MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60

Ġorġ Mifsud-Chircop: tingħalaq paġna tal-folklor modern

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Ġorġ Mifsud-Chircop. Ħafna jitnikktu għall-vojt li ħalla warajh l-aktar fejn tidħol riċerka fil-folklor inkluż dak modern li jmur lil hinn sew mill-quċċija u l-irġiel bil-qorq u l-ġewlaq. Oliver Friggieri jsostni li “Malta tilfet wieħed mill-folkloristi moderni tagħha li ta bixra moderna lill-folklor Malti”.
Fil-fatt il-folklorista kien jara l-ktieb tal-poeżiji Il-Qawsalla, li ilu fis-sillabu ta’ l-iskejjel sekondarji bħala irrelevanti għal ġenerazzjoni ta’ issa ħlief għal xi sitt poeżiji. “Il-folklor ħafna drabi hu ippreżentat b’dija ta’ romantiċiżmu – li hu ’l bogħod mill-verità. Il-folklor hu ħaj,” kien qal f’intervista li ta lil MaltaToday fi Frar tas-sena li għaddiet.
Mifsud-Chircop kien attiv f’ħafna oqsma tal-Malti. Minbarra li kien jgħallem il-Malti fil-Junior College u fl-Università kien waqqaf l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti (GGM) li fis-sentejn li damet attiva kellha 300 membru u kienet l-unika għaqda li torganizza attivitajiet kulturali Maltin għat-tfal.
Min-nies li jiftakruh mill-għaqda hemm il-kittieba Clare Azzopardi li għaliha kien bniedem b’qalbu tad-deheb li dejjem ħadem għall-Malti.
“Ħafna kienu jaħsbu li hu ċajtier għax kien ġabar iċ-ċajt u l-praspar ta’ Ġaħan iżda kien bniedem serju. In-natural tiegħu kważi ma kienx imur ma’ dak li studja dwaru. Il-Ġaħan tiegħu mhuwiex dak il-karattru stupidu li kulħadd jaħseb li hu imma fl-istupidità tiegħu kien intelliġenti.”
Olvin Vella, li llum hu s-Segretarju fil-Kunsill Nazzjonali tal-Malti, ukoll ħadem ma’ Mifsud-Chircop fil-GGM u jgħid, “Il-bniedem trid tieħdu sħiħ. Ġorġ jista’ jkun li ma kienx l-aktar bniedem ferrieħi tad-dinja. Imma kien raġel li ħabb ħafna lill-poplu tagħna u l-kultura tiegħu, studja ħafna dwaru, u kien ixandar l-istudju tiegħu.
“Ma kienx studjuż maqtugħ mill-poplu, josservah bil-lenti mill-bogħod, għax kien iħobbu. Nimpressjona ruħi kif kull għannej kien jafu, kull wieħed li jiġbor il-qwiel kien jafu, kull wieħed li jħobb xi karatteristika Maltija kien jafu.
“Ġorġ kien jagħti dinjità lil tant nies li fid-dehra huma komuni u (skond ħafna) bla kultura... imma fil-fatt huma awtentiċi.
“Lil Malta awtentika Ġorġ ħabbha u ddokumentaha. Naħseb li b’mewtu l-poplu tagħna naqaslu punt ta’ riferiment importanti.”
Fil-fatt il-folklorista jibqa’ ferm magħruf għall-interess li kellu fl-għana u kemm ħadem għaliha biex timxi ’l quddiem. Hu kien li beda jorganizza l-Festival Nazzjonali tal-Għana fl-1998 u li siefer lill-għannejja Maltin. L-għannej iż-Żubina jarah bħala bniedem li ta spinta lill-għana għalkemm mhux dejjem kien mifhum.
“Il-kultura tħoss iktar mill-individwu. L-individwu jiftakar u jinsa imma l-kultura tnin. Meta tkun ħadet daqqa jkollha bżonn l-għajnuna. Ġorġ taha spinta għalkemm kien hemm xi affarijiet li ma bdewx jifhmuh fihom jew li hu ma fehemx lill-għannejja u lill-kitarristi.
“Fis-settur tal-għana hawn daqsxejn ta’ firda. Ġorġ ħoloq għaqda li tfisser firda wkoll. L-għana ma tiflaħx li tifred imma trid tgħaqqad. Bil-progress ikun hemm daqsxejn rigress u kultant ir-rigress jinħass xi ftit aktar.
“Fil-fehma tiegħi kien bniedem ta’ skola u ippretenda wisq mill-għannej. L-għannej mhuwiex tal-pinna u l-klamar u mhux se jagħtik iktar milli għandu. L-għannej tinteressah aktar id-di natura, dak li jitwieled bih għax mhux kulmin jgħajjat għandu l-bejgħ. Ġorġ kellu skola kbira li għall-għannej mhix importanti.”
Żewġ kollegi tiegħu jitkellmu fuq iż-żmien li qattgħu jaħdmu flimkien jew fuq il-proġetti li kien qed jiddiskuti magħhom. Immanuel Mifsud, li kien jaħdem kamra ma’ kamra miegħu, iqisu bħala awtorità fil-istudju tiegħu fil-folklor u xempju ċar ta’ workaholic.
“F’moħħi għadu jaqra u jiġri minn ħaġa għall-oħra. L-iktar ħaġa li għandi ċara f’moħħi dwaru hu qabel ma skulajna fis-sajf. Għamilna sigħat nitkellmu fuq il-fatt li mhumiex magħrufin ħafna l-għanjiet tas-sajjieda u li xtaq jaħdem fuqhom. Kien bniedem ta’ ftit kliem, mhux għax ma kienx soċjevoli, imma iktar kien jisma’ milli jitkellem,” qal Mifsud.
Mario Azzopardi, li ħadem għal snin sħaħ miegħu fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet kritiċi għall-istudenti fosthom Mis-Sillabu u Analiżi, jgħid li kien jammira lil Mifsud-Chircop “għall-funzjoni organika tiegħu bħala akkademiku u intellettwali. Ma kien jiddejjaq xejn jidħol fl-isfera pubblika biex jiskava l-għeruq. Kien jemmen ħafna fil-funzjoni soċjali ta’ l-awtur u kien iqisu bħala l-istrument l-aktar importanti biex iwessa’ l-possibiltajiet kollha tal-lingwa.
“Dwar l-awturi lokali hu kien jgħid li kellhom l-obbligu li joħolqu kuxjenza fil-Maltin, li jinvolvu ruħhom u jidħlu fi kwistjonijiet speċifiċi. Dan it-twemmin hu konsonanti ħafna ma’ dak li dejjem emmint jien. Forsi għalhekk kellna daqshekk rispett u fehma reċiproka lejn xulxin.  Il-mewt ta’ Ġorġ Mifsud-Chircop tfaqqar lil Malta f’ħafna sensi tal-kelma.”
Kienu bosta dawk li xtaqu jagħti l-aħħar tislima fosthom il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, l-Għaqda tal-Malti fl-Università u l-għannejja. Din il-gazzetta tingħaqad magħhom f’dan iż-żmien ta’ niket.

Intervista
Tgħid jisplodi fil-Eurovision?

Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja


Editorijal

Il-kewkba tat-tama


Il Punt
It-Trattat ta' Lisbona: Iva minn qalbi
Arnold Cassola

TONI ABELA
Rigal lil...


Emmanuel Micallef
Meta TUC Malta?


Carmelo Mifsud Bonnici

Opportunità mitlufa



X'kien Jgħid
Żmien ta' riflessjoni



Wenzu Mintoff

Ażżard

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075