Sports | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60
Nikkunsindrah bħala wieħed mill-aktar nies maħbubin li għandhom x’jaqsmu mal-futbol Malti. Hu l-uniku President li kemm ili midħla sew tal-futbol Malti qatt ma naf li daħal f’xi kontroversja ma’ dawk kollha konċernati li tul dawn is-snin kollha setgħu ħadmu miegħu minn kemm ilu jokkupa s-siġġu ta’ President ta’ Pietà Hotspurs.
Edward hu wieħed mill-aktar presidenti veterani li għandu l-futbol Malti. Nhar il-Ġimgħa li ġej se jkun għalaq 25 sena jmexxi lil dan il-club li beda mix-xejn u llum il-ġurnata għandu wieħed mill-isbaħ każini f’Malta u grawnd sabiħ f’waħda mill-iżgħar lokalitajiet f’pajjiżna.
Il-bini u l-faċilitajiet li għandhom huma mill-aktar moderni. Iż-żminijiet inbidlu sew minn dawk ta’ meta jien kont niffrekwenta l-post kuljum. Il-każin jibqa’ l-istess palazz ta’ darba, imdawwal u miftuħ fuq kull naħa b’gallarija mill-isbaħ li tagħti għall-grawnd b’wiċċ sintetiku li titpaxxa tħares lejh.
Isfel storja oħra. L-infrastruttura li nvestew fiha żgur li se tiswa għall-futur tal-plejers li għad iridu jilbsu dan il-flokk. Kmamar mill-isbaħ li jservu ta’ gym, showers, lecture rooms, segreterija u kamra tal-Kumitat. Kien hawn il-post fejn Edward Schembri laqagħni għal din l-intervista.
Jiddiskrivieli lilu nnifsu filwaqt li jirrakkuntali kif kien spiċċa President ta’ Pietà Hotspurs 25 sena ilu.
“Jien bniedem tal-familja u nħobb li jekk jista’ jkun meta nagħmel xi ħaġa nagħmilha tajjeb mill-ewwel bil-mezzi kollha possibbli. Nipprova nqassam il-ħin u forsi qabel kont inqatta’ aktar ħin fil-futbol. Illum il-ġurnata sirt nagħti aktar kas il-familja għax kont bdejt inħoss in-nuqqas tagħha. U dan kollu nkun nista’ nagħmlu għax fil-club għandi nies ħabrieka li kollha jerfgħu l-biċċa tagħhom biex b’hekk ix-xogħol jinqasam bejn kulħadd.
“Jien kont spiċċajt President ta’ Pietà b’kumbinazzjoni. Dak iż-żmien kont segretarju u rriżenja l-President. Ma kienx hemm min joqgħod u spiċċajt jien. Jien nista’ ngħid li kieku kelli nerġa’ mmur lura 25 sena ma nerġax inbiddel id-deċiżjoni għax kienu 25 sena sbieħ u pjaċevoli. Għamilna ħafna xogħol iebes u sagrifiċċji. Dejjem kelli l-fiduċja sħiħa tan-nies ta’ madwari.
“Dawn l-aħħar snin kibru miegħi kemm fis-sabiħ, kemm fl-ikraħ, kemm fid-diffiċli u kemm meta fraħna u bkejna. Jaf fil-futur ikun hemm affarijiet isbaħ milli kellna u jaf jiġi żmien li nbatu wkoll. Il-missjoni tagħna dejjem kienet li fil-lokalità tal-Pietà jkun hawn soċjetà li tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ li jesprimu ruħhom fl-isport li jħobbu u jekk jista’ jkun inbegħduhom mill-ħażen tal-ħajja. Jiġri x’jiġri jien se nipprova nibqa’ nagħti s-servizz lill-club sakemm nibqa’ aċċettat minn sħabi.”
Edward Schembri twieled fil-31 ta’ Mejju 1963. Joqgħod tal-Pietà iżda ftit jafu li mwieled il-Ħamrun. Miżżewweġ lil Caroline u hu missier ta’ Raisa ta’ 17-il sena, Emanuel ta’ 15-il sena, Julia ta’ 14-il sena u Matthew ta’ 13-il sena li jagħlaqhom proprju llum.
Nitkellem miegħu fuq iċ-ċokon tal-post u jekk dan kollu fihx l-aktar vantaġġi jew żvantaġġi.
