MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60

Opportunità mitlufa

1. Dan l-aħħar qrajt dawn il-kliem li ħassejt li għandhom jingħataw ċertu ħsieb : “In occidente, da almeno tre secoli a questa parte, la politica è un attività a se stante, separata perfino sul piano etico da ogni altra manifestazione e attività umana. In altre epoche e in altre culture non è stato, e tuttora non è così. Nel mondo islamico per esempio, non è mai stata operata, nè concettualmente nè nella pratica, una separazione fra religione e politica, fra precetto divino e leggi dello Stato, fra peccato e delitto.” Jekk u safejn dan huwa fil-fatt minnu jitolbu verament riflessjoni f’dan is-seklu. Ħafna drabi aħna d-demokristjani wkoll, għalkemm nitilqu naħsbu bil-kunċett li huwa fundamentali li r-reliġjon u l-Istat huma separati minn xulxin, però dan jista’ jkun li tant estendejnieh li wassalna ruħna fuq fruntieri ta’ firda żejda. Jista’ jkun li fridna mhux biss l-istituzzjonijiet imma nitħajru nifirdu wkoll il-prinċipji. Kemm dan huwa kollu minnu ma nafx, imma xtaqt inqajjem numru ta’ punti.

2. Ovvjament din is-separazzjoni kienet, fil-bidu, neċessarja għal dawk li riedu li jkun hemm ħidma politika nisranija li ma tiġix imħallta jew imxebbħa ma’ dik tal-Knisja. Hemm f’din id-direzzjoni parti mill-istorja politika Ewropea li mhux se nirrepeti, iżda li nagħmel biss aċċenn għaliha. Però rridu naċċettaw li forsi tlaqna wisq fuq it-triq tal-firda li wasalna u pparteċipajna aħna wkoll fi proċess ta’ sekularizzazzjoni li ma ridniex u li ma nistghux nikkontrollaw. Ir-riżultat qiegħed jidher li m’hemmx wisq distinzjoni fih bejn il-ħidma politika fis-soċjetà tal-bniedem nisrani minn dak li m’huwiex. Anzi, biex forsi niġu aċċettati iktar, hemm min telaq fuq it-triq li jinsa l-iskop u l-egħruq li minnhom nispiraw irwieħna. Biex jaċċettawna għażilna li nsiru differenti milli aħna.

3. Il-problema li qisha taħrabilna l-ħin kollu minn idejna u qisha ma tridx tidentifika ruħha qegħda fil-fatt li, ħafna drabi, rridu nagħmlu minn kliem Sidna Ġesù Kristu kif rapportati fit-Testment il-Ġdid, sempliċi messaġġ ta’ valur politiku materjali. Jiġifieri politika kif kien fissirha Macchiavelli jew kif segwew persuni oħra li ħadmu l-linja li aħna ġustament nidentifikaw bħala “materjalizmu”. Il-verità hija ferm iktar kumplessa, fis-sens li titlob mingħandna li nifhmu ħsieb li huwa fir-realtà ferm ikbar minna. Il-messaġġ nisrani huwa ferm iktar minn sempliċi regoli varji li wieħed isostni f’ħidma politika ta’ partit f’sistema elettorali u demokratika. Il-kitba hija indirizzata lejn kull bniedem fil-qalb tiegħu sabiex jifhem s-sens u l-iskop tal-ħajja u jagħmel użu aħjar tal-kundizzjoni umana li jinsab fiha.

4. Ħafna drabi ninnota li hemm disprezz jew sempliċement attitudni li tinjora l-kontenut tiegħu minn dawk li jinsabu fit-triq li jfittxu l-verità. Ta’ dawk li jridu jaslu bl-użu tar-raġuni u li jirrelegaw mill-bidu u lanqas jikkonsidraw dak li jista’ jfisser inkwantu ta’ ħsieb u studju mal-kunċett tal-bniedem li Kristu jwassal l-ħin kollu. Forsi m’huwiex moda. Anzi, hekk hu – li wieħed jerġa’ jara f’iktar profondità u analiżi. It-tendenza f’din it-triq iċċaqalqet xi ftit f’dawn l-ilmijiet stranament bil-ktieb ta’ Dan Brown u minn hemm qamu wkoll kotba oħra li jridu jiddiskutu l-messaġġ nisrani f’termini strettament sekulari. Però dan, minnu nnifsu huwa ċaħda għall-aċċess għall-kotba oriġinali u paraventu li jgħatti d-dawl veru tal-kontenut kollu.

