Wenzu Mintoff | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Waħda mill-ikbar problemi li minn dejjem kellha l-politika f’Malta hi n-nuqqas ta’ opinjoni pubblika vera u proprja u ta’ soċjeta ċivili fis-sens wiegħsa tal-kelma.
Dawn jistgħu, fejn jeżistu, jiġu influwenzati mill-partiti kemm trid, imma m’għandhom qatt ikunu indottrinati, fgati u maħnuqa minnhom. Problema bħal ħafna oħrajn li għandna ma’ wiċċna, li x’aktarx toriġina miċ-ċokon ta’ din l-art li tatna isimha.
Se nsibek tgħidli x’għandu x’jaqsam iċ-ċokon ta’ din il-gżira mad-deni tal-polarizzazzjoni u l-partiġġaniżmu żejjed li jekk tħallih jaħkmek se jġiegħlek taħseb minflok b’moħħok, b’moħħ ħaddieħor? Faċli ħafna iktar li leħen il-partiti jkopri t-territorju kollu f’pajjiż żgħir bħal tagħna, anki bil-preżenza qawwija li għandhom fil-media televiżiva u radjofonika, milli fil-każ tal-pajjiżi kbar li għandhom territorju enormi fejn qajla tista’ timmaġina li leħen il-partiti se jwassal saż-żoni remoti. Kemm hu aktar faċli tħabbat fuq kull bieb f’kull triq, trejqa jew sqaq f’Malta, milli jkollok xi kostitwenza b’inħawi tassew imwarrbin li qajla jistgħu jintlaħqu speċjalment f’xitwa tal-Mittel Europa.
Verament illum il-ġurnata l-ħakma li kellhom il-partiti fuq l-imħuħ tan-nies bdiet tmajna ġmielha. Jingħad il-ħin kollu li kulma jmur qed joktor ix-xettiċiżmu ta’ dawk li tabilħaqq ikunu ilhom is-snin jaħilfu bejn elezzjoni u oħra li mhux se jivvutaw, imbagħad fl-aħħar minuta jispiċċaw jivvutaw xorta. Forsi għandu x’jaqsam il-fatt li dakinhar ta’ l-elezzjoni jsiru ċerti telefonati ‘iħeġġuk’ biex tfittex tmur tivvota għax għandhom il-mezzi biex ikunu jafu jekk ma tmurx. Imma ngħid jien, jekk int daqshekk bully li tkun ilek is-snin tgħid li mhux se tivvota, imbagħad se titwerwer minn sempliċi telefonata bħal din?
Sewsew biex qed jimtela l-vojt li qed iħallu fl-imħuħ u l-qlub tan-nies il-partiti li għal raġunijiet varji m’għadhomx f’qagħda li joffru lis-soċjetà ħarsien sħiħ li jagħtik wens u fejn hemm bżonn iżommlok idejk sa minn meta tarbija tkun għada fil-ġuf t’ommha għal meta anzjan jew anzjana jkun wasal għalihom il-mument li jagħlqilhom iċ-ċens temporanju fuq din l-art u jibdew il-vjaġġ għas-‘sema pajjiżna’?
Espressjoni mill-isbaħ li smajtha minn fomm l-Arċipriet ta’ Ħal Balzan Dun Kalċidon Vassallo din il-ġimgħa waqt funeral. Anki jekk m’għadniex daqskemm konna qabel ikkattiżmati mill-indottrinazzjoni tal-magni tal-partiti li jagħrblu l-imħuħ, ma jfissirx li issa qed naħsbu iktar b’moħħna u lesti niġġieldu iktar għad-drittijiet tagħna permezz tal-partiti jew indipendentement minnhom. Frott imranġat ta’ dawk is-sekli twal ta’ ħakmiet imperjali u kolonjali, il-fataliżmu u r-rassenjazzjoni huma endemiċi fil-karattru Malti daqs kemm hu l-livell għoli ta’ zokkor fid-demm ta’ parti kbira minna.
Mhux ta’ b’xejn li pereżempju Malta hi l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea mingħajr għaqdiet tal-konsumaturi bil-bajd u snien li jigdmu, bir-rispett kollu lejn l-unika għaqda tal-konsumaturi li teżisti f’dan il-pajjiż li jaħdmu fiha nies rispettabbli u ġenwini.
Dan l-aħħar ġiet iżżurna l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet tal-Konsumatur u bħal donnu skopriet l-Amerka meta qaltilna li m’hawx protezzjoni xierqa għad-drittijiet tal-konsumatur. Is-soluzzjoni tagħha kienet li jintefqu balla liri minn fondi Ewropej li għalihom s’intendi tikkontribwixxi wkoll Malta, f’billboards u riklami b’komiku raġel liebes ta’ mara li minn ewl id-dinja jgħid x’jgħid se tieħdu biċ-ċajt. Tista’ taħseb kemm kienu effettivi dawn il-billboards.
