Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Xogħol ta’ tiswija fuq barkun li mbagħad ingħata għall-iskrapp Kurt Sansone
ksansone@meditoday.com.mt
Xogħol ta’ tiswija li sar mill-ħaddiema tat-Tarzna matul is-sajf fuq barkun proprjetà tal-Malta Shipyards kien kollu għalxejn għax il-barkun beda jitqatta’ biċċa biċċa ftit ilu wara li ngħata għall-iskrapp.
Ħaddiema tat-Tarzna li tkellmu ma’ din il-gazzetta ma setgħux jifhmu kif ftit tal-ġimgħat ilu kuntrattur privat beda jqatta’ l-barkun għall-ħadid wara x-xogħol ta’ rinovar li sar fuqu matul is-sajf.
Il-barkun, sorġut fil-baċir numru sebgħa, hu proprjetà tat-Tarzna u skond il-maniġment tal-kumpanija ngħata għall-iskrapp għax “mhux vijabbli li ssir tiswija fuqu biex jilħaq standard tajjeb ta’ sigurtà biex jintuża għall-ħidma normali.”
Kelliem għall-Malta Shipyards Ltd (MSL) qal li “l-barkun kien qed jokkupa spazju importanti għal iktar minn sena u li jista’ jintuża biex isir xogħol ieħor, inkluż it-tiswija neċessarja lill-bieb tal-baċir numru erbgħa.”
Il-kelliem sostna li meta beda x-xogħol ta’ tiswija fuq il-barkun li kien għereq minħabba toqba li żviluppat ġew identifikati problemi oħra.
“Il-Maniġment tal-Produzzjoni wasal għall-konklużjoni li t-Tarzna għandha biżżejjed braken għall-użu intern tagħha u ma setgħux jiġġustifikaw iż-żieda fl-ispejjeż tat-tiswija. Ittieħdet id-deċiżjoni li ma kienx ekonomikament vijabbli li jissewwa l-barkun u għalhekk ingħata għall-iskrapp,” qal il-kelliem tal-MSL.
Minflok it-Tarzna se tikkonċentra l-ħidma tagħha fuq kuntratti li diġà għandha f’idejha u xogħol ieħor ta’ azzar għall-vapuri bħall-Axel Spirit li diġà wasal Malta.
Intant it-tarzna ma weġbitx għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta kemm sewa x-xogħol kollu ta’ rinovar li sar fuq il-barkun matul is-sajf li għadda. |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|