MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60

Inkellem lil binti kontinwament

30 sena mill-qtil ta’ Karin Grech, Julia Farrugia titkellem ma’ missier il-vittma

Il-qtil ta’ Karin Grech jibqa’ wieħed mill-aktar delitti li heżżu lil dan il-pajjiz.
F’delitt li seħħ fit-28 ta’ Diċembru ta’ l-1977 inħasdet il-ħajja ta’ tfajla ta’ 15-il sena. Imma magħha nħasdu wkoll tifkiriet ta’ familja li sa llum, 30 sena wara, għadha qed tistenna li ssir ġustizzja.
Illum il-Professur Edwin Grech, missier Karin, jgħodd 79 sena. Bniedem pulit, imgeżwer f’libsa xitwija, jintasab fuq siġġu biswiti.
Ir-raġel ġwejjed, edukat u qalbu tajba. Imma minn wara dik ix-xedda hemm il-weġgħa ta’ missier li tilef parti minnu. Ħamest ijiem ’il bogħod mill-anniversarju ta’ dan il-qtil makabru Edwin iferra dak li ilu jtaqqlu għal dawn l-aħħar snin.
“Għaddew 30 sena. Iddiżappuntat bil-kbir bil-faqar ta’ investigazzjoni li saret mill-awtoritajiet kompetenti.”
“Il-proċess ta’ l-investigazzjoni għal xi raġuni jew oħra kien zopp u dan nista’ nippruvah,” jiżvela r-raġel.
Edwin Grech jagħmel aktar akkużi serji.
“M’għandhix fiduċja fl-investigazzjoni li saret u li għadha ssir, jekk għadha ssir. Qed nitlob investigazzjoni ġdida bis-serjetà.”
Meta nistaqsieh dwar l-akkuża li l-investigazzjonijiet kienu zoppi r-raġel jgħidli li għandu biżżejjed provi għal dan. Kollox idur mall-mod kif saru l-interrogazzjonijiet.
Tletin sena wara, Edwin Grech iħoss li ntilef l-interes kollu f’dan id-delitt.
“Jien nistaqsi liema missier f’pożizzjoni bħal din ma jibqax sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu jissielet biex issir ġustizzja ma’ bintu?” jisħaq Edwin.
Għal ftit sekondi fil-kamra jaqa’ skiet taqtgħu b’sikkina.
Imbagħad ikompli.
“Il-ġustizzja mhux miegħi biss trid issir imma mal-Maltin kollha li sofrew minħabba dan id-delitt,” jgħid il-Professur.
Ir-raġel iserraħ ħarstu fuq il-baħħ. Imbagħad idawwar għajnejh lejn in-naħa l-oħra tal-kamra bħal donnu qed jerġa’ jagħmel rikostruzzjoni tal-każ. L-intervista nagħmluha f’San Ġwann, fl-istess belt fejn kien seħħ id-delitt.
Leħnu jinkiser u anke jekk ma juża l-ebda kliem dispreġġattiv tħoss tniffdek rabja kbira.
“Irrid li ssir ġustizzja. Konvint li xi ħadd qed iżomm il-ġustizzja milli ssir,” jinsisti r-raġel.
Ħarsa lejn l-almanakk mal-ħajt turina li għad fadal ftit jiem biss qabel nhar il-Ġimgħa. Ifakkarni li kull sena fit-28 ta’ Diċembru ħbieb tal-familja, itellgħu quddiesa f’San Ġwann f’ġieħ Karin.
“Dan għalija ġest sabiħ imma jien mhux dan irrid imma li nkun waħdi nitkellem magħha,” b’referenza diretta għal bintu.
Għajnejn ir-raġel issa jittappnu fid-dmugħ.
“Inkellimha kontinwament. Hi weġgħa kbira. Stressanti meta tgħaddi minn xi ħaġa bħal din,” ikompli l-Professur.
Nistaqsieh jekk qatt waqt li jkun mitluf fi ħsibijietu jimmaġinax lil bintu kif setgħet inhi llum.
“Kieku llum Karin għandha ftit aktar minn 44 sena. Kieku għandha żewġt itfal jew tlieta, nispera, insomma” u jitbissem.
