MediaToday

Editorjal | 23 ta’ Diċembru 2007 Nr 60

Il-kewkba tat-tama

Ix-xena Biblika ta’ Betlem tista’ faċilment terġa’ tinkiteb biex tirrifletti r-realtà tal-lum fejn immigranti li jbaħħru fuq ċattra bl-għan li jsibu l-kenn fil-‘ġenna’ jisimha Ewropa jilmħu d-dawl ta’ tama ġej mill-gżira Maltija.
Filwaqt li nkunu qed infaqqgħu x-xampanja, nieklu d-dundjan u nagħtu l-isbaħ rigali lit-tfal tagħna jkun tajjeb jekk nirriflettu ftit fuq ir-realtà li jgħaddu minnha nies oħra li qed jgħixu fostna taħt it-tined is-sena kollha.
Tista’ tinstema’ bħala xena simplistika u romantika ta’ fenomenu ferm iktar ikkumplikat. Imma mhix. Hi realtà skomda li żdiedet mas-sitwazzjonijiet oħra prekarji li jinsabu fihom familji Maltin.
Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li fostna, minkejja l-progress kollu li sar, għad hawn min mhux qed jgħix ħajja diċenti u fost din il-kategorija ta’ nies hemm ukoll l-immigranti.
Nifhmu li influss qawwi ta’ adulti li spiċċaw hawn mingħajr ħjiel ta’ kif jaħdem dan il-pajjiż, u mingħajr ma jistgħu jsostnu lilhom infushom finanzjarjament, jista’ joħloq problemi ekonomiċi u soċjali. Iżda l-appell ta’ din il-gazzetta hu biex dawn il-problemi ma jkunux esaġerati iktar milli fil-fatt huma. L-impenn ta’ l-awtoritajiet għandu jkun biex dawn il-problemi jissolvew fl-aħjar interess tal-pajjiż u bl-ikbar dinjità lejn il-persuni involuti.
L-immigranti li hawn fostna mhumiex is-sors tal-problemi kollha li għandu dan il-pajjiż. Huma nies bit-tlugħ u l-inżul tagħhom, bil-preġji u d-diffetti, b’ħiliet u livelli ta’ edukazzjoni differenti. Hemm minnhom li għandhom dritt ikunu hawn skond liġijiet internazzjonali u oħrajn le.
Jekk irridu nnaqqsu d-dipendenza ta’ dawn in-nies fuq l-għajnuna soċjali biex ma jkunux ta’ piż fuq l-Istat jeħtieġ li nirriformaw kif jingħataw il-permessi tax-xogħol lill-barranin. Min hu refuġjat rikonoxut diġà għandu d-dritt jaħdem. Dan id-dritt għandu jingħata wkoll b’mod awtomatiku lil min għandu status ta’ ħarsien temporanju. Għal dawk li ma ħaqqhomx ikunu hawn skond dawn iż-żewġ kriterji internazzjonali għandu jinstab mezz kif sakemm ikunu hawn Malta jistennew li jintbagħtu lura jinħarġilhom permess temporanju ta’ xogħol li jiġġedded kull ftit xhur.
Jeħtieġ ukoll li l-permessi tax-xogħol għall-barranin jinħarġu mill-Gvern lill-individwi partikolari u mhux lill-kumpaniji. Is-sitwazzjoni preżenti fejn l-applikazzjoni għall-permess tax-xogħol issir mill-kumpaniji qed twassal biex numru ta’ barranin fostna jkunu sfruttati mill-impjegaturi b’detriment għas-suq tax-xogħol kollu kemm hu. Illum barrani jibża’ jirrapporta jekk ikun sfruttat għax min iħaddmu jista’ jwaqqaflu l-permess tax-xogħol u dan jispiċċa deportat.
Jekk id-dħul ta’ l-immigranti fid-dinja tax-xogħol isir b’mod regolat u skond il-liġi allura m’għandniex ikollna problemi kbar. Apparti dan immigrant li jmantni lilu nnifsu bil-ħidma tiegħu għandu iktar dinjità u inqas ċans li jaqa’ fin-nasba tal-faqar u l-kriminalità.
Nemmnu li l-unions għandhom ħafna x’jagħmlu f’din l-għalqa. Jekk verament jixtiequ jipproteġu lill-membri tagħhom minn cheap labour domestiku l-unions jistgħu joħolqu sezzjonijiet fi ħdanhom li jħarsu d-drittijiet ta’ l-immigranti ħalli jonqos ir-riskju ta’ sfruttament.
L-integrazzjoni bil-għaqal u l-edukazzjoni għandhom ikunu ċ-ċwievet li jiftħu l-bibien tat-tolleranza fl-2008.
Is-solitudni
L-anzjani huma fost l-iktar vulnerabbli li jbatu mis-solitudni. Ngħixu f’dinja fejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni ġabuna raħal wieħed imma għal ħafna dan l-istat ta’ fatt ma jgħinx biex itaffi mill-ksieħ tas-solitudni.
Sar ħafna biex l-anzjani jkunu integrati aħjar f’soċjetà ikkaratterizzata minn ħajja mgħaġġla. Madankollu dejjem jista’ jsir iktar, speċjalment fuq livell ta’ komunità.
L-anzjani huma parti importanti mit-tessut soċjali u tkun ħasra jekk l-esperjenzi, l-istejjer u l-ħiliet tagħhom jinħlew. Is-solitudni ma tgħinx biex l-anzjani jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom.
Għalhekk hemm bżonn ta’ programmi fuq livell lokali li jipprovdu l-wens lill-anzjani anki f’mumenti diffiċli bħal-lejl meta s-solitudni taħkem bil-kbir.
Ma nistgħux insemmu l-anzjani u ma nsemmux lil dawk li b’xi mod jaħdmu magħhom. Irridu nroddu ħajr lil kulmin fuq bażi professjoni jew volontarja jindukraw l-anzjani tagħna.
Ix-xogħol tagħhom hu servizz imprezzabbli lejn l-anzjani u l-komunità kollha kemm hi.

Intervista
Tgħid jisplodi fil-Eurovision?

Franica Pulis tintervista lil Ray Calleja


Editorijal

Il-kewkba tat-tama


Il Punt
It-Trattat ta' Lisbona: Iva minn qalbi
Arnold Cassola

TONI ABELA
Rigal lil...


Emmanuel Micallef
Meta TUC Malta?


Carmelo Mifsud Bonnici

Opportunità mitlufa



X'kien Jgħid
Żmien ta' riflessjoni



Wenzu Mintoff

Ażżard

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075