MediaToday

Sports | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59

L-aktar raġel veloċi f’Malta

Wara l-leġġendarji Xandru Grech u Mario Bonello ftit kienu dawk li emmnu li għal pajjiżna kien se jkollna atleta ieħor li jikkompeti f’distanzi qosra ta’ livell impressjonanti. Imma d-destin ma jafu ħadd u prova ta’ dan kollu hu l-atleta nazzjonali Darren Francis Gilford li mhux biss irnexxielu jersaq lejn iż-żewġ idoli ta’ qablu, imma wkoll jasal f’punt li ħafna jqisuh bħala l-aqwa atleta maskili li qatt ħareġ minn Malta.
Wara r-rebħ ta’ l-unur ta’ l-Atleta tas-Sena ħsibt li jkun il-mument ġust li nerġa’ ninżel sat-track tal-Marsa biex nitkellem ftit miegħu. F’ġurnata xitwija għall-aħħar b’kesħa xxoqq il-għadam, nara lil Darren fit-track ma’ atleti jittrenja.
Wara tant ġimgħat kont għadni kif insir naf b’kumbinazzjoni li l-ebda uffiċjal mill-MAAA ma jista’ jitkellem miegħi tant li anqas ritratt wieħed tat-tliet rebbieħa ta’ l-Atleta tas-Sena ma rċivejt għall-pubblikazzjoni ta’ l-Illum tal-Ħadd li għadda. Deċiżjoni li ħadu xhur ilu ma kinux kapaċi jispjegawhieli b’ittra uffiċjali. Kien grazzi għall-kuntatti oħra li għandi li dehru ritratti ta’ tnejn minn tliet rebbieħa.
Darren jagħtini indikazzjoni li hu bniedem sempliċi ħafna li l-unur u l-glorja ma tantx għamlu bih fil-karriera tiegħu.
Matul l-intervista jispjegali kemm hi kbira r-relazzjoni u l-ħbiberija li għandu ma’ ħafna atleti u nies oħra li jżuru b’mod frekwenti din it-track iżda jammetti li l-affarijiet mhumiex preċiżi kif jixtieq li jkunu.
Jgħidli li kellu jagħmel ħafna sagrifiċċji u jieħu kollox bis-serjetà biex wasal sal-quċċata ta’ l-atletika f’pajjiżna.
“Fl-atletika, waqt il-kompetizzjoni insir bniedem kompletament differenti. Fl-atletika u waqt it-taħriġ m’hemmx ħbieb u ċajt għax dawk insib ħin għalihom wara. Ma jfissirx li nagħmel l-għedewwa imma jien dejjem nipprova nagħti dak kollu li nista’ kull ġurnata.
“Kultant xi naqra nervuż ukoll. Meta ma nkunx fit-track inqatta’ l-aktar mill-ħin fuq il-kompjuters għax hu x-xogħol professjonali tiegħi u fl-istess ħin il-passatemp tiegħi wkoll. Id-dar, fil-ftit ħin li jkolli liberu, issibni dejjem quddiem il-kompjuter. L-atletika u l-kompjuters huma kollox għalija.”
Darren Francis Gilford twieled fil-11 ta’ Diċembru 1982. Hu Bormliż imma joqgħod Ħal Tarxien u għarus lil Davinia Elding. Iben Angelo u Josephine u għandu ħuh Gordon ta’ 29 sena u tewmi ma’ Clifton.
“Minn mindu kont żgħir ta’ seba’ snin minn dejjem kont niġi l-ewwel fl-isports day ta’ l-iskola. Meta kont intellaq kont inkun kwżi ċert li se nirbaħ. Kont immur kunfindetni ħafna għal kull tellieqa u qisni ndunajt li għandi talent. Kont nara lil Carl Lewis jiġri u jaqbeż u kont naffaxxina ruħi. Avvenimenti ta’ skala mondjali kienu jħeġġuni biex nibda dan l-isport.”
Darren imwieled sportiv. Għalkemm hu surmast fl-atletika jgħidli li meta kien żgħir ipprattika diversi sport ieħor.
“Minbarra l-atletika tħarriġt ukoll fil-judo, futbol u volleyball. Imma l-miri tiegħi li nagħmel l-aħjar dejjem kienet fl-atletika. Darba kont ġejt avviċinat mill-President ta’ Athleta Pembroke li ra potenzjal fija u qalli biex ninkiteb mal-club. Ħtaft l-okkażjoni u waqaft mill-ewwel mill-judo u bdejt nikkonċentra biss fl-atletika.
