Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
JULIA FARRUGIA tagħti ħarsa lejn il-kartelluni mal-faċċati tal-każini ewlenin taż-żewġ partiti l-kbar u fatti interessanti li jsawru din l-għodda politika antika
Anke jekk int wieħed minn dawk li tagħżel li tagħlaq għajnejk għall-propoganda politika tal-partiti politiċi fuq it-televiżjoni jew radju, trid u ma tridx fit-toroq ikollok tħabbat wiċċek mal-‘gwerra’ tal-kartelluni.
Forsi min daħal ftit sew fiż-żmien jiftakar il-vera gwerra tal-kartelluni tas-Snin Sittin imma din tal-2007 hi gwerra differenti.
In-Nazzjonalisti jsejħulhom ‘uffiċini’ filwaqt li tal-Labour dan l-aħħar laqqmuhom ‘ċentri’. Iżda għal ħafna jibqgħu dak li dejjem kienu: il-każini tar-raħal.
F’Malta u f’Għawdex hawn b’kollox 114-il każin ta’ din
ix-xorta. Ftit aktar minn nofs, 61 huma proprjetà tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li t-53 l-oħra huma tal-Partit Laburista. Minn dawn f’Għawdex hemm 16-il każin, 10 tal-Partit Nazzjonalista u l-kumplament tal-Partit Laburista.
Huwa veru li fl-aħħar xhur il-partiti komplew jirfinaw. Mhux biss qed iwasslu l-messaggi politiċi bir-radju u t-televiżjoni tagħhom iżda wkoll b’mezzi moderni ta’ informatika, bl-aktar riċenti jkunu l-famużi facebook u Hi5 fuq l-internet.
Iżda dan ma jnaqqas xejn mis-saħħa li għad għandhom il-każini. Stramba kemm hi stramba l-każini għad għandhom rwol importanti fil-kampanji politiċi. Il-bini b’mod regolari jilqa’ s-soliti ‘priedki’ politiċi ta’ nhar ta’ Ħadd. Imma aqwa minn hekk il-partiti għadhom s’issa jagħrfu jisfruttaw sa l-inqas qatra l-ġebla Maltija. Il-faċċati tal-każini għadhom iservu ta’ pjattaforma għall-gwerra
tal-messaġġi.
Jekk tkun l-Imsida u tmissek ix-xorti li teħel għal xi ħames minuti f’serbut rieqed ta’ karozzi l-probabbiltà hi li għajnejk jistrieħu fuq dik li mill-bogħod tista’ tidher traffic light enormi.
Il-każin tal-Labour ta’ l-Imsida hu forsi l-battaljun tal-gwerra tal-kartelluni. Il-faċċata hi litteralment miksija f’banners enormi differenti.
Anke jekk filgħodu tkun għadek impeċpeċ diffiċli ma tarax il-mixegħla ta’ kartelluni. Fosthom ifeġġ xi ħaġa hekk: “Bl-għoli tal-ħajja kuljum qed inaddfulek il-but”.
Imbagħad kartellun ieħor jiżra’ doża differenti: “Il-Partit Laburista biss jiggarantixxi tolleranza zero għall-korruzzjoni”. U bħal faqqiegħ il-kartelluni dejjem jiżdiedu u magħhom jingħaqdu l-aktar slogans riċenti li jkun qed jimbotta l-MLP.
L-għażla minn żmien għal żmien taf tkun ikkulurita anke b’messaġġi li jnisslulek tbissima.
Dan l-aħħar mal-każin tal-Labour tal-Floriana twaħħal kartellun li jistaqsik “Meta se jorħsu l-mediċini?”
Il-missjoni tal-kartelluni hi dejjem li jilħqu udjenzi differenti u żgur li fost il-‘vittmi’ f’dan il-każ hemm dawk li jieqfu hemm biex jistennew xi xarabank u l-eluf ta’ karozzi li ta’ kuljum jgħaddu minn Triq Sant’Anna.
Ma’ l-aqwa tlieta fil-klassifika hemm ukoll il-każin tal-Labour tal-Belt. Anke jekk probabbilment trid tilwi għonqok għax il-kartelluni qiegħdin wisq fil-għoli, fil-faċċata tal-każin mhemmx fejn toqgħod xagħra. Fost l-oħrajn il-kumitat ta’ dan iċ-‘ċentru’ għażel li jagħmel ġabra qasira ta’ l-aktar wegħdi li jolqtu lill-popolin. Taħt it-titlu ‘Partit Laburista Pjan Għal Bidu Ġdid’, il-kartellun jinfurmak li l-MLP fil-Gvern se jnaqqas is-surcharge bin-nofs, se jagħtik il-festi pubbliċi lura, se jagħti għajnuna għal min se jixtri l-ewwel dar tiegħu u se jneħħilek it-taxxa minn fuq is-sahra.
Iżda l-gwerra tal-kartelluni ta’ l-2007 għandha fattur interessanti. Filwaqt li tal-Labour għadhom qed jużaw din l-għodda bl-aktar mod wiesa’ tagħha, tal-Partit Nazzjonalista għażlu li jxiddu libsa komuni għall-każini kollha tagħhom.
