaġa elettronika. Peress li ma nifhimx staqsejt lil tal-ħanut jissuġġerili xi ħaġa.
Qalli l-aħħar novità li kellhom f’dan il-qasam hi magna żgħira biżżejjed biex teħel qrib il-qalb jisimha Truth Machine. Meta staqsejtu x’tagħmel weġibni li kulmeta dak li jkun ma jgħidx il-verità kollha tagħtik xokk żgħir. Ma xtrajtilux għax ma ridtx li meta sieħbi Peppi jkun qiegħed jippreżenta xi diskussjoni politika fuq Xarabank, jispiċċa mill-bidu sa l-aħħar jiżfen bix-xokkijiet. Minflok xtrajtlu mera biex joqgħod iħares fiha …u grazzi, Pepp, talli ċempiltli biex tara kif jien.
Insomma l-Milied u s-sena t-tajba lil kulħadd!
|
|
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Editorijal
Il Punt
Arnold Cassola
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|