“Il-President Victor Camilleri hu dedikat ħafna. Il-kowċ tagħna Jivko Jetchev hu fost l-aqwa, jekk mhux l-aqwa, kowċ ta’ l-atletika li għandna pajjiżna. Jekk wieħed jara l-kampjonat jinduna li Athleta Pembroke dejjem jiġi l-ewwel kemm bl-ewwel tim u ġieli wkoll bit-tieni tim kemm fin-nisa u fl-irġiel. Mhux għax clubs oħra m’humiex tajbin imma din hi r-realtà.
“Meta kont għadni żgħir niftakar lil De La Salle li kienu tajbin ħafna imma f’dawn l-aħħar snin il-folja dahret u nażarda ngħid li l-club ta’ Athleta Pembroke kaxkar kollox. Wieħed mis-sigrieti tal-club ta’ Atheleta Pembroke hu li fih jaħdmu nies professjonali u dan kulħadd jafu għax ma’ Athleta Pembroke jiġru l-krema ta’ l-atleti ta’ Malta.”
Gilford għandu rekord ta’ 10.54 sekondi fil-100 metru u 6.76 sekondi fis-60 metru. Dawn il-ħinijiet jagħmluh l-iktar raġel veloċi ta’ Malta. Rebaħ l-unur ta’ l-Atleta tas-Sena erba’ darbiet u l-unur tal-Best Senior darbtejn. Jumejn ilu rebaħ ukoll is-Silver Award fir-Relay u l-100 metru organizzati mill-Kumitat Olimpiku Malti. Nistaqsih fuq kif jara l-livell tiegħu meta jqabbel ruħu ma’ barra.
“Għal Malta nemmen li kelli karriera tajba ħafna għalkemm meta nqabbel ruħi mal-barranin ta’ l-ogħla klassi hemm xi ftit differenza. Però ma naħsibx li għandi livell ħażin u fl-aħħar indoors għal ftit ma kkwalifikajt għas-semifinali. L-għan tiegħi hu li xi darba nikkwalifika f’heat tas-60 metru.
“L-aħħar darba li ġrejt fi Spanja l-ħin tal-kwalifikazzjoni kien ta’ 6.74 sekonda u jien ġrejt 6.76 sekonda. Għal Malta kienet tkun xi ħaġa kbira li nikkwalifika. Il-ħolma tiegħi se tibqa’ dik u nispera li fl-aħħar jirnexxieli.
“Aħna m’aħniex professjonali daqs l-atleti barranin. Kważi ngħidlek li anqas semi professjonali. Aħna nitħarrġu x’ħin ikollna ċ-ċans. Vera li llum il-ġurnata hemm skemi li jgħinuk imma żgur li għad fadal ħafna xi jsir. Il-bidu qiegħed hemmhekk.
“Top class athletes m’għandhom x’jaqsmu xejn magħna. Ghandhom ħafna aktar faċilitajiet u għajnuna. It-talenti tagħhom huma ħafna ikbar minn ta’ pajjiżna imma f’affarijiet oħra ma nħossx li aħna inferjuri għalihom.”
Nistaqsih xi jfisser għalih li jkollu rekords daqshekk presitiġġjużi fis-60 u l-100 metru.
“Li għandi dawn ir-rekords ma nħossnix superjuri għal sħabi. Anki jekk jien ikkunsidrat bħala l-aktar raġel veloċi f’Malta minix it-tip li noqgħod niftaħar b’dan kollu. Ħafna nies ġieli saru jafu b’dawn l-affarijiet fuqi mingħand ħaddieħor u mhux għax ngħidilhom jien. “Nammetti li l-atletika għamlitni xi ftit popolari. Però żgur mhux daqs Xandru Grech għax dak hu meqjus ukoll bħala sex symbol. Bis-saħħa ta’ Xandru Grech l-atletika f’Malta ħadet reklam kbir fil-passat. Però naħseb li min isegwi l-isport inġenerali jaf min hu Darren Gilford.”
Jgħidli x’jixtieq jara li jinbidel f’pajjiżna għall-ġid ta’ l-atletika lokali.
“Hemm ħafna x’nixtieq li nara jinbidel fl-atletika fosthom li jingħata aktar importanza lill-isport individwali għax jien nara aktar potenzjal f’dan għal pajjiżna. Nemmen li għandu jkun hemm skemi fejn jgħinu u jiffavorixxu iktar lill-atleti. Kemm fi skejjel u anki f’xogħol għandhom jinstabu mezzi kif atleta għandu jkun megħjun. F’Malta għadna lura f’dawn l-affarijiet u kemm jien u kważi sħabi l-oħrajn kollha bilfors ikollna npoġġu x-xogħol qabel l-atletika. Nixtieq li l-isport fejn l-aktar għandna potenzjal jingħata aktar priorità.”