“Fih mit-tnejn. L-iżvantaġġi fis-sens li hu diffiċli biex tilħaq ċerti ditti, nies politiċi u entitajiet governattivi għax jaħsbu li jkunu se jaqdu biss lokalità żgħira u ma jqisux li aħna naħdmu aktar mill-kbar.
“Fuq futbol milgħub inħoss li nbatu mhux għax iriduna nbatu. Sfortunatament il-bniedem jibqa’ bniedem. L-MFA ċert li tieħu pjaċir kieku jiġu timijiet li jimlew l-enclosure kollu. Aħna anqas jekk tiġi tal-Pietà kollha ma nimlew l-enclosure. Minn dak il-lat żgur li m’aħniex ta’ attrazzjoni.
“L-għajta tal-partitarji xi ftit jew wisq tinfluwenza. Ċerti deċiżjonijiet żgħar li jittieħdu kontrina jaffettwaw psikoloġikament fit-tul tal-logħba. Mhux qed ngħidlek li jsir hekk b’intenzjoni ħażina. Jien mill-esperjenza tiegħi tul dawn is-snin meta tiġi kontra tim kbir l-uffiċjali jkunu xi ftit jew wisq influwenzati kemm min-nies kif ukoll mill-media. Donnhom iħossu xi ħaġa li lil kbir għandek tkompli tgħinu. Din tiġri mad-dinja kollha. Jien inħoss li l-kbir m’għandux bżonn għajnuna għax tajjeb biżżejjed.
“Il-vantaġġi li aħna żgħar huma li hawn inqas pressjoni mill-partitarji u iżjed nistgħu nilħquhom faċilment biex niddiskutu magħhom dak li jkun għaddej minnu l-club ta’ kuljum.
“L-ewwel priorità kienet li jkollna bażi fejn nitħarrġu f’post diċenti. Imbagħad għamilna l-każin u komplejna minn hemm sakemm wasalna wkoll għamilna l-wiċċ artifiċjali tal-ħaxix. Aħna qatt ma stennejna l-manna taqa’ f’ħalqna. Dħalna għal investimenti kbar ta’ eluf ta’ liri li bihom stajna xtrajna ċerti plejers rinomati u anki ġġilidna għal xi unuri. Però dehrilna li l-faċilitajiet igawdi minnhom kulħadd u emminna li dik kienet l-ewwel ħaġa li kellna nagħmlu.”
Hafna jgħidu li l-club ta’ Pietà Hotspurs hu club li jagħmel il-flus mit-trasferimenti tal-plejers. Nistaqsi din il-mistoqsija lil Edward li hu ċaħad b’mod qawwi.
“Hawn min jgħid hekk imma fil-verità mhux veru. Meta nbigħu plejer il-probabbiltà hi li l-istess plejer ikun ħa iktar flus kemm ikun dam magħna miċ-ċifra li nkunu begħnih. Aħna m’aħna qegħdin fl-ebda negozju. Inutli nżomm plejer miegħi u nagħlaq it-triq lil żgħażagħ oħra.
“L-għan ta’ Pietà Hotspurs hu li għada jkun aħjar mil-lum. Meta jasal iż-żmien li nibdew niġġieldu għall-unuri se nagħmlu dan ukoll.”
Ftit tas-snin ilu kien qed jinstema’ li tista’ ssir amalgamazzjoni bejn Pietà Hotspurs u Ħamrun Spartans. Niftakar f’dan kollu u nistaqsih fuqu. Jikkonfermali.
“Ma kinux biss diċeriji imma kellna anki diskussjonijiet ma’ nies li kienu fil-Kumitat ta’ Ħamrun Spartans. Ma kinux diskussjonijiet uffiċjali u bil-kitba. Biss kienu diskussjonijiet li jagħmlu sens għall-ġranet ta’ llum. Jien naħseb li f’Malta għad irid jiġi żmien li ħafna clubs jingħaqdu. Ma jistax ikun li ħafna clubs ġirien jagħmlu l-istess xogħol. Li ġara hu li kien hemm ċerti talbiet miż-żewġ naħat u ġew l-elezzjonijiet tal-clubs u fil-kumiati nbidlu n-nies u ma sar xejn.”
Kienet mistoqsija li fetħet aktar beraħ id-diskussjoni ta’ bejnietna fuq dan is-suġġett. Edward hu wieħed minn dawk li jemmen bis-serjetà li Malta żgħira wisq biex ikollha daqstant clubs tal-futbol fil-viċin li jagħmlu l-istess xogħol.
