Intervista| 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Ray Calleja jilqagħni f’daru flimkien maż-żewġt iklieb allegri tiegħu, Dragut u Ġiżimina, li ma jobdux meta jkun hemm il-mistednin. Fil-fatt għamilna intervista sħiħa bihom jilagħbu, jitilgħu u jinżlu f’ħoġor Ray, ixommuli ż-żarbun, jiċċekkjaw it-tieqa li tagħti għal barra ħalli jaraw min ġej u sejjer…
Nibda bl-ewwel mistoqsija: Din is-sena minbarra preżentatur fuq it-televixin dehert ukoll bħala promotur għal aktar ironija fuqna nfusna. Kif tħossok dwar dan l-irwol li tista’ tgħid poġġewh fuqek?
“Il-kummiedja u s-satira minn dejjem kienet togħġobni. Qisha arti għaliha nnifisha. Bl-ewwel edizzjoni ta’ Bomba sibt in-niche li għalija taħdem. Eventwalment in-nies meta jarawk f’xi ħaġa u jarawk tajjeb fiha, hemmhekk jaċċettawk imbagħad ipoġġuk f’dak l-irwol. Poġġewni f’dak l-irwol għax iddeċidejt jien li nagħmel affarijiet satiriċi. Inħossni tajjeb dwarha u nieħu gost biha.”
Jitkellem ukoll dwar ir-reazzjonijiet tan-nies
għall-programmi tiegħu li skond hu jinbidlu maż-żmien. Minkejja li hu konxju li jrid joqgħod attent b’ċertu ċajt għax f’Malta kulħadd jaf lil xulxin, xorta bil-Bomba li hemm għaddej bħalissa, qed jittestjaw aktar lin-nies. Fil-fatt il-kwistjoni ma’ DJ Banana għadha għaddejja.
“Nemmen li għadna naqra underdeveloped. Persuna tweġġgħu b’dak li jħalli lilu nnifsu jweġġgħu. In-nies jgħidu ħafna affarijiet. Jien dejjem ngħidha din: Qatt m’għandek tistħi minn x’jgħidu n-nies dwarek anki jekk dak li jgħidu hu veru.”
Jgħidli dwar l-aktar persuna li baqa’ impressjonat biha meta intervistaha, li kienet Brian Gault, persuna mingħajr idejn minħabba li ommu kienet tieħu l-pilloli tat-Thalidomide waqt it-tqala bih.
“Kont naf li se tkun intervista diffiċli għax dak li ma tafx dwaru jbeżżgħek. Imma tant hu persuna pożittiva, u tant għamel suċċess f’ħajtu b’dak li aħna narawh bħala żvantaġġ. Għidtlu on air li kienet waħda mill-isbaħ intervisti li kelli fi programm li żgur nibqa’ niftakar. If he had to stand out żgur li hu.
“Imbagħad kien hemm Ruslana u Helena Paparisu li kont intervistajthom qabel
il-Eurovision. Tieħu gost tara fejn waslu. Għad għandi l-boots ta’ Ruslana għax insietu fl-istudjos. Ili żmien biex nitfgħu
għall-bejgħ fuq E-Bay,” jgħidli b’daħqa. Niddiskutu l-irwol ta’ l-istazzjon nazzjonali u jekk hux jaqdi dmiru bħalissa.
“Jiddependi wieħed x’jifhem bl-irwol tiegħu. Għandna din l-impressjoni li t-televixin ta’ l-istat qiegħed hemm biex jaqdi l-politiċi jew li jeduka. We have to re-think the station. Mhemmx biss
il-kompetizzjoni mal-partiti politiċi. Hemm ħafna li ma jarawx televixin Malti.
“Illum il-ġurnata TVM qed jagħmel battalja bejn il-viabbiltà kummerċjali, l-obbligazzjonijiet bħala stazzjon nazzjonali u dak li hu popolari. Il-popolari mhux dejjem ibigħ u mhux dejjem ikun ta’ livell għoli. Minbarra li dak li mhux ta’ livell tajjeb kapaċi jbigħ ħafna.
“L-ikbar battalja hi, li jekk mhux se naħsbu fuq livell Ewropew, se nibqgħu fejn aħna. Dan ifisser li hemm bżonn ta’ aktar finanzi u udjenzi akbar.
“Jekk tara li f’pajjiż b’400,00 ruħ biss, li għandu sitt stazzjonijiet jekk tgħodd Education 22 u tat-Teleshopping, dan hu miraklu. Mhux se noqgħod nidħol fil-mertu ta’ x’inhu tajjeb jew le. Imbagħad ma tridx tara biss it-televixin imma n-numru ta’ stazzjonijiet tar-radju u l-gazzetti li dejjem ifaqqsu.”
Nistaqsih x’direzzjoni jrid jagħtu lil ħajtu.
“Xi ħaġa li tintrigani ħafna hi d-drama. Jew għax wasal l-aħħar tas-sena imma ddeċidejt fejn irrid immur fl-10 snin li ġejjin. Irrid naħdem fuq proġetti tad-drama u kummiedja. Nispera li nisfida l-limiti u dejjem intejjeb il-kwalità.
“Il-fatt li jien id-direttur tiegħi nnifsi ma jfissirx li naħdem waħdi. Hemm il-kittieb ta’ l-iscripts u qabel niffilmjaw niddiskuti. Ħafna drabi ma noqgħodx fuq dak li naħseb jien biss.
“Barra jaħdmu fuq proġett, janalizzawh u jerġgħu jiffilmjawh jekk ikun hemm bżonn. Hawnhekk is-suq ma jistax jaħdem hekk. Hawn, l-iktar l-iktar taħdem vidjo pilot u tgħaddih l-istazzjon u jiddeċiedu huma jekk hux tajjeb jew le.