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar jibqa’ avveniment li jwaqqaf pajjiż. Darren jgħidli li hu l-aktar avveniment li jieħu pjaċir jikkompeti fih għalkemm fil-jiem tiegħu taqa’ ħafna pressjoni fuqu u fuq sħabu.
“Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar huma l-iktar għal qalbna u għalkemm fihom ħafna stress u pressjoni. Dawn il-logħob jgħinuna biex nippruvaw ta’ l-inqas dejjem intejbu l-aħjar ħin tagħna. Il-mod ta’ l-organizzazzjoni dejjem tkun waħda professjonali jsiru f’liema pajjiżi jsiru. Kuntent bl-ammont ta’ midalji li rbaħna fl-aħħar edizzjoni għax kulħadd ta l-mija fil-mija tiegħu. Nemmen li l-poplu kollu għandu jkun grat ta’ l-anqas lejn is-sagrifiċċji li nagħmlu. L-aħħar edizzjoni kienet waħda sodisfaċenti u ċert li għandna ħafna fejn nitjiebu. Atleti bħali, bħal Nicholai Portelli, Therese Agius u Charlene Attard għandna ħafna aktar potenzjali ġo fina.
“Nemmen li Ċipru m’għandhom xejn aħjar minna ħlief li jsiefru barra għal aktar faċilitajiet u jikkompetu ma’ atleti ta’ aktar stoffa. Huma kważi professjonali u jien naħseb li kieku aħna jkollna l-istess vantaġġi nagħmlu tajjeb daqshom.”
Nistaqsih liema s’issa hu l-aqwa avveniment li qatt ikkompeta fih. Anki jekk ħa sehem f’ħafna differenti, Darren jgħidli kien l-ewwel wieħed tal-karriera tiegħu li jibqa’ jiftakar.
“Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar meta kienu saru Malta jibqgħu l-aktar għal qalbi. Kont ġejt it-tielet u għamilt rekord nazzjonali. Ħadd ma kien qed jistenniha minni għax kont għadni żgħir u għadni qed nimmatura fl-atletika.
“Kompetizzjoni oħra kienet fi Slovenja meta għamilt rekord fil-200 metru u ġejt l-ewwel. Fl-istess kompetizzjoni kont ġejt it-tieni fil-100 metru.
“Oħra hi ta’ Birmingham meta kien ġie l-ewwel Mark Lewis Francis li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa sprinters fid-dinja u jien ġejt it-tieni. Kont għaddejt lill-Ingliż għax ġie t-tielet warajja.”
Lil Darren nistaqsih ukoll jekk hemmx xi ħaġa li ddejqu fl-atletika jew l-atleti. B’nofs daħka jgħidli,
“Fl-atletika ddejjaqni li rrid nitħarreġ kuljum kemm jekk kesħa u anki jekk sħana.
“Fl-atleti jdejjaqni l-iktar min jaħseb fih biss. Jinsew li magħhom hawn atleti oħrajn u sfortunatament hawn minnhom madwarna wkoll li jpoġġu lilhom infushom qabel il-flokk u l-pajjiż li jiġru għalih.
“Ir-relazzjoni tiegħi ma’ l-atleti l-oħra hi tajba ħafna għalkemm mhux ma’ kulħadd. Imma jekk tieħu kollox ma’ kollox naħseb li hawn isfel hawn atmosfera sabiħa bejn il-ħbieb. L-iktar atleta li nħossni komdu miegħu hu Andrew Farrugia. Hu t-training partner tiegħi.”
Darren jemmen li hu impossibbli li xi darba joħroġ minn Malta atleta li jkun jista’ jikkompeti fl-atletika ta’ skala mondjali, tant li qatt ma kellu xi atleta barrani favorit.
“M’hemmx atleta barrani li kont dejjem iffissat fuqu. Narahom jibbrillaw wisq u nażżarda ngħid li kważi impossibbli li xi darba nilħaq dak il-livell.
“Meta kont żgħir kont iffissat fuq Mario Bonello. Għad għandi ritratt bil-firma tiegħu li kont tlabtu meta mar l-Olimpjadi. Carol Galea wkoll impressjonatni għal dak li rnexxielha ġġib għal Malta.”
Nistaqsih x’ifisser għalih li tkun magħżul bħala l-Atleta tas-Sena għar-raba’ darba filwaqt li nitolbu opinjoni fuq iż-żewġ atleti l-oħra feminili li rebħu miegħu dan l-unur.
