Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Kurt Sansone
ksansone@meditoday.com.mt
L-għafsa li qed tinħass mill-familji kulmeta jmorru jixtru mhix mistħajla imma realtà ikkonfermata mill-aħħar ċifri ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika li juru kif f’Novembru li għadda l-ħajja għoliet b’iktar minn tlieta fil-mija meta mqabbel ma’ sena ilu.
Iżda l-iktar ħaġa inkwetanti hi li l-għoli tal-prezzijiet din id-darba mhux ġej minħabba s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, imma minn żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel, ix-xorb, il-ħwejjeġ u l-kirjiet.
L-indiċi ta’ l-ikel żdied b’7.5 fil-mija f’Novembru meta mqabbel ma’ sena ilu filwaqt li l-indiċi tax-xorb u t-tabakk żdied b’3.3 fil-mija. L-ikbar żieda kienet fil-ħwejjeġ u ż-żraben b’qabża ’l fuq ta’ kważi disgħa fil-mija sena fuq sena.
L-indiċi ta’ l-elettriku, l-ilma, il-gass u l-fuel wera tnaqqis ta’ 4.5 fil-mija sena fuq sena li hu riflessjoni tat-tnaqqis fis-soprataxxa li kien hemm tul l-2007.
Din ir-rankatura ’l fuq fil-prezzijiet xejn ma tawgura tajjeb għall-bidla li se jagħmel pajjiżna lejn l-ewro f’Jannar li ġej fejn ħafna nies qed jistennew żieda fil-prezzijiet minħabba l-qalba tal-munita anki jekk din tista’ tkun biss perċezzjoni.
Iż-żidiet fil-prezzijiet f’Novembru mhux bilfors huma marbuta mal-qalba għall-ewro anki jekk pubblikament mhux magħruf jekk kienx hemm min għolla l-prezzijiet minn qabel biex meta ssir il-bidla tal-munita l-ammont f’ewro ikun għad-dritt.
Il-probabbiltà hi li ħafna miż-żidiet huma impurtati minn barra u jirriflettu ż-żidiet li kien hemm fil-prezzijiet internazzjonali tal-qmuħ u ċ-ċereali.
Iż-żidiet fil-qmuħ u ċ-ċereali madwar id-dinja laqtu firxa wiesa’ ta’ prodotti ta’ l-ikel anki minħabba l-fatt li għolew il-ġwież ta’ l-annimali. Żidiet fil-ħalib, l-għaġin, ħobż, pasti, ġobon u r-rikotta huma ftit mill-prodotti li ntlaqtu ħażin.
L-għoli tal-ħajja u t-tnaqqir tal-flus fl-idejn tal-familji Maltin jitfaċċaw bħala fost l-ikbar problemi li jsemmu l-familji f’diversi stħarriġ li jsir minn entitajiet indipendenti u partiti politiċi. |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|