“Tlifna dawn l-esperjenzi. Tlifna l-esperjenzi li tistudja, tilħaq xi ħaġa, tlifna l-esperjenza li titgħarras, li tiżżewweġ. Dawn huma esperjenzi li ħadd ma jista’ jroddomlna lura.”
Ir-rabja tinħass akbar fil-konfront ta’ l-awtoritajiet.
“L-awtoritajiet jaħsbu li rridu nkampaw u naċċettaw is-sitwazzjoni mingħajr ma nagħmlu xejn,”
“Kif nista’ qatt nagħmel hekk?” jistaqsini t-tabib.
“Min ma jiġġilidx għal kawża ta’ bintu mhux missier ta’ veru.”
Jien u nisimgħu kważi nħoss ir-rabja ddur ġo fija wkoll. Nispiċċa nagħmel ċrieki fil-vojt fuq in-notebook. Wara dahar Edwin nara bozoz tal-Milied inemnu ma’ l-appartament ta’ faċċata. Kos x’sinjifikat jista’ jifdallu l-Milied għal din il-familja?
“Aħna ma nistgħu qatt nidħlu u ngħixu fl-ispirtu tal-Milied. Għalina l-Milied jieqaf ma’ dawk il-mumenti ta’ meta mietet Karin.”
Xagħru abjad qotni r-raġel jistqarr li malli jibda x-xahar ta’ Diċembru fuq il-familja titla’ bħal għata mdallma.
“Meta jibda Diċembru il-familja kollha tħossha disturbata. Peress li l-kap tal-familja nħoss piż akbar jirkibni,” jispega Edwin Grech.
“L-agħar meta kont għadni ma rtirajtx mix-xogħol. Tkun trid tiffoka fuq xogħolok imma bintek tibqa’ tiġi quddiem għajnejk. Alla fortunatament tagħni x-xorti li nissepara l-problemi personali mix-xogħol. Imma huwa stress kbir u għadhom qed iħalluna ngħixu f’dan it-tip ta’ stress.”
Wieħed mill-aktar rakkonti mqanqla dwar id-delitt ta’ Karin Grech kitibhom Murad M Khan, tabib Pakistani u li din il-gazzetta qed tirriproduċi siltiet minnu. Dakinhar tal-qtil Murad kien xogħol fl-Isptar San Luqa u ra b’għajnejh il-katavru ta’ tfajla li tbiċċret mill-bomba li kienet intenzjonata għal missierha.
Edwin Grech jgħidli li għal snin twal dan it-tabib baqa’ f’kuntatt mall-familja tiegħu.
“Baqa’ jżomm il-kuntatt magħna. Kull sena kien jibgħatilna kartolina,” jistqarr Edwin.
Ħamest ijiem qabel il-Milied jien u nikteb l-istorja nintebaħ li kieku Edwin għadu maġenbi kont nistaqsieh dwar il-kelma maħfra. Għal xi raġuni dan is-suġġett ħarabli waqt l-intervista.
Immur id-dar. Imma wara li tellajt u niżżilt 100 darba għażilt li nċempillu biex nistaqsieh. Għall-ewwel pawsa ta’ ftit sekondi. Imbagħad jgħidli:
“Naħfer? Ma nistax naħfer qabel ma nkun biss naf min qatel lil binti.”
Nintebaħ li dan kollu hu proċess. Fin-natural ta’ kull uman li sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu jrid isir jaf il-verità … iż-żmien igerbeb imma l-memorji jibqgħu minsuġa f’tgħaqqida ta’ emozzjonijiet.

Intervista
Tgħid jisplodi fil-Eurovision?

Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja


Editorijal

Il-kewkba tat-tama


Il Punt
It-Trattat ta' Lisbona: Iva minn qalbi
Arnold Cassola

TONI ABELA
Rigal lil...


Emmanuel Micallef
Meta TUC Malta?


Carmelo Mifsud Bonnici

Opportunità mitlufa



X'kien Jgħid
Żmien ta' riflessjoni



Wenzu Mintoff

Ażżard

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075