MediaToday

Toni u Peppi | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59

Il-logħob ta’ l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni

TONI

Malta hi fost dawk il-pajjiżi, jekk mhux l-ewwel waħda, li toffri siti pornografiċi tal-logħob online. Minn pajjiż li kważi 60 fil-mija tal-poplu għadu jmur il-quddies u minn pajjiż li f’dawn l-aħħar 20 sena kien ispirat ideoloġikament minn prinċipji Kristjani, ma tantx tistennieha. Iżda din hi l-verità ta’ ħafna minn dawk il-pajjiżi tal-Knisja Kattolika: jippridkaw ħaġa iżda fir-realtà jagħmlu oħra.
Pajjiż fejn mingħajr waqfien il-ħin kollu nippridkaw fuq il-valuri tal-familja, iżda kontinwament ninċentivaw prattiċi u stil ta’ ħajja li jnaqqsu dan il-valur. Gvern li jħeġġeġ lin-nies biex jixtru u jonfqu anke fejn mhemmx bżonn. Banek li l-ħin kollu jaraw x’jivvintaw biex jonsbu liż-żgħażagħ b’aktar djun. Ekonomisti li jkejlu l-ħajja minn angolu aktar kwantittativ milli kwalitattiv billi s-suċċess tat-tkabbir tal-ġid jitqies mhux fuq il-kwalità ta’ ħajja li ngħixu iżda fuq il-livell ta’ għixien.
Ma’ din is-sensiela ta’ susa soċjali li qiegħda teqred il-familji issa żdied il-logħob l-ażżard kulfejn tħares. Logħob li għandu l-barka tal-Gvern. Iżda rrid ngħid, li l-Malti u ħafna popli tal-Mediterran, huma b’mod partikulari marbuta mal-logħob. Il-logħba tal-lottu u tal-lotterija nazzjonali marbutin mal-qari tax-xorti huma kultura profonda fost dawn il-popli. Awturi kbar bħal Luigi Pirandello u Giovanni Verga bnew rumanzi sħaħ fuq dan il-vizzju.
Lanqas ma nara xejn ħażin li jkun hemm logħob organizzat mill-awtoritajiet jew li jsiru taħt l-awtorità tagħhom mill-privat. B’hekk biss tista’ teqred l-abbuż tal-logħob klandestini li marbuta miegħu hemm il-misħuta użura. Tajjeb li għandna liġijiet li jikkastigaw b’mod sever lil min jorganizza ta’ l-ażżard klandestin u jistgħu jeħlu ma’ Lm1,000 u sentejn ħabs. Iżda dan ifisser li dak li qiegħed isir b’mod legali llum hu aċċettabbli? It-tweġiba hi kif jgħidu l-Ingliżi, ‘a resounding no!’
Bħalma jaf jagħmel dan il-Gvern, bl-iskuża li l-privatizzazzjoni ġġib magħha aktar kompetittività u effiċjenza, ftit tas-snin ilu biegħ id-Dipartiment tal-Lottu. Dipartiment li għalkemm ma kienx immaġinattiv daqs dawk ta’ llum kien qiegħed jagħmel xogħlu u anki jagħmel qligħ sostanzjali. Sakemm inbiegħ lil xi interessi Griegi ma’ dawk Maltin. M’għandniex xi ngħidu dejjem l-istess nofs tużżana nies.
Jekk irridu nitkellmu dwar il-kompetittività din ma teżistix. Dan għaliex il-Maltacom għandha monopolju mingħajr ħadd ma jista’ jikkompetilha fis-suq. Jekk niġu għall-effiċenza, nistgħu ngħidu li din żdiedet. Mhux biss żdiedet iżda bil-miġja ta’ interessi barranin faqqsu kull xorta ta’ logħob ta’ l-ażżard li qabel ma konniex nimmaġinawh.
Tkun qiegħed tieħu tè jew tiekol, tilmaħ il-logħba tal-Keno kontinwament tinbxek biex tilgħab. Dan apparti li issa daħħalna l-logħob tal-futbol u taż-żwiemel. Dan minbarra l-logħba tas-Super 5, speċjalment meta tleħħaq xi somma astronomika, litteralment tinfurja lil kulħadd għal-logħob bl-aktar li jmur ħażin iż-żgħir għax li jonfoq irid inaqqsu minn li jaqla’.
Kienet ħaġa ħażina li tneħħiet għax iffavoriet lill-organizzatur biss. Nemmen ukoll dak li qalet il-GRTU li aktar ma hi s-somma anqas hemm iċ-ċans li n-nies jonfqu f’dawn iż-żminijiet. Li jnaqqas mhux lis-sinjur imma dawk li jaqilgħuha u jikluha.
Fost din il-geġwiġija ta’ logħob minbarra l-casinos, li llum għandna tlieta, issa għandna l-ħwienet tal-‘fair play’. Apparti li ma nafx kemm il-logħob hu fair, dawn nibtu kullimkien. Il-ħwienet ta’ qabel li kienu joffru aktar servizz nadif, bħal dak ta’ l-ikel, issa nbiddlu fi swali tal-logħob. Iżda l-agħar li nfetħu fi nħawi sensittivi.
Ir-Rabat infetaħ wieħed bieb u għatba mal-knisja u fejn kien hemm ċentru soċjali. Proprju qalb it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Marsa, jekk iċċarrat fil-ħajt ta’ wieħed minn dawn il-ħwienet, issib ruħek għand tal-Mużew. Proprju f’sitwazzjonijiet bħal dawn tintebaħ kemm l-awtoritajiet huma għomja jew insensittivi. Ma nistax nifhem kif l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, li tant tilgħabha tal-qaddisa fejn trid, ma rat xejn minn dak li qegħdin naraw aħna meta ħarġet il-permess biex joperaw dawn il-ħwienet.
Imbagħad hemm l-Awtorità tal-Logħob li suppost anki hi r-regolatur f’dan il-qasam. Tajba biex taqbad ma’ xi reklamar innoċenti fuq xi gazzetta meta hemm ġungla fejn min hu l-aktar b’saħħtu jgħaffeġ fuq min hu l-aktar dgħajjef. Bħal ħafna regolaturi oħrajn f’pajjiżna biex forsi din l-Awtorità toqmos trid tniggiżha bi splengun. Jekk mhux ukoll ma tgħidx li hi m’għandhiex poteri biex min jheddidha tieħu passi. Jekk m’għandhiex din is-setgħa, x’regolatur hi l-Awtorità tal-Logħob?
Imħatra li ngħidu x’ngħidu, kollox għalxejn?