“Malta ma tiflaħx ħafna clubs sparpaljati. Biex il-clubs jibqgħu sodi jridu jsibu mezz ta’ introjtu li jkunu jistgħu jfendu għal rashom. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk għax fi żmien qasir se nispiċċaw kollha nilagħbu f’livelli dilettantistiċi għalkemm aħna diġà semi dilettanti.”
Fil-pront jidħol Carmel Busuttil. Ħin biss kemm tah karta u reġa’ ħareġ ’il barra. Kien sar il-ħin tat-taħriġ. Nistaqsih kif kienet waqgħet l-għażla tal-Bużu biex imexxi t-tim.
“Carmel Busuttil kien jaħdem miegħi f’affarijiet oħra. Meta s-sena l-oħra kellna l-problemi mal-kowċ Fortunato Vittorio, ċerti plejers talbuni jekk hux possibbli nġibu lilu kowċ. Jien tkellimt ma’ sħabi tal-Kumitat u qbilna li nġibu lilu. Kellimnieh u aċċetta.”
Pietà Hotspurs għandhom ukoll l-unur tagħhom li jgħidu li għandhom persuna fl-Eżekuttiv tal-Malta Football Association. Nistaqsih kemm hu ta’ unur li jkollok persuna bħal Joe Sammut midħla tal-club.
“Li jkollok bniedem ġej minn club żgħir u lokalità żgħira li ġab dak l-appoġġ kollu fl-aħħar Laqgħa Ġenerali hi xi ħaġa kbira għalina. Dan kollu juri li fil-club tagħna għandna nies stmati u fdati.”
Is-sitwazzjoni preżenti għal Pietà tista’ tidher xi ftit inkwetanti. Nistaqsih jekk hux imbeżżgħa li jistgħu jiġu relegati.
“Ir-realtà tar-relegazzjoni teżisti dejjem. Ma nistax ngħidlek x’se jsir minn issa. It-tir tagħna hu li mmorru fiċ-Championship Pool. Ħafna jiddubitawna għax għajta m’għandniex u forsi l-għajta nofs il-bejgħ. Mhux fl-interess tiegħi li ngħidlek lil min nara fir-Relegation Pool. L-aqwa li jekk jista’ jkun ma narax lil Pietà.”
Edward jgħidli liema kienu l-aktar mumenti emozzjonanti minn kemm ilu President tal-club.
“L-ikbar esperjenza ġrat is-sena l-oħra meta laħaq l-Isqof il-ġdid Pawlu Cremona u aċċetta l-istedina li għamilnielu bħala club. Ġie u bierek ukoll il-każin. L-Isqof ta’ Malta kien il-Kappillan tal-parroċċa tagħna qabel.
“Bħala futbol milgħub ngħidlek li l-ikbar ferħa kienet meta rbaħna l-kampjonat ta’ l-Ewwel Diviżjoni ftit tas-snin snin ilu u tlajna Premier. Tul dawn l-aħħar 25 sena kelli sodisfazzjon kbir li nara ħafna plejers li xi darba kienu ma’ Pietà Hotspur li laħqu certi livelli anki mat-tim nazzjonali.”
“Mument ta’ diqa kien meta tlifna lill-kaxxier Carm Borg. Li jkollok bniedem jaħdem miegħek għal ħafna snin u ma tarahx aktar iebsa wisq. Tul dawn l-aħħar snin kellna diversi relegazzjonijiet ukoll li kollha kienu mumenti ta’ uġigħ. Dawk insejħilhom maltempati li jgħaddu sakemm jerġa’ joħroġ il-bnazzi.”
Edward Schembri hu l-President ġust għal dawk il-plejers li jkunu ta’ ċertu livell u jkunu jixtiequ jsibu xortihom barra minn Malta. Il-plejers kollha jfaħħruh għall-fatt li jekk tinqala’ l-opportunità ġusta ma jtellifilhomx. Nistaqsih fuq dan kollu.
“Opportunità lill-plejer barra minn Malta ma ntellifhielu qatt. Għax jien jekk għandi lil uliedi u ħaddieħor jista’ jagħtihom opportunità aktar milli nista’ nagħtihom jien ma nkunx irridhom iċaħħduhomli. Allura jien nista’ nċaħħadhom lil ulied ħaddieħor?”
L-intervista kont qed nagħmilha mal-President li għaddew minn taħt idejh plejers bħal Valerie Bojinov ta’ Manchester City, Christian Terlizzi ta’ Catania u Atilla Filkor ta’ Inter. Ikellimni fuq dawn kollha u aktar.
