Emmanuel Micallef | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60
Naħseb li t-trade unions, barra milli joqogħdu jinsistu mal-partiti politiċi biex ma jwegħdux dak li ma jistgħux iwettqu, imisshom jagħtu eżempju billi jwettqu dak li jwiegħdu.
Jagħmlu tajjeb jekk il-proponiment tagħhom għas-sena l-ġdida jkun it-twaqqif ta’ Kunsill tat-Trade Unions Maltin. Ikun rigal xieraq u meħtieġ għall-ħaddiema tagħna u anki għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Ilna nisimgħu dwar attentati u inizjattivi li ttieħdu biex ikun jista’ jitwaqqaf it-TUC ta’ Malta. Sfortunatament, l-unions jirnexxielhom jitilqu għal għonq it-triq iżda qatt ma rnexxielhom jaslu sad-destinazzjoni finali.
Il-misteru jibqa’ fil-fatt kif il-Unions kollha jaqblu li pajjiżna għandu bżonn dan il-Kunsill iżda meta jiġu biex jagħmluh iktar ifittxu l-problemi u d-diffikultajiet milli s-soluzzjonijiet. Bħal donnu x-xewqa tat-twaqqif tat-TUC qegħda biss biex jintgħoġbu b’diskorsi għall-gallarija. Meta niġu għall-impenn jaġixxu mod ieħor.
Misteru wkoll hu l-fatt kif pajjiżi oħra fejn anki hemm numru ferm aktar ta’ unions ta’ twemmin differenti irnexxielhom iwaqqfu dan il-kunsill u hawn ma nistgħux insibu tarf ta’ soluzzjoni minkejja l-ħafna priedki ta’ djalogu soċjali u solidarjetà. X’qed iżomm milli jitwaqqaf?
Niftakar ftit taż-żmien ilu l-sforzi sinċieri li saru mill-Professur Edward Zammit biex jipprova jqarreb lill-Unions lejn xulxin bil-għan li t-TUC jitwaqqaf bla dewmien. Saħansitra, kien ġie f’pajjiżna s-Segretarju Ġenerali tal-ETUC John Monks li kompla juża l-pressjoni tiegħu speċjalment fuq l-affiljati Maltin fi ħdan il-konfederazzjoni li jmexxi hu biex jitwaqqaf it-TUC. Kien ressaq proposta u talab lill-Unions Maltin biex jerġgħu jiltaqgħu sena wara biex jevalwaw is-sitwazzjoni u jilħqu jeliminaw l-ostakli li kienu qed jiffaċċaw. Għaddiet sena, sentejn u tlieta u minn dak kollu baqa’ ma sar xejn. Il-Unions bħal donnhom fil-prinċipju u fuq il-karta jemmnu fit-twaqqif tat-TUC iżda meta jiġu għas-si u n-no jibdlu fehmthom. X’qed iżomm lill-unions milli jagħmlu l-pass li jmiss?
M’hemmx dubju li bit-twaqqif ta’ dan il-Kunsill jista’ jsir ħafna ġid iktar milli lill-unions infushom iżda żgur lill-membri tagħhom u l-ħaddiema inġenerali. Illum sfortunatament ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-Unions il-kbar jispiċċaw jikkritikaw lil xulxin apertament fuq ħmerijiet. B’dan l-atteġġament qed jibagħtu sinjali negattivi lill-ħaddiema li min-naħa tagħhom ikomplu jnaqqsu l-kredibbiltà fl-unions. Mhux l-ewwel darba u tnejn li min iħaddem ikollu jiffaċċa problemi biex jasal fi ftehim ma’ unions sempliċiment għax dawn ma jaqblux bejniethom dwar rappreżentanza fuq l-istess post tax-xogħol. U mhux darba u tnejn ukoll li union tispiċċa tagħmel ħafna xogħol b’risq il-membri tagħha mbagħad fl-aħħar minuta xi wħud jidhrilhom li għandhom ibiddlu l-union u jmorru għand ħaddieħor bil-konsegwenza li jisfratta x-xogħol kollu li jkun sar. Hemm ukoll diversi każi fejn l-unions jistgħu jagħmlu front wieħed, speċjalment fuq bażi nazzjonali iktar milli azjendali, u sempliċiment minħabba pika jibqgħu jwebbsu rashom u ma jersqux lejn xulxin.
