Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
F’Malta erba’ każi ta’ bdiewa li ma kinux konformi mal-kontroll tal-pestiċida
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Numru ta’ tobba li tkellmu ma’ Illum ikkonfermaw li f’dawn l-aħħar xhur innutaw numru ta’ każijiet ġodda ta’ persuni li spiċċaw mardu minħabba li ma ħaslux sew ħaxix u frott li kien għadu bil-pestiċidi fuqu.
Tabib minnhom sostna li “bħalissa hawn żieda aktar minn normal ta’ uġigħ ta’ żaqq u sintomi oħra simili għal gastritis.”
It-tabib jispjega li ta’ sikwit il-konsumatur inaqqar minn frott li ma jkunx maħsul kif suppost.
“Ħafna persuni jaqbdu u jnaqqru frott mhux maħsul fi triqithom id-dar wara li jkunu għadhom kemm għamlu x-xirja. Dan hu perikoluż ħafna għaliex minbarra l-mikrobi li jista’ jkollhom l-istess prodotti, ta’ sikwit frott u ħaxix ikun għadu b’ammonti sostanzjali ta’ pestiċida fuqhom,” kompla l-istess tabib.
Iżda hemm problema oħra għax anke jekk wieħed sempliċiment ilaħlaħ ħafif il-frott jew ħaxix ma jkunx qed jeqred it-traċċi tal-pestiċida. Dan hu l-każ ta’ meta bidwi jaħsad il-prodotti ftit biss wara li jkun applika l-pestiċida.
Bdiewa li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li huwa importanti li kulmin hu involut fil-mistier jimxi kif suppost mar-regolamenti tal-bexx tal-prodotti agrikoli.
“Il-bdiewa jafu li jridu jsegwu sew istruzzjonijiet marbuta mal-pestiċida. Wara li wieħed japplika l-pestiċida fuq il-ħaxix u l-frott irid jara li ma jaħsadx l-istess prodotti qabel ma jkunu għaddew in-numru ta’ ġranet skond kif indikat fuq it-tabella tal-kontenitur tal-pestiċida. Matul dawn il-jiem il-pestiċida tkun għadha f’livelli qawwija,” fisser il-bidwi.
Is-suġġett mhux wieħed li għandu jkun injorat anke għaliex ammonti kbar ta’ pestiċida jaffettwaw direttament saħħet il-bniedem.
Studju madwar l-Ewropa
Il-Kummissjoni Ewropea għandha qafas li jħares dawn il-fatturi biex tara li l-prodott jasal għand il-konsumatur mingħajr perikli.
Rapport b’25 membru ta’ l-Unjoni għamel analiżi tal-fdalijiet tal-pestiċida fuq il-prodotti li nieklu. L-istudju għarbel bosta fatturi, fosthom jekk l-eluf ta’ kampjuni meħuda jaqbżux il-livell aċċettabbli ta’ pestiċida li jista’ jassorbi l-ġisem għal kull ġurnata.
L-analiżi saret fuq 62,569 kampjun differenti ta’ frott, ħaxix, ċereali u prodotti proċessati, fosthom ikel tat-trabi.
Fi kważi nofs il-każijiet, f’45.7 fil-mija, instabu fdalijiet ta’ pestiċida. Minn dawn 4.7 fil-mija tal-kampjuni nstab li kellhom livelli li jaqbżu sew il-livelli aċċettabbli ta’ pestiċida.
F’Malta
F’Malta l-Liġi dwar il-kontroll tal-Pestiċidi daħlet fl-2001. It-taqsima għas-Sorveljanza u Spettorat fi ħdan id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel spezzjonijiet kemm fil-ħwienet li jbigħu l-pestiċidi, għand il-bdiewa, fil-Pitkalija u fuq prodotti impurtati u introdotti minn pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan isir biex it-taqsima tara li l-obbligi fi ħdan il-liġi ewlenija u l-liġijiet sussidjarji li joħorġu minnha jkunu mħarsa.
Illum staqsiet lill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjentali kemm kien hemm persuni li f’Malta nstabu li mhux konformi mal-Liġi.
“Is-sena l-oħra nstabu tliet bdiewa li ma kinux konformi mal-Liġi Avviż Legali 115 ta’ l-2004 u l-emendi tagħha,” ikkonferma l-Ministeru.
“Matul l-2006 kien hemm ukoll kampjun wieħed li nstab li mhux konformi ma’ Avviż Legali 199 ta’ l-2004 u l-emendi tagħha,” temm jgħid il-Ministeru. |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|