“Valerie Bojinov kien spiċċa magħna b’kumbinazzjoni. Ir-raġel ta’ ommu kien jilgħab magħna. Staqsieni jekk Valerie setax jinżel jilgħab fin-nursery. Kellu biss 12-il sena. Hu u Cleaven Frendo kienu skurjaw xi 50 goal bejniethom f’10 logħbiet ta’ ħbiberija. Ħsibt li kienet se tkun ħela li jibqa’ Malta. Kelli ħbieb tiegħi l-Italja. L-għada li mar Lecce kien ġieni invit għalih minn Udinese.
“Atilla Filkor kien plejer ieħor li bgħatnieh ma’ l-Inter sentejn ilu. Kien Ungeriż u fiż-żmien li kienº magħna ġie mgħajjat man-nazzjonal ta’ l-Ungerija. Kien lagħab u mmarkawh l-Inter u kienu ġew ikellmuni fuqu.
“Christian Terlizzi għandu storja twila. Konna ġibnieh Malta meta kellu 18-il sena. Sfortunatament ma kienx daqshekk responsabbli u naqra moħħ ir-riħ. Hawn sab lil Paceville u sfortunatament tħarbat xi ftit. Konna neħħejnieh għax ma kienx qed jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu ta’ plejer professjonali. Kienet swietu ta’ daqqa ta’ ħarta li waqqafnieh imma fl-istess ħin swietu wkoll ta’ ġid għax sentejn wara rajnieh jilgħab fis-Serie A. Jiddispjaċini biss għal fatt li ma setax juri dak li jaf magħna wkoll. Imma nieħu pjaċir li nara plejer jilgħab f’dawk il-livelli li għadda darba minn taħt idejna.
“Ma’ Valerie għadni fil-kuntatt mal-familja tiegħu sa llum. Meta tasal xi okkażjoni dejjem nirċievi jew nibgħatlu xi messaġġ. Ġieli stedinni għal xi logħba wkoll.
“Hawnhekk dejjem ippruvajna niftħu l-opportunitajiet lill-plejers tagħna. Darba kien anki ċempel Franco Baresi għal Cleavon Frendo. Cleavon anki sitt xhur l-Italja ma’ Torino għamel. Andrew Hogg kien għamel sena ma’ Bari wkoll. Kellna lil David Camenzuli li lagħab anki mas-Sampdoria u Reggina. U bħalissa għandna lil James Paris li qiegħed mal-Manchester City.”
Daqs sentejn ilu Edward kien f’tarf li jieqaf u jirtira darba għal dejjem mill-futbol Malti. Nistaqsih x’ikkonvinċih l-aktar biex jibqa’.
“Kulħadd ikollu ż-żminijiet diffiċli u jaħseb u jgħid li se jieqaf. Biss wieħed imbagħad jirrifletti u jgħid li m’hemmx għalfejn nieqaf imma nista’ naqbad triq differenti. Jien hekk għamilt. Ħeġġiġni nibqa’ ż-żmien twil li tajt lis-soċjetà u l-ħeġġa ta’ sħabi li jaħdmu miegħi. Biss saħħa ta’ dan il-club sar xogħol kbir lil din il-lokalità.
“Illum il-ġurnata nemmen li nistgħu naslu nirbħu unur maġġur. Però m’aħniex fil-viċin.”
Ikellimni fuq il-futur tal-club u x’inhuma l-prioritajiet li se jibqgħu jimxu fuqhom.
“L-ewwelnett irrid inkun ċert li l-club jibqa’ jeżisti għal dejjem l-ewwel u qabel kollox. Mhux se nagħmlu bluhat għall-pożizzjoni tagħna. L-ewwel ma rridu nibqgħu naħsbu hu biex lill-club tagħna ma npoġġuhx f’diffikultajiet. Fil-futur nixtieq nara lil club tagħna jkollu faċilitajiet ikbar u isbaħ milli għandu.
“Qegħdin fiż-żminijiet ta’ festi u nixtieq nawgura xewqat sbieħ lin-nies kollha tal-Pietà u lill-isportivi Maltin u Għawdxin. Nirringrazzja lil dawk kollha li tul iż-żmien taw kontribut, żgħir kemm hu żgħir biex il-club tagħna wasal fejn wasal illum.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Editorijal
Il Punt
Arnold Cassola
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|