MediaToday

Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59

L-Ombudsman iwieġbu imma l-Gvern iħallieh fil-għama

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Bejjiegħ tal-monti b’gabbana permanenti għadu sa llum mingħajr tweġiba mill-Awtoritajiet dwar każ li fetaħ quddiem l-Ombudsman u li dwaru l-istess Ombudman ħareġ il-konklużjonijiet tiegħu.
L-ilment hu dwar diżgwid u allegat ksur ta’ regolamenti fl-armar ta’ bejjiegħ ieħor fil-monti ta’ Marsaxlokk. Ritratti ippreżentati lill-awtoritajiet juru li t-tieni bejjiegħ kien qed jarma l-vann eżatt mal-counter tal-vann/gabbana tal-persuna nġurjata. B’dan il-mod kien qed jimblokka l-aċċess għall-bejjiegħa prospettivi.
Fl-2005 il-bejjiegħ milqut minn din l-azzjoni beda jagħmel l-ilmenti tiegħu ma’ l-awtoritajiet. Il-każ spiċċa wkoll fil-Parlament b’numru ta’ mistoqsijiet li saru iżda baqgħet ma ngħata l-ebda soluzzjoni.
Il-bejjiegħ tal-monti milqut b’dan il-każ dejjem argumenta li l-liġi kif stipulata f’Avviż Legali 102 tal-2002 tgħid li bejjiegħ ta’ tip fixed point hawker għandu jarma l-karozza b’tali mod li jkun hemm “distanza ta’ 75 metru ’l bogħod minn xulxin”.
Fis-17 ta’ Jannar 2006, l-Ombudsman kiteb liċ-ċittadin allegatament inġurjat u qallu li “Id-Direttur (Trade Services) infurmah li sar intervent mis-Segretarju Parlamentari għas-Self Employed bil-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli u ġusta.”
L-Ombudsman sostna wkoll li “li l-istess Direttur qed jistenna risposta dwar l-eżitu ta’ dan l-intervent.”
L-Ombudsman informa lill-bejjiegħ tal-monti li f’dak il-punt ma kienx hemm lok għal aktar interventi mill-uffiċċju tiegħu.
Iżda minkejja li għaddew sentejn minn din id-dikjarazzjoni sa llum l-awtoritajiet responsabbli ħallew lil dan iċ-ċittadin fil-għama.
Illum talbet ir-reazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u staqsejnieh fejn wasal l-intervent li ntqal li kien għamel Vassallo innifsu.
Iżda mit-tweġiba li ngħatajna ħareġ ċar li l-Ministeru ħawwad każ ma’ ieħor.
Skond Edwin Vassallo hu tkellem maż-żewġ naħat involuti, kif ukoll mal-Kunsill ta’ Marsaxlokk, iżda kien hemm kawża l-Qorti għax iż-żewġ partijiet kienu nvoluti f’xi inċident u sakemm jiftakar is-Segretarju Parlamentari, miż-żewġ naħat ħadd ma reġa’ ġie lura jitlob xi rimedju jew għal xi soluzzjoni oħra.
Din id-dikjarazzjoni turi li s-Segratarjat kien qed iħawwad. Fil-fatt dan il-każ qatt ma kien quddiem il-Qorti u qatt ma kien hemm xi inċident kif semma Edwin Vassallo.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta l-bejjiegħ li ressaq il-każ quddiem l-Ombudsman ċaħad li Edwin Vassallo qatt kellmu. Ir-raġel ċaħad ukoll li l-każ tiegħu xi darba spiċċa l-Qorti.
Din il-gazzetta marret lura għand is-Segretarju Parlamentari. Ġimagħtejn ilu Vassallo sostna li wara li hu sar jaf b’dan il-każ wara li kellimnieh aħna u se jkun qed iħares fid-dettalji li joħorġu mill-każ.
Sadanittant fit-30 ta’ Novembru li għadda s-Segretarjat ta’ Edwin Vassallo sostna li “ir-regolamenti ġew emendati b’Avviż Legali 1 tal-2006 u d-distanza tnaqqset għal distanza ta’ 50 metru. Din ma tapplikax għal market hawkers għax swieq fil-miftuħ huma ristretti fl-ispazju u l-gabbani ħafna drabi jbigħu l-istess tip ta’ affarijiet.”
Sakemm dħalna għall-istampa l-bejjiegħ tal-monti milqut bil-każ għadu ma ġiex ikkuntattjat mill-Awtoritajiet.

Intervista
Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri


Editorijal

Kollox sew


Il Punt
Id-dinja f'Idejja
Hillary Briffa

TONI u PEPPI
Il-logħob ta' l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni


Emmanuel Micallef
Bidla fil-mentalità


Carmelo Mifsud Bonnici

L-użu tar-raġuni



X'kien Jgħid
Rigal doppju



Wenzu Mintoff

Is-sema pajjiżi

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075