“Kulħadd jiġġieled kontra l-ħin. Lanqas id-drama għax isir il-ġbid tax-xeni u jidher il-ġimgħa ta’ wara.
“L-eċċitament tal-palk nimmissjah. Imma l-idea hi li niffoka fuq it-televixin. Hemm ħafna li għad irrid nitgħallem,” żied jgħid il-preżentatur.
Indawru d-diskors fuq il-Max Plus, stazzjon privat li xandar bejn l-1998 u l-2001.
“Inħoss in-nuqqas tas-sinerġija li kellna. Kienet enerġija inkredibbli. Nimmissja d-direzzjoni lejn fejn kien sejjer li kien qed jisfida ħafna ideat. Kien post li ma kellux alleanzi, li int taf li m’intix marbut b’affarijiet politiċi. Kienet parti mill-esperjenzi li llum tagħmilni dak li jien ukoll. Xi żmien qed issemmi,” jgħidli b’nostalġija waqt li jibqa’ jħares fil-vojt donnu qed jiftakar.
Nistaqsih jekk hemmx bżonn ta’ stazzjon ieħor bħalissa li ma jkunx marbut ma’ partit politiku.
“Inħoss li hemm nuqqas però jien biased għalkemm ma naħsibx li stazzjonijiet oħra se jgħidulek hekk. Naħseb bħala kwalità u libertà fil-mod ta’ espressjoni għad hemm nuqqas.”
Naqbadlu fuq il-legumi favoriti tiegħu: il-piżelli! Kif insemmihomlu jagħmel ħoss b’ħalqu ta’ ‘Ħeh! Issemmihomlix’.
“Ma nikolhomx, ma nixtrihomx u ma rridhomx fil-platt tiegħi. Imma nista’ ngħix bihom. Meta konna tfal il-piżelli kienu jidhru ħafna. In-nannu kien ta’ dixxendenza Ingliża. Allura kien hemm ħafna ikel bihom. Probabbli kienu jisfurzawni biex nikolhom u kienu jgħiduli li mhemmx ħelu qabel ma nikolhom.
“L-iktar li ggravat meta kont adoloxxenti. Dak iż-żmien bil-ħafna taqlib ta’ ormoni kompliet tiggrava. Imbagħad irrealizzajt li rrid nikkontrolla din il-kwistjoni għax qabel kont anki naħrab jew jagħtini ħass ħażin.”
Jaqa’ d-diskors fuq il-Kanzunetta għall-Ewropa li din-is-sena se jidħol għalih b’Jo Zette.
“Jo Zette hi waħda mill-karattri ta’ Bomba. Kien hemm mal-200 kanzunetta li ħadu sehem
għall-ewwel fażi tal-festival. Waħda minnhom kienet tagħha. Id-diska jisimha Cat Walk. Issa rridu naraw u nistennew.
“Qajmet furur mal-kantanti. L-ikbar oġġezzjoni tagħhom hi għax jaħsbu li qed nirredikola l-Festival tal-Kanzunetta. Mentri jien ma kelli l-ebda ħsieb li nirredikola lil ħadd. L-aktar l-aktar nirredikola lili nnifsi. Dħalt ma’ l-awtur tad-diska għax ħsibna li kienet tajba għal Eurovision u Jo Zette daħlet biex tirbaħ,” isostni Calleja.
“Ara l-Maltin tliet affarijiet jinteressahom. L-Elezzjoni, il-Eurovision u meta xi ħadd imissilhom il-but. Il-bidu tas-sena d-dieħla se jkun laqat kollox. Se jkun hemm wisq eċitament
għall-poplu fi żmien qasir.”
Jirrakkonta dwar Jo Zette u li teħodlu erba’ sigħat irtokk kuldarba biex issir. Mid-dehra din hi l-ewwel darba li qed tintuża prostetika fuq it-televixin.
“Din kienet l-ikbar kedda għal Bomba din is-sena. Kull karattru jieħu mat-tliet sigħat irtokk bejn wieħed u ieħor. Biex għamilna l-kantanta Mina ħadna mas-sitt sigħat.”
Reġa’ dawwar id-diskors fuq il-Kanzunetta għall-Ewropa u tkellem dwar xi siti fl-internet li jirreferu għall-Eurovision bħala spettaklu tad-drags minħabba li s-sena li għaddiet ħadu sehem fih tnejn.
“Il-kunċett mhux dak. Jekk qed jaħsbu li hekk allura hemm sorpriża oħra tistenniehom li mhux se ngħid x’inhi,” jgħidli b’ħarsa mqarba li tagħti x’tifhem li f’dak il-lejl, dejjem jekk tgħaddi d-diska, wieħed għandu jistenna ‘bomba’.
Nistaqsih jekk hux superstizzjuż wara li ninnota l-vjola fil-kamra ta’ barra, li hi wkoll fejn iħobbu joqogħdu l-klieb.
“Le, assolutament xejn. Inkun miexi fit-triq nara s-slielem, qabel kont ninkwieta. Imma darba meta ddeċidejt ma ngħaddix minn taħtu spiċċajt irfist ħarja. Biex tara...” jgħidli b’daħqa u nkompli miegħu ngħidlu li dik suppost ġabitlu r-riżq.
“Jekk tibda temmen bihom l-affarijiet jibdew jiġrulek għax tibda tgħaqqad kollox magħhom. Jgħidu li l-vjola fuq il-palk iġib xorti ħażina. Min jaf kemm kelli kostumi vjola. L-unika xorti ħażina fuq il-palk hi jekk ma tkunx taf il-linji,” spiċċa jgħid l-attur tas-satira. |
|
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Editorijal
Il Punt
Arnold Cassola
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|