Il Punt | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60
It-Trattat ta’ Lisbona kien iffirmat fit-13 ta’ dan ix-xahar u diġà bdew il-proċeduri ta’ ratifika mill-parlamenti nazzjonali. Il-Parlament Ungeriż irratifikah sitt ijiem ilu u kien l-ewwel wieħed li beda l-proċess li jrid jintemm sa l-aħħar ta’ Diċembru 2008.
Is-26 pajjiż oħra ta’ l-Unjoni Ewropea se jirratifikaw it-Trattat permezz ta’ proċedura parlamentari ħlief l-Irlanda fejn il-kostituzzjoni titlob li jsir referendum.
Naturalment hi ħasra li t-Trattat mhux se jkun ratifikat b’referendum Ewropew. Infakkar li konna aħna l-Ħodor li sa mill-2004, aktar minn tliet snin ilu, konna tlabna li t-Trattat il-ġdid kellu jiġi ratifikat permezz ta’ referendum Ewropew li jinżamm fl-istess jum fil-25 pajjiż, fl-2005, jew fis-27 pajjiż illum, inkluż Malta. Naturalment ir-referendum kellu jkun validu jekk jintrebaħ b’maġġoranza doppja. Jiġifieri t-trattat kellu jidħol fis-seħħ kemm-il darba jivvutaw favuru l-maġġoranza tal-pajjiżi membri ta’ l-UE li bejniethom jirrappreżentaw maġġoranza tal-popolazzjoni totali ta’ l-UE.
Sfortunatament il-Gvernijiet Ewropej, li l-parti l-kbira minnhom huma mmexxija minn Prim Ministri Soċjalisti jew Demokristjani, ma ridux jisimgħu minna l-Ħodor. Għamlu ta’ rashom. Min irratifika t-Trattat Kostituzzjonali fil-Parlament nazzjonali bħall-Gvern Malti jew Taljan, u min isserva bit-Trattat Kostituzzjonali qisu ballun tal-futbol biex permezz ta’ referendum nazzjonali seta’ jaqbad polemika interna dwar kwistjonijiet nazzjonali li xejn ma kellhom x’jaqsmu mat-Trattat Kostituzzjonali Ewropew.
Minħabba l-egoiżmi nazzjonali spiċċajna bil-Franċiżi jgħidu ‘le’ lill-kostituzzjoni f’referendum għaliex ma kenitx kostituzzjoni soċjali biżżejjed, filwaqt li r-Renju Unit lanqas biss iddiskutiet ir-ratifika għax skond huma kien hemm wisq miżuri soċjali fil-Kostituzzjoni!
B’hekk spiċċajna rrikattati minn ftit popli (il-Franċiżi, l-Ingliżi, l-Olandiżi u l-Isvediżi) li żammu lill-maġġoranza ta’ l-Ewropej milli jimxu ’l quddiem.
Tlifna almenu erba’ snin biex issa wasalna mit-test tal-Kostituzzjoni għat-test tat-Trattat ta’ Lisbona. Kont nixtieq, flimkien ma’ Alternattiva Demokratika u mal-Partit tal-Ħodor Ewropew li tiegħu kont s-Segretarju Ġenerali għal kważi seba’ snin, li t-Trattat ta’ Lisbona jiġi ratifikat b’referendum Ewropew. Imma la din id-deċiżjoni ma ntlaqgħetx m’inix lest li llum nerġgħu niġu mblukkati mill-egoiżmi nazzjonali permezz ta’ referenda nazzjonali. Fis-sitwazzjoni tal-lum nippreferi ratifika permezz tal-parlamenti nazzjonali.
Naturalment, it-trattat għandu d-difetti tiegħu għax mhux ir-riżultat ta’ proċess ċar u demokratiku għal kollox. Kellhom jitneħħew is-simboli ta’ l-Unjoni Ewropea bħall-Innu ta’ Beethoven, l-istilel, il-motto ‘Magħqudin fid-diversità, u fuq kollox tneħħa l-irbit mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-UE għall-poplu Brittanniku u dak Pollakk.
Minkejja dan m’għandi l-ebda dubju li għandna ngħidu ‘Iva’ għal dan it-Trattat. Għaliex? Għax it-Trattat jagħti d-dritt li miljun ċittadin Ewropew jistgħu jitolbu referendum; għax il-Parlament Ewropew ingħata aktar saħħa fil-konfront tal-kapijiet tal-gvern; għax qed tiddaħħal iċ-ċittadinanza Ewropea; l-Unjoni Ewropea se titkellem aktar b’vuċi waħda dwar politika barranija, il-politika dwar il-klima u l-politika dwar l-enerġija u mhux tkompli tħalli d-deċiżjonijiet importanti kollha f’idejn l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina; għax għal dak li għandu x’jaqsam mad-difiża se jkun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib filwaqt li jkunu mħarsa l-kostituzzjonijiet nazzjonali li jitolbu li tiġi mħarsa n-newtralità.
It-trattat jagħti wkoll il-possibbiltà lill-pajjiżi li ma jridux jibqgħu aktar fl-UE li joħorġu.
Fuq kollox, għandna ngħidu ‘Iva’ għax bħala ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea se jkollna Karta tad-Drittijiet fundamentali valida legalment li sa llum m’għandniex.
Minkejja d-difetti kollha li fih, it-Trattat ta’ Lisbona jfisser qabża ’l quddiem mit-Trattat ta’ Nizza għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet taċ-ċittadin.
Jien se nkun wieħed mill-71 deputat Malti li se jkollhom l-unur u r-responsabbiltà li jirratifikaw it-Trattat ta’ Lisbona fil-Parlament: 65 se jaghmlu dan fil-Parlament Malti; ħamsa se jagħmluh fil-Parlament Ewropew u jien, l-uniku rappreżentant tal-Ħodor u ta’ l-Alternattiva Demokratika, fil-Parlament Taljan.
Dakinhar li jiena se nivvota ‘iva’ se nirrappreżenta lill-emigranti Taljani fil-fatt, imma f’qalbi nkun qed ngħid ‘iva’ anki f’isem sħabi kollha ta’ Alternattiva Demokratika u f’isem dawk il-Maltin u Għawdxin kollha li ħadmu biex pajjiżna jidħol fl-Unjoni Ewropea.
Arnold Cassola hu deputat tal-Ħodor fil-Parlament Taljan |
|
Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja
Editorijal
Il Punt
Arnold Cassola
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|