Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Id-dibattitu dwar l-Ewropa u kif se tiżviluppa r-relazzjoni ta’ pajjiżna fi ħdan l-Unjoni mar minn estrem għall-ieħor. KURT SANSONE jirrapporta
Dan il-pajjiż jidher li mar mill-estrem għall-ieħor dwar sehem Malta fl-Unjoni Ewropea. Minn dibattitu mqanqal dwar sħubija għaddejna għall-estrem l-ieħor fejn l-iffirmar ta’ trattat ġdid li jolqot il-futur ta’ dan il-pajjiż lanqas biss jitqanqal fid-diskors politiku.
It-Trattat ta’ Lisbona li Lawrence Gonzi tela’ jiffirma din il-ġimgħa se jieħu post il-Kostituzzjoni Ewropea li ntremiet barra t-tieqa wara l-popli fi Franza u l-Olanda vvutaw kontriha fl-2005.
Anki jekk it-trattat hu strument legali biex idur ma’ l-intoppi li nqalgħu bil-Kostituzzjoni u għalhekk ħafna mill-irbit li fih kien diġà approvat mill-Parlament Malti meta rratifika l-Kostituzzjoni Ewropea fl-2004, hu inkwetanti kif l-uniku vuċi f’Malta li tqanqlet dwar il-kwistjoni kienet dik tal-għaqda xellugija Żminijietna li qed titlob li jsir referendum.
Bit-Trattat ta’ Lisbona Malta iggwadanjat is-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew. Iżda mhux biss. Ifisser ukoll li fuq numru ta’ setturi, ewlenin fosthom l-intern u l-ġustizzja, pajjiżna se jitlef id-dritt tal-veto meta tittieħed deċiżjoni fuq livell Ewropew.
Ifisser ukoll li pajjiżna mhux bilfors ikollu Kummissarju Ewropew għax dawn se jitnaqqsu għal 18 minn 25. Bit-trattat l-UE se jkollha President tal-Kunsill maħtur għal sentejn u nofs minflok is-sistema preżenti fejn kull pajjiż ikollu l-presidenza f’idejh għal sitt xhur. L-UE se jkollha wkoll Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin iktar b’saħħtu minn dak li għandha llum, f’pass li jwitti t-triq għal iktar integrazzjoni fuq politika barranija.
L-iffirmar f’Lisbona, għalkemm għandu sinifikat politiku, ma jfisser xejn qabel kull pajjiż membru jirratifikah. Ir-ratifika ssir permezz ta’ vot fil-parlamenti nazzjonali ħlief fl-Irlanda fejn il-Gvern se jgħajjat referendum biex ir-ratifika ssir bil-vot popolari.
Biex it-trattat jidħol fis-seħħ kull stat membru jrid jirratifikah.
Lil hinn minn jekk dan it-trattat hux se jkollu impatt tajjeb jew ħażin fuq Malta, l-isfortuna hi li lanqas biss hawn dibattitu dwaru. L-ebda partit politiku ma jrid b’xi mod ikun kritiku għax jibża’ li jiġi ttimbrat bħala ‘kontra’ s-sħubija meta dan mhux bilfors hu l-każ.
It-Trattat ta’ Lisbona jrid ikun ratifikat mill-Parlament Malti fl-2008 bħall-istati l-oħra Ewropej. L-għan hu biex it-trattat jidħol fis-seħħ fl-2009 ħalli fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ dik is-sena jidħlu fis-seħħ l-arranġamenti ġodda tas-siġġijiet.
Il-probabbiltà hi li fil-Parlament ma ssir l-ebda diskussjoni profonda fuq il-merti jew le tat-trattat u kif se jolqot lil Malta speċjalment jekk l-abbozz ta’ ratifika jitressaq lejlet l-elezzjoni fejn kull kelma żejda tista’ tintuża fil-kampanja elettorali kontra min jgħidha.
Is-skiet fuq it-Trattat ta’ Lisbona taqtgħu b’sikkina. X’kuntrast ma’ l-istorbju jbenġel il-widna li kellna sa l-2003! |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|