Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Jekk tħobb il-qatra issa hu possibbli tixtri inbejjed Maltin ta’ kwalità b’ċertifikazzjoni uffiċjali magħrufa bħala DOK (Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata).
Mill-bieraħ, 17-il tip ta’ inbid Malti minn ħames produtturi differenti ngħataw
iċ-ċertifikat DOK biex saru l-ewwel inbejjed Maltin li jġorru dan it-timbru prestiġġuż.
Il-ħames produtturi ta’ l-inbid huma Meridiana, Delicata, Marsovin, Camilleri Wines u Monte Kristo.
Iċ-ċertifikazzjoni ngħatat mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali George Pullicino waqt attività fil-Barrakka ta’ Fuq.
Skond il-Ministru ċ-ċertifikazzjoni DOK “għandha bażi fil-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk il-konsumatur għandu rasu mistrieħa li qed jixrob inbid tajjeb skond l-aqwa sistemi ta’ certifikazzjoni fid-dinja.”
Peress li Malta għandha vantaġġ fuq pajjiżi oħra għax m’hemmx ħtiega li wieħed iżid
iz-zokkor biex jilħaq il-livell meħtieg Pullicino sostna li dan il-pass “se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala produttur ta’ inbid ta’ kwalità għolja fl-Ewropa.”
L-inbejjed Maltin kienu analizzati fl-Enoteca di Siena fl-Italja. Din l-Enoteca ilha mwaqqfa sa mill-1933 bl-iskop li twassal il-prodotti ta’ pajjiżha lejn livelli ta’ kwalità dejjem ogħla. Malta se jkollha żewġ forom ta’ ċertifikazzjoni, dik tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata (DOK) u dik ta’ Indikazzjoni Ġeografika Tipika (IGT).
Inbid klassifikat bħala DOK ifisser li l-għeneb li minnu jkun magħmul hu mkabbar kollu f’reġjun wieħed. Fil-każ ta’ Malta hawn żewġ reġjuni: Malta u Għawdex. Jekk min-naħa l-oħra produttur iħallat għeneb li jkun ġej miż-żewġ reġjuni tkun tapplika l-klassifikazzjoni IGT.
Kien hemm żewġ inbejjed li ma ħadux iċ-ċertifikat għax intqal li l-kampjuni li ttieħdu nkisru fit-traġitt u b’hekk ma setgħetx issir l-analiżi kif suppost. Dawn il-kampjuni għandhom jerġgħu jintbagħtu l-Italja f’Jannar u mistenni li jinħareġ iċ-ċertifikat b’mod normali.
Ilbieraħ tnieda wkoll is-sit
www.maltaqualitywines.com fejn wieħed jista’ jkollu aċċess għall-informazzjoni utli dwar l-inbejjed ewlenin Maltin. |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|