PEPPI

Meta kont żgħir niftakarni ta’ kull ġimgħa mmur nixtri l-lottu lil missieri. Kien jipprepara n-numri fuq biċċa kartuna u jgerbibha fi ftit muniti, lesti biex is-Sibt filgħodu niktbuha. Darba kważi waqfitli qalbi. Kienu telgħu xi numri u missieri ma setax issib il-biljetti li suppost ktibt jiena. Kont għaxxaqtha dakinhar.
Minkejja li kont immur nikteb in-numri tal-lottu, minkejja li kelli kull raġuni biex nibda nilgħab jien ukoll, jien QATT ma lgħabt lottu jew Super5 jew prima. Qatt. Dan ma jfissirx li min jitrabba fil-logħob ma jkunx qed jipperikola li jinqabad fix-xibka. Iżda ejja ma nkunux dramatiċi u nifhmu li l-logħob hu sintomu ta’ marda ikbar. Il-logħob jaħkem l-aktar lil dawk li għandhom ċerta personalità. Li jiffissaw fil-logħob bħalma jistgħu jiffissaw fix-xorb jew fid-drogi. Jibdew biex jieħdu gost jilagħbu u jispiċċaw ma jistgħux jiefqu jilagħbu. Karattri bla brejkijiet.
Vince Farrugia tal-GRTU jogħġobni. Ekonomista li jagħmel diversi proposti bis-sens. Tkun taf fejn inti miegħu anke jekk ma taqbilx. F’din tas-Super 5 għamilha ċara li hu kontra li tibqa’ tiela’ għax in-nies jagħżlu li jixtru il-biljetti flok jixtru mill-ħwienet li jirrappreżenta. F’soċjetà bħal tagħna dan hu argument li ma nifhimx.
Għax allura issa nistgħu nibdew ngħidu li dak it-tali ħanut ma għandux jiftaħ għax se jnaqqas il-bejgħ minn ħanut lill-ieħor. Dik hi l-kompetizzjoni. Illum nixtri biljett tas-Super 5 u għada nixtri ċurkett lill-mara. Illum nilgħabhom lottu u għada nixtri t-shirt Lm30. Illum nixtri libsa Lm200 u s-sena d-dieħla nonfoqhom cards tal-mobile biex noqgħod nibgħat l-sms lill-qraba u lill-ħbieb. Illum nagħżel li noħroġ lill-familja tiekol u tiswieni Lm75 u x-xahar id-dieħel insiefer u niekol take-away.
Mhux kulħadd jagħżel xi jfettillu? Allura għala dan l-għaġeb kollu għax in-nies qed tieqaf tixtri biex tilgħab is-Super 5?
Forsi hemm l-argument morali li għalija ma jreġix. Għax jien naraha ħela li tixtri biljett tas-Super 5 daqskemm nara ħela li tixtri jeans ta’ Lm90. Naraha bi kbira li nonfoq Lm50 f’biljetti tal-lottu daqskemm naraha bla sens li ma’ l-ikla tordna flixkun inbid ta’ Lm60. U allura jekk se noqogħdu nimmoralizaw ejja nitkellmu fuq kollox.
Nibda minni u ngħid l-affarijiet li xtrajt is-sena l-oħra li ma kellix bżonn. Nibda inniżżel l-affarijiet li xtrajt lil ibni biex taparsi npattilu ta’ kemm nagħmel sigħat naħdem biex naqla’ l-flus li nonfoq biex ngħidlu sorry li ma kontx biżżejjed miegħu.