Wara d-difna ta’ l-ideoloġiji totalitarji, li ħadulhom posthom filosofiji politiċi, jekk jistgħu jissejħu hekk, li jappellaw l-aktar għall-egoiżmu individwalista li jinsab fina lkoll fejn il-Gvern iċedi kemm jista’ minn postu u jagħmel il-wisa’ għall-inizjattiva privata.
Partikolarment jekk tkun dik barranija, mhux dik li tiġi hawn biex twelled il-ġdid imma dik li tiġi hawn biex taħtaf l-eżistenti, tidħol ħelu ħelu bejn il-friex għax tkun sabet is-sodda lesta u mifruxa.
Kulħadd jitkaxkar mill-eżempju tal-kbarat, tal-potenti u ta’ minn saff jew tnejn fuqu, b’moħħu mhedi kif se jdabbar rasu u kif se jdabbar lira u jiġi jaqa’ u jqum mis-soċjetà ċivili u qajla jimpurtah mill-opinjoni pubblika.
Imma jekk tbexxaq ftit tieqa żgħira għal ftit ottimiżmu u tama ġdida li suppost iġibu magħhom il-festi li ninsabu fihom matul din is-sena li waslet biex tintemm feġġ xaqq dawl żgħir permezz ta’ Astrid Vella u sħabha li ħarġu mill-għeluq tal-konfini parrokkjali ta’ belt bħalma hi Tas-Sliema u kellhom il-ħila jinsġu u jġonġu flimkien realtajiet differenti imma fl-istess ħin ħafna simili għal xulxin f’moviment ambjentali li għandu l-kapaċità li jara ’l hinn mill-ponta ta’ l-imnieħer.
Forsi għax jien ukoll naqa’ fil-forma mentis tal-karattru fatalista tipiku Malti, kontra qalbi jkolli ngħid li l-kawża ambjentali f’Malta hi waħda mitlufa, għax tista’ tintrebaħ xi battalja żgħira ’l hemm u ’l hawn anki jekk tkun xi ħaġa tal-mument, imma b’mod ġenerali l-ambjent Malti qed dejjem idoqq l-irtirata u l-‘gwerra’ hi waħda mitlufa.
It-tmiem ta’ l-ideoloġiji fid-dinja ġab ukoll miegħu nuqqas ta’ ċertezza u insigurtà kbira fis-suq tax-xogħol. Mill-estrem ta’ impjieg għall-ħajja, speċjalment jekk kien ikun fis-settur pubbliku, morna lura b’xi 50 sena għall-ġungla tal-‘hire and fire’. Ara x’soċjetà ċivili tista’ tixxettel u toktor f’kuntest bħal dan meta ħaddiem ikollu ċerta toqba f’ġismu dieħla u ħierġa bil-biża’ li minn mument għall-ieħor jista’ jitlef il-ħobża ta’ kuljum tiegħu?
Bl-iskuża tal-kompetittività u l-flessibbiltà kollox sar prekarju, definit u temporanju. Din il-biża’ u insigurtà fl-oqsma varji tax-xogħol bil-mod il-mod qed thedded l-iskop għall-eżistenza tat-trade unions f’Malta. Jekk qatt kienet teżisti s-soċjetà ċivili f’Malta, it-trade unions kienu l-ġebla tax-xewka tagħha li issa qed tidher titmermer ftit ftit.
F’dan il-pajjiż ħafna nies jibżgħu joħorġu għonqhom u jgħidu l-verità kif jarawha huma għax jiddejqu jidhru qed jiġu assoċjati ma’ xi partit jew ieħor. Hawn ħafna nies li jaħsbu b’moħħhom u forsi għalhekk ukoll jippreferu jigdmu lsienhom minflok jgħidu tagħhom. Sintendi dan ma jawgurax tajjeb għat-tħaddim tad-demokrazija f’dan il-pajjiż. Mingħajr soċjetà ċivili ħajja u opinjoni pubblika ta’ veru, id-dibattitu pubbliku f’dan il-pajjiż se jibqa’ wieħed fossilizzat u sterili, iddominat mill-partiti anki jekk dawn m’għadx għandhom il-kmand li kellhom qabel fuq l-imħuħ tan-nies.
Għalhekk jinħass ċertu vojt u l-biża’ tiegħi hi b’xhiex għad jista’ jimtela dak il-vojt! |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|