5. Ninnota ħafna drabi li din il-forma ta’ suppervja, jew aħjar awto-aljenazzjoni, ġejja mill-ħsieb li wieħed m’huwiex se jsib soluzzjonijiet għall-problemi eżistenzjali personali u statali ġewwa fih. Hemm il-ħin għall-kitbiet varji però hemm ċaħda milli wieħed jiddedika ftit għal dan il-messaġġ universali. Jista’ jkun, anzi nakkuża ruħi, li numru ta’ drabi hemm biżgħat u aġir fil-linja ta’ ħidma ħażina ta’ kommissjoni u ommissjoni. Dan joħroġ ċar, l-ewwel, għaliex ma nħarsux aħna stess li nwasslu aħjar il-kitbiet verament interessanti u li jċaqilqu lil kull bniedem li jħaddan raġuni, sija jekk hux nisrani (għax aħna wkoll bnedmin tar-raġun) kif ukoll le; it-tieni, għax numru ta’ drabi nidħlu fin-nassa li tant irridu li niġu aċċettati fis-soċjetà (anke jekk din tħaddan ideat differenti) li allura ma nesprimux fis-sħiħ jew noqogħdu lura milli niddikjraw tagħna; u t-tielet, għax numru ta’ drabi l-ħidma politika ta’ kull ġurnata twassal lejn inqas ħin għall-qari fil-fond mill-ilmijiet friski u puri.

6. Il-kwistjoni nisranija, anzi l-isfida, tinsab f’din it-triq – kemm aħna kapaċi nifhmu dan il-messaġġ li meta wieħed jgħixu jieħu minn linji ġodda li jaqbżu u jissuperaw fis-sens u s-sustanza dak li jingħad minn prattiċi politiċi oħra. Hemm il-linja tax-xogħol u tal-produzzjoni tal-“prodott politiku” li hi ħaġa, però hemm linja ferm superjuri li sfortunatament aħna stess noqogħdu lura minnha. Il-kostruzzjoni ta’ proġetti hu parti mill-missjoni tagħna, però dawn jagħmlu iktar ġid jekk ikun hemm ukoll il-kunċett u l-viżjoni li dak li qed jinbena qiegħed jew se jservi ta’ ġid għall-bniedem fid-dinjità tiegħu. Għax dawn miżuri li għandhom jservu lejn bidliet fl-intern tal-bniedem.

7. Meta l-bniedem jirbaħ iktar fl-għarfien tad-dinjità li ħaqqu u li jassigura dik tal-proxxmu tiegħu, il-valur tas-soċjetà jikber. Il-famuża “ċiviltà umana” tikber u tiddependi mhux biss minn kemm aħna kapaċi nibnu proġetti iżda iktar minn dawk li bihom nibnu fil-qalb tal-bnedmin. Nemmen li l-messaġġ nisrani dan jista’ jwasslu ferm aħjar minn ħaddieħor. Wieħed li jiġi traskurat, jew anzi, ikkonsidrat minn lenti li trid tillimitah, iċċekknu flok tarah f’dak li hu u ċioè tnaqqas opportunità. Il-messaġġ kristjan huwa opportunità li qegħda hemm għal kulmin irid u għalhekk jagħmel tajjeb li min irid imaqdar jibda l-ewwel billi jkun ġust lejh u jippruvah fil-ħajja tal-ġurnata.
Nawgura minn qalbi l-Milied it-Tajjeb lilek, Sur Editur, u l-qarrejja numerużi tiegħek.

Intervista
Tgħid jisplodi fil-Eurovision?

Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja


Editorijal

Il-kewkba tat-tama


Il Punt
It-Trattat ta' Lisbona: Iva minn qalbi
Arnold Cassola

TONI ABELA
Rigal lil...


Emmanuel Micallef
Meta TUC Malta?


Carmelo Mifsud Bonnici

Opportunità mitlufa



X'kien Jgħid
Żmien ta' riflessjoni



Wenzu Mintoff

Ażżard

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075