MediaToday

X’kien jgħid? | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59

Rigal doppju

Jekk ma jinqala’ xejn, ngħidu aħna tisimgħu b’aħbari li Dimech inħaraq fis-sodda bl-irmied ta’ xi sigarett, din se tkun l-aħħar darba li se ngħidu erba’ kelmiet flimkien qabel il-Milied li ġej.
Jekk hemm xi ħadd li jixtieq jaħseb fija mhux bilfors fit-talb tiegħu, imma b’xi żewġ fliexken xorb mill-irqiq, u jekk jogħġbok tinsiex ukoll li jien nagħlaq snini fil-Milied u għalhekk jekk trid tista’ tagħmilhom erba’ fliexken minflok tnejn, għax iċ-ċelebrazzjoni suppost hi doppja.
Imma hawn l-unika ħaġa li hawn doppju hu d-dwejjaq u s-sħana li tifgak fis-sajf u l-kesħa li tinġazzak fix-xitwa. Hawnhekk imn’Alla tkun il-maskta u l-aniżetta li żżommok għaddej f’din il-kesħa ixxoqq l-għadam. Jekk m’hawn xejn fl-Eġittu, il-maskta hawnhekk pjuttost irħisa għax għadhom jagħmluha stil antik bil-lampik minn ġot-tubi tal-ħġieġ kif Ħaż-Żebbuġ kienu jagħmlu l-ilma żahar. Naf li dalgħodu għamiltha ta’ wiċċi tost qiesni qed nittallab għar-rigali. Imma kif jgħid il-Malti, min ma jibkix ma jerdax u hawnhekk ħlief xi żejża niexfa ta’ xi ġemla imakkra, m’hawnx wisq x’terda.
Diċembru hu x-xahar tar-rigali għal min għandu u tat-tallaba għal min m’għandux. Dari t-tallaba kienu jintassbu Putirjal b’idejhom maħruġa ’l barra inkella b’xi kopp lebsin l-iswed minn fuq s’isfel meta l-ġbir kien isir f’isem xi ospizju jew orfanatrofju. Minn kif jgħiduli llum, Putirjal tara minn kollox għax sar qiesu xi bazaar tat-Torok, imma tallaba m’għadekx tara. Mhux għax m’għadux jeżisti faqar imma għax il-karba tal-fqir u tal-vulnerabbli qed tasal għand in-nies, meta tasal, bil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.
Il-ħbieb tiegħi tax-Xirka f’Malta jgħiduli li s-Sebgħinijiet kienu tabilħaqq is-snin tad-deheb f’dik li hi ġustizzja soċjali qabel mal-patrijarkaliżmu tal-ħabib tiegħi Duminku beda jagħmel tiegħu u żvija għal ċerti estremi li jdejqu lin-nies. Ikolli ngħid, isem il-Perit Mintoff se jibqa’ mfakkar mhux l-aktar għat-tneħħija tal-monarkija u t-twaqqif tar-Repubblika jew għall-għeluq tal-bażi Ingliża, imma għall-fatt li fis-Sebgħinijiet litteralment neħħa t-tallaba minn ġot-toroq tagħna bil-firxa ta’ servizzi soċjali li kien vara. It-tallaba fis-Sebgħinijiet mhux inħbew imma sparixxew għax il-faqar ma baqax jeżisti iktar.
Ta’ xiħ li jien se nagħmel daqsxejn ta’ parentesi li nittama li ma telliflix il-fil li qbadt miegħu dalgħodu. Insellem lil ħabib tiegħi Duminku li naf x’rispett kbir kellu lejja għal kemm-il darba kien ifaħħarni fil-meetings inimitabbli tiegħu. Bejnietna ma nafx jekk kienx jagħmel l-istess li kien jaf li għadni ‘nferfer.’ Parir ta’ ħabib, ngħidlu biex jistrieħ u jserraħ, ma jibqax iħammem u jirrotja fuq Fredu Sant u sħabu. Ħasra li fl-1996 ma rrealizzax li żmienu kien għadda u li ma setax jibqa’ jagħmel ta’ bir-ruħu li kien irtirat u fl-istess ħin jibqa’ jiddetta. Naċċertah li l-istorja li għad trid tinkiteb b’mod spassjonat u nieqsa minn ħafna emozzjonijiet żejda, kollox ma’ kollox, bil-preġji u d-difetti kollha li kellu, żgur għad tiġġudikah minn għajnejn tajba, jgħidu x’jgħidu l-istoriċi tal-lum.
Imma biex niġi għal li konna qed ngħidu dwar it-tallaba u l-faqar li jisgħobbija ngħid reġa’ refa’ rasu f’Malta anki jekk illum qed jiddimostra ruħu b’modi differenti. Allaħares ma tkunx il-qalb tajba tan-nies bil-ġabriet għaddejjin il-ħin kollu biex isoddu t-toqob kbar li żviluppaw fix-xibka tal-ħarsien soċjali li ntisġet fis-Sebgħinijiet. Hi sitwazzjoni tabilħaqq tal-biki tara dak l-infiq kollu ta’ aktar minn kwart ta’ biljun lira fuq l-isptar il-ġdid, imbagħad iridu jkunu l-għaqdiet volontarji biex jiġbru għall-magni tal-kliewi jew għall-monitors għas-CCU ta’ l-isptar t’Għawdex. Il-kejl tan-Nazzjonalisti f’dik li hi ħidma tal-gvern fil-qasam soċjali, sptarijiet eċċ hu kemm qed jonfqu u jisparpaljaw mill-kaxxa ta’ Malta u mhux x’ qed jiġri fil-ħajja ta’ kuljum fejn kulma jmur qed jiżdiedu n-nies li ma jistgħux ikampaw mal-ħajja. It-toqob tas-saftey net tal-welfare state li suppost jiggarantixxi ħajja diċenti għal kulħadd kulma jmur qed jitwessgħu u iktar nies qed jgħaddu minn ġo fihom.
Imma la qed nitħaddtu fuq is-suġġett, ma nistax ma nsemmix programm partikolari li qażżiżli l-istonku fil-ftit drabi li rnexxili narah minn fuq il-kompjuter tal-Maġġur Dick. Programm imtella’ minn deputat Laburista għal ġieħna, li qed jagħmel atti tal-mistħija meta jisfrutta l-miżerja tan-nies b’dak il-mod biex attaparsi jipproġetta ruħu ta’ xi filantropu kbir. Darba minnhom ma staħax minn wiċċ Alla u ġab raġel bla saqajn bilqegħda fuq sufan biex jiġborlu xi ħaġa.
Imma dak li taf tagħti d-dinja, deputati Laburisti nofs kedda u malformati ideoliġikament?
Is-saħħa u r-risq lil kulħadd.

Intervista
Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri


Editorijal

Kollox sew


Il Punt
Id-dinja f'Idejja
Hillary Briffa

TONI u PEPPI
Il-logħob ta' l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni


Emmanuel Micallef
Bidla fil-mentalità


Carmelo Mifsud Bonnici

L-użu tar-raġuni



X'kien Jgħid
Rigal doppju



Wenzu Mintoff

Is-sema pajjiżi

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075