Il-maġġoranza ta’ l-‘uffiċini’ tal-PN għandhom kartellun komuni, bħalissa dak li jfakkrek li lbieraħ fid-Dar Ċentrali kien hemm il-ġbir ta’ fondi. F’numru mdaqqas ta’ każini tal-PN għandhom faċċata mneżżgħa mill-gwerra tal-kartelluni u jispikkaw biss tliet ibnadar: dik tal-Partit Nazzjonalita, dik ta’ Malta u dik ta’ l-Unjoni Ewropea.
Skond l-MLP “fl-aħħar snin il-popolarità tal-kartelluni mal-faċċati taċ-ċentri naqset ħafna u minflok, skond iċ-ċirkustanzi, il-Partit qed jipprovdi sett ta’ billboards żgħar li jkunu l-istess għaċ-ċentri kollha.” Ħarsa lejn il-faċċati tagħtik impressjoni ferm differenti.
Jidher biċ-ċar ukoll li anke jekk forsi internament l-affarijiet huma differenti, iż-żewġ partiti jħaddnu proċeduri differenti.
Jason Micallef, Segretarju Ġenerali tal-MLP ikkonferma ma’ Illum li “mhemmx proċedura fissa, imma hi konswetudni ġenerali li ċ-ċentri jinfurmaw lill-Partit bil-kartelluni u l-kontenut. Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm eċċezzjonijiet fejn il-Partit ma jkunx infurmat qabel jitwaħħal il-kartellun.”
Tal-PN jidher li għandhom id aktar laxka. Joe Saliba, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, ikkonferma li “L-uffiċċji m’għandhomx għalfejn jitolbu permess dwar il-kliem li se jużaw fil-kartelluni ta’ mal-faċċati.”
Iż-żewg partiti jaqblu fuq waħda: fuq min jiffinanzja dawn il-kartelluni.
“Kull ħaġa li ssir mill-Kumitati issir mill-fondi tal-Kumitati Sezzjonali,” wieġeb il-PN, filwaqt li l-MLP qal li “hi r-responsabbiltà finanzjarja tal-kumitati taċ-ċentri rispettivi.”
Minn teżi li ppreżentat Sue Falzon, studenta li ggradwat b’Baċellerat fl-Arti fil-Youth and Community Studies, joħorġu fatturi interessanti dwar il-każini politiċi f’pajjiżna.
Aktar minn nofs iż-żgħażagħ intervistati f’dan l-istudju jgħidu li l-politika mhix importanti f’ħajjithom imma jmorru biss il-każin biex jiltaqgħu mal-ħbieb. Iżda b’kuntrast ma’ żgħażagħ f’ħafna pajjiżi Ewropej, kważi kollha qalu li se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss. Dawk kollha li qalu li l-politika ma tinteressahomx xorta ammettew li bidla fil-Gvern b’xi mod jew ieħor se taffettwalhom ħajjithom.
Ir-riżultat ta’ l-istudju juri li l-każini politiċi mhux qed iwasslu għal xi bidla kbira fil-formazzjoni politika taż-żgħażagħ. Uħud minn dawn iż-żgħażagħ qed jinġibdu lejn il-każini minħabba l-kompetizzjonijiet ta’ l-isnooker jew tal-karti (rami). Fil-każini tal-PN ta’ Ħal Lija u l-Mosta ż-żgħażagħ jinġabru biex jisimgħu l-mużika. Ħafna miż-żgħażagħ ma jmorrux hemm biex jiddiskutu l-politika imma xorta waħda l-każin jibqa’ lok għal diskussjoni informali politika speċjalment waqt li jkunu qed jaraw it-televiżjoni.
Numru ta’ żgħażagħ intervistati għall-istudju sostnew li kienu l-ġenituri tagħhom li laqqgħuhom mal-ħajja tal-każin.
Wieħed minn dawn iż-żgħażagħ sa qal li beda jmur il-każin tal-partit ma’ missieru biex jilgħab il-biljards.
L-istudju jiffoka wkoll fuq suġġetti aktar jaħarqu fosthom pjaċiri li jistgħu jintalbu mill-każini.
Iż-żgħażagħ kollha intervistati sostnew li jinnutaw kandidati, Membri Parlamentari u uffiċjali tal-Partit fl-istess każin. Wieħed biss talab pjaċir. L-istudju jikkonkludi li l-każini għadhom pjattaforma biex in-nies fil-politika jiltaqgħu mal-kostitwenti.
Mil-lenti tal-ġurnalist veteran Anton Cassar fl-età ta’ 84 sena “Fil-kwistjoni politika reliġjuża ż-żewġ naħat, kienu jużaw il-kartelluni. Mill-1959 sal-kumplament tas-Snin Sittin fil-ġlieda tal-Knisja kontra l-Partit Laburista dan il-fenomenu kompla jikkarga.
F’Raħal Ġdid kien hemm dik li sa llum għadha magħrufa bħala “il-battalja tal-kartelluni.”
Fost l-oħrajn mill-gallerija tal-każin tal-MLP kienu jdendlu kartelluni b’attakki kontra l-Knisja. U l-Azzjoni Kattolika fl-istess triq kienet twieġeb lura u tagħmel l-istess.
Imbagħad fis-snin aktar riċenti, meta fis-Snin Tmenin inqatel Raymond Caruana, in-Nazzjonalisti kienu ċappsu Triq Sant’ Anna kollha b’kartelluni b’ritratti tad-delitt.” |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|