Min qed ibati l-aktar f’dawn iċ-ċirkostanzi? Il-ħaddiema nfushom. Għalhekk jinħtieġ it-twaqqif tat-TUC ta’ Malta biex dawn il-problemi jiġu evitati darba għal dejjem u l-moviment trejdunjonistiku jkun jista’ jissaħħaħ quddiem il-mewġ u l-isfidi ġodda li qed u għad irridu niffaċċaw. Jekk impjegaturi qed iħossu l-bżonn li jingħaqdu f’għaqda waħda – bħalma se jagħmlu l-Kamra tal-Kummerċ u l-Federazzjoni ta’ l-Industrija – ma nistax nifhem kif il-Unions mhumiex iqisu l-urġenza meħtieġa biex jitwaqqaf dan il-Kunsill. U ma nifhimx lanqas kif l-istess unions li tant isibu rkaptu ta’ kobob imħabbla kemm internament fl-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll fin-negozjati li jagħmlu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol se jsibuhom diffiċli biex jifformulaw il-kundizzjonijiet u r-regolamenti biex jagħmlu Kunsill verament effiċjenti u effettiv.
L-agħar ħaġa li jistgħu jagħmlu l-Unions hi li jew jippersonifikaw jew jipparrokjalizzaw id-diskussjoni dwar dan il-Kunsill. Allaħares joqogħdu jintilfu dwar min għandha tkun il-persuna li għandha tokkupa l-ogħla kariga jew joqogħdu jfittxu l-interessi settorali tagħhom biex jiffurmaw dan il-Kunsill. Jekk qed jaħsbu li f’Malta t-TUC ma jistax jaħdem jew ma jriduhx jaħdem għax hekk jaqbel lilhom, allura jmisshom jiddikjaraw dan fil-miftuħ.
Jekk mhux qed jaraw il-ħtieġa tiegħu iktar minn qabel allura jidher li għandna problema fit-trejdunjoniżmu lokali. Jekk, iżda, verament iridu jwaqqfuh imisshom jimmiraw għal data li fiha jitħabbar it-twaqqif tat-TUC Malta u sadanittant jiddedikaw ħinhom biex jilħqu dan il-għan. U jekk verament se jimpenjaw ruħhom għal dan iridu jagħmluh bis-serjetà, fis-sens li ma jsirx xi Kunsill tal-paroli, jew biex ikun biss il-gwardjan ta’ kodiċi ta’ etika trejdunjonistika jew biex iservi ta’ paraventu għal xi tilwima li jkollha union partikolari.
L-iskop tiegħu għandu jkun biss dak li jsaħħaħ it-trejdunjoniżmu professjonali u allura jġib ’il quddiem il-livell tal-għixien tal-ħaddiema msieħba u mhumiex. Għandu jkun il-Kunsill li jsostni l-prinċipju tas-solidarjetà b’inizzjattivi u b’mezzi prattiċi.
Jekk mhux hekk allura veru aħjar ma jsir xejn!
Dan għandu jkun il-proponiment tal-unions għas-sena li ġejja u r-rigal tagħhom lill-ħaddiema Maltin.
Sinċerament nawguralhom li jaslu għal dan il-għan kif nawgura lill-editur, l-istaff tiegħu u l-qarrejja kollha ta’ Illum Milied hieni u sena ġdida mimlija riżq, saħħa u paċi. |
|
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Editorijal
Il Punt
Arnold Cassola
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|