Aħbarijiet | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Bil-moħbi r-raġel waħħlilha apparat mal-karozza biex ikun jaf fejn marret
Julia Farrugia
006004172. Għal ħafna dan in-numru jista’ jidher bħala numru kwalunkwe imma għal Rita Calleja* dan in-numru hu l-konferma li żewġha minn wara daharha kien qed jgħassisha 24 siegħa kuljum.
Il-mara ntebħet li bil-moħbi r-raġel kien waħħal apparat mal-karozza tagħha li bih kien iżomm għajnejh fuq kull pass li tagħmel. Għall-ewwel il-mara nnutat biss is-serial number indikat hawn fuq imma ftit wara ntebħet li s-sistema kienet aktar sofistikata minn hekk.
Illum taf b’aktar minn każ wieħed fejn individwi jixtru apparat ta’ din ix-xorta u jwaħħluh fil-karozza mingħajr ma jinfurmaw lis-sid.
“Żewġi kien jgħidli ‘int il-bieraħ kont f’dak il-post.’ Jew ‘dalgħodu fit-tali ħin kont il-Ġnejna’,” tistqarr il-mara.
“Darba meta kien ilu għaddej b’dan it-tip ta’ stejjer ir-raġel qalli li kien qed jittrekkja fejn immur. Meta ikkonfrontajtu nfaqa’ jidħak u qalli li meta kien qalli hekk kien qed jiċċajta. Imma ftit wara rriżultali li din kienet verità,” tispjega Rita.
Il-mara tirrakkonta kif jum fost l-oħrajn fil-karozza sabet kaxxa sewda li kienet qed tintraċċa l-vjaġġi kollha li tagħmel l-vettura.
“Moħbija wara l-glove compartment kien hemm kaxxa, mar-radiator sibt li kien hemm antenna għal ta’ l-apposta filwaqt li taħt il-karozza taħt is-seat tal-passiġġier kien hemm imwaħħla kaxxa oħra li tirreġistra l-movimenti kollha li nagħmel bil-karozza.”
“Is-sistema kienet imwaħħla b’tape iswed u l-wires kienu mqabbdin ma’ l-ignition tal-karozza. B’dan il-mod il-batteriji tagħha dejjem kienu qed ikunu ċċarġjati,” tfisser Rita.
Il-mara tispjega li fuq waħda mill-kaxxi kien hemm karta li fuqha kien hemm in-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza tagħha.
“Min waħħal l-apparat kellu pjan li jwaħħlu speċifikament fil-karozza li kont insuq jien,” tkompli.
Teknikament ir-raġel tal-mara qatt ma seta’ waħħal dan l-apparat mingħajr l-għarfien tal-mara tiegħu anke jekk il-karozza kienet reġistrata f’isem il-kumpanija tar-raġel.
“Il-karozza kienet inxtrat għall-użu personali tiegħi bħala omm biex fost l-oħrajn inkun nista’ nlaħħaq ma’ l-impenji tat-tfal. Tant hu hekk li l-karozza kellha numru tal-pjanċi personalizzati bl-ewwel kliem ta’ ismi,” tistqarr Rita.
L-omm tispjega li l-karozza kienet reġistrata taħt isem il-kumpanija biex ir-raġel jiffranka t-taxxi.
“Jien kont ħadt l-apparat l-għassa tal-Pulizija u sa għamilt rapport dwar dan il-każ imma qatt ma ttieħdet azzjoni,” tkompli l-mara.
F’kummenti lil din il-gazzetta l-avukat ta’ din il-mara sostna li dan hu każ ta’ harassment u anke jekk il-karozza kienet reġistrata fuq ir-raġel il-mara kellha dritt tkun taf li qed tkun segwita fil-passi li tagħmel.
Illum taf b’numru ta’ każijiet simili li seħħew fl-aħħar snin. Iżda x’qed jiġri fir-realtà u xi drittijiet għandhom l-individwi milquta?
F’Malta jeżistu numru ta’ sistemi. Kumpanija ewlenija lokali tispeċjalizza f’dawn it-tip ta’ sistemi. Uffiċjal għal din l-ażjenda spjega li biex iwaħħlu apparat ta’ din ix-xorta huma jagħmlu dan biss wara li jivverifikaw mal-log book tal-karozza li l-vettura tkun tassew proprjetà ta’ min qed jitlob l-installazzjoni.
Madankollu jeżistu sistemi oħra fosthom li wieħed jixtri GPS (Global Positioning System) minn ħwienet oħra u jsib technician li jwaħħal l-istess apparat. Sistemi bħal dawn jistgħu jinxtraw ukoll minn fuq l-internet. Dawn is-sistemi huma reklamati bħala li ‘Issa tista’ toqgħod bilqiegħda fl-uffiċċju tiegħek u tmexxi ħidma ta’ sorveljanza bil-kompjuter’.
F’dawn il-każijiet l-informazzjoni li jirreġistra l-apparat tintbagħat mill-ewwel fuq il-kompjuter tiegħek u int tkun tista’ tara fejn tkun qiegħda l-karozza. * L-isem f’dan il-każ inbidel biex tkun protetta s-sigurtà tal-mara |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|