“Irrid nirringrazzja lill-MAAA u lil kulmin jappoġġjani. Li tasal tirbaħ l-unur ta’ l-Atleta tas-Sena u l-Best Senior Athlete m’humiex affarijiet faċli. Naħseb li huma jafu kemm noħodha bis-serjetà u nixtieq nirringrazzjahom talli għal darboħra reġgħu għażlu lili.
“Charlene u Francesca huma atleti kbar. Lil Charlene nafha ftit aktar għax niġru ma’ l-istess club u minbarra hekk hi ħabiba kbira tiegħi. It-tnejn huma fanatiċi għall-atletika u kważi dejjem nitħarrġu flimkien. Dejjem attenti x’jieklu u xi kultant ma joħorġux minħabba li l-għada jkollhom xi tellieqa. Nemmen li t-tnejn li huma kien ħaqqhom jirbħu dan l-unur.”
Jivko Jetchev hu l-kowċ li ġab bidla radikali fl-atleti Maltin li kkowċja. Impjegat ma’ Athleta Pemboke, Darren jgħidli li kien bis-saħħa tiegħu li hu żied ħafna fil-livell.
“Nemmen li l-kowċ Jivko Jetchev ġab bidla kbira fl-atletika Maltija. Ġej mill-Bulgarija fejn xogħlu kien biss jistudja l-atletika. Ngħid għalija tgħallimt ħafna mingħandu u jekk ’il quddiem insir kowċ se jkun swieni ħafna f’ħajti. Nemmen li hu fost l-aqwa kowċis li qatt ġew Malta.”
Nistaqsih x’kundizzjoni jinsabu fihom il-faċilitajiet bħal gym u x-showers ta’ l-atleti nazzjonali Maltin u jekk jaqbilx li wasal iż-żmien li l-Malta Amateur Athletic Association tibdel isimha għal Malta Athletic Association.
“Il-kundizzjoni tat-track hi tajba għalkemm jien dejjem ngħid li għandna lok għal aktar titjieb. Però fuq il-gym u x-showers m’għandi l-ebda kumment x’ngħid. Min irid jiġi u jara. Jien personali nippreferi ninħasel id-dar.
“Naqbel lil għandha tibqa’ MAAA għax aħna amateurs. Ineħħu A meta nilħqu l-livelli ta’ l-Italja u l-Ingilterra u għalhekk nimmaġina li se tibqa’ hemm sakemm ma nsibux iż-żejt.”
Fl-aħħarnett, Darren ikellimni fuq dak li jixtieq għall-futur tiegħu u jappella lil dawk kollha li f’pajjiżna jistgħu jgħinu finanzjarjament lill-atleti Maltin.
“Fil-futur irrid inkompli nistudja l-IT. Fl-atletika rrid inkompli niġri b’għan li ntejjeb il-ħinijiet personali tiegħi. Fl-atletika m’hawnx dawk il-flejjes li jissemmew fi sport ieħor u l-ftit flus li nieħdu ġejjin mill-Kumitat Olimpiku Malti. L-appell tiegħi f’dan ir-rigward hu li jekk hemm xi azjendi li jistgħu jgħinuna fi sponsorships inħeġġighom jagħmlu dan.
“Nixtieq nirringrazzja lill-MAAA talli reġgħu ippremjawni bl-unur ta’ l-aqwa atleta maskili tas-sena, lill-ġenituri, lill-kowc u lit-tfajla ta’ kemm tissapportjani u tissaportini. Ma nistax ninsa lil Radisson SAS talli jipprovduli l-gym kulmeta jkolli bżonn. Jien iffissat fuq l-atletika u anki website personali għandi. Kulmin jixtieq xi tip ta’ informazzjoni fuqi jista’ jżur is-sit www.darrengilford.com. Din il-website inħallasha jien u nieħu ħsiebha jien għax m’għandix sponsor għaliha. Fl-IAAF hemm ħafna atleti li għandhom l-isponsor tagħhom b’website. U bis-saħħa tiegħi fil-website ta’ l-IAAF tidher Malta wkoll.”

Intervista
Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri


Editorijal

Kollox sew


Il Punt
Id-dinja f'Idejja
Hillary Briffa

TONI u PEPPI
Il-logħob ta' l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni


Emmanuel Micallef
Bidla fil-mentalità


Carmelo Mifsud Bonnici

L-użu tar-raġuni



X'kien Jgħid
Rigal doppju



Wenzu Mintoff

Is-sema pajjiżi

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075