Is-Super 5 u l-jeans u l-gadget elettronika li taparsi jien għandi bżonn għalija jgħidu l-istess ħaġa dwarna. Li aħna dejjem irridu, li qatt m’aħna kuntenti u ma niqfux sakemm niksbu dak li naħsbu li se jġibilna l-ferħ li naħsbu li qiegħed għand ħaddieħor li xtara il-jeans jew rebaħ is-Super 5.
Li ma nistax nifhem hu kif jgħiduli li meta is-Super 5 togħla jibda jonqos il-bejgħ tal-perżut u tal-ħalib. Din ma nifhimiex. Ma nistax nimmaġinani nibgħat lit-tifel l-iskola u ngħidlu ‘Ibni, illum il-ħobż bil-butir biss għax flok perżut xtrajt biljett tas-Super 5. Tgergirx ibni għax jekk ma titlax din il-ġimgħa. Il-ġimgħa d-dieħla lanqas butir ma nagħmillek fuq il-ħobż’.
Jew inkella tiġi t-tifla mill-iskola u titlobni tazza ħalib. ‘Ara binti, illum ħalib m’għadniex għax il-flus tal-ħalib xtrajthom fis-Super 5 u jekk nirbħu anke razzett bil-mogħoż nixtru!’
Assurda imma mid-dehra din tiġri. Din turi nuqqas ta’ prioritajiet minn naħa tal-familji tagħna. Iżda dan sintomu u jkolli ngħid li t-tfal ikunu mingħajr perżut biex ommhom xtrat l-aħħar siġra tal-Milied iddoqq u ddur, il-missier żanżan l-aħħar tyers speċjali tal-karozza u t-tfal m’għandhiex il-ħalib għalihom iżda għandha l-mobile biex tibgħat l-sms lit-tifla li toqgħod ħdejha u li qabel il-mobile kienet tkellimha mill-bitħa. Naf familja partikulari li tkissret għax l-omm kienet tmur it-tombla u l-coffee mornings tilgħab kważi l-paga kollha tal-familja. Naf min anke lagħab d-dar tiegħu u ma jilgħabx ċenteżmu fuq is-Super 5.
Naf min daħal fid-dejn biex lagħab u tilef u ssellef bl-użura u biex ħallas reġa’ ttanta jilgħab forsi jirbaħ u jħallas u spiċċa biex reġa’ ssellef għax tilef. U farrak familja. Dan ir-raġel spiċċa jgħix mhedded u rrakkuntali kif darba f’garaxx għamlu pistola ma’ rasu biex kellu jħallas pagament li kien tilef il-casino ftit sigħat qabel.
Il-problema tal-logħob mhux kemm togħla s-Super 5. Hi fonda ħafna aktar minn hekk. Hi l-għodda li aktarx ma ningħatawx biżżejjed fl-iskejjel fil-ġirja li l-aqwa ngħaddu għal Junior Lyceum, li l-aqwa li nġibu ċ-ċertifikati kollha possibbli mingħajr ebda għodda għal ħajja. Minn hemm jibda jberraq. U mela s-Super 5 jew?
Tella’ lotterija b’Bambin bjond. F’nofs ta’ nhar tbigħ il-biljetti kollha. Għamel Bambin iswed. Niddubita min jirbħu jiġix għalih.

Intervista
Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri


Editorijal

Kollox sew


Il Punt
Id-dinja f'Idejja
Hillary Briffa

TONI u PEPPI
Il-logħob ta' l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni


Emmanuel Micallef
Bidla fil-mentalità


Carmelo Mifsud Bonnici

L-użu tar-raġuni



X'kien Jgħid
Rigal doppju



Wenzu Mintoff

Is-sema pajjiżi

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075