Carmelo Mifsud Bonnici| 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59 L-użu tar-raġuni 1. Mhux darba jew tnejn insibni niddiskuti ma’ persuni li ma jaqblux politikament miegħi, anzi biex inkun ftit iktar preċiż u dirett, ta’ nies maqsuma fi tnejn. Dawk li jridu jifhmu x’qed ngħidu imma qishom ma jridux jiċċaqilqu. 2. Fortunatament għalina l-proċess demokratiku beda jkisser u jattakka fil-fond din il-mentalità. Għax hu żball li nibqgħu poplu li jħares lejn il-politika mhux bħala l-post ta’ l-eżerċizzju tal-ħsieb, iżda dak tal-qalb. Kull partit li jrid iċaqlaq ’il quddiem lil dan il-pajjiż irid jifhem li hu kontra linja tajba ta’ ħidma jekk kemm-il darba nibqgħu naraw persuni mimlija bit-talent tar-raġuni jivvutaw wara kontra tagħha. Hemm esperjenzi differenti fi ħdan l-elettorat minn dawk li nistgħu naħsbu. Kull persuna ġġarrab effetti negattivi jew pożittivi minn ħidma jew proposta ta’ partit politiku. Imma dan fih innifsu mhux żbaljat iżda li jaf iwassal għal użu aħjar tar-raġuni. 3. Għalkemm dan jista’ jiftiehem bħala kumment jew osservazzjoni ġenerali fil-fatt hu wieħed vitali. Vitali biex iżomm il-proċess politiku jimxi ’l quddiem u mhux lura. Iktar minn dan, jixħet piż ikbar u konsegwentement jitlob iktar preparazzjoni biex wieħed jispjega lill-elettorat x’qiegħed jipproponi u dak li qed iwettaq għala qed iwettqu. Hemm vantaġġ kbir f’dan għal min irid jikkonvinċi verament li dak li qed jgħid għandu mis-sewwa u mir-raġuni. Imma sfortunatament għad hawn min qiegħed, minflok jispjega sew u fid-dettall, iressaq biss nofs spjegazzjoni. Iressaq pakketti li jleqqu li l-poplu jsir jaf verament x’fihom wara l-elezzjoni u mhux qabel. 4. Indipendentement mill-fatt li jien Membru Parlamentari fi ħdan partit politiku partikulari, nemmen dejjem li nista’ nikkontribwixxi biex inkun ukoll strument għall-bidla jekk kemm-il darba nkun kapaċi ninqata’ u nara l-affarijiet oġġettivament. Naħseb li hu proprju hemm li wieħed jista’ jqis jekk dak li qiegħed isir hux jolqot pożittivament jew negattivament settur jew ieħor tas-soċjetà. Mhux biss, imma żżomm saqajk ma’ l-art. Tifred dak li jista’ jsir minn ma’ dak li ħafna jixtiequ li jsir, iżda li r-realtà turi li ma jistax. Hemm impenn ikbar hawn żgur għax trid tagħraf ma taqax għat-tentazzjonijiet faċli u torbot ruħek li dak li qed tipproponi taf fiċ-ċert li tista’ iktar ’il quddiem twettqu. 5. Hu punt ta’ kredibbiltà politika, istituzzjonali u demokratika. Wieħed li jrid jissarraf fit-tul għax l-elettorat tagħna qiegħed jinbidel ma’ kull elezzjoni. Qiegħed jikber iktar il-votant li ma jridx jibqa’ marbut ma’ l-ankri tal-passat familjari tiegħu u jimxi ’l quddiem. Dan hu x-xenarju li llum għandna quddiemna. Poplu li qiegħed iħares iktar fis-sustanza u ma jridx li jinħakem minn ideat antikwati li jxekklulu l-eżerċizzju tal-għażla tal-futur tiegħu. Dan hu proċess salutari ħafna. Wieħed li għandu bżonn ikompli jiġi ssodat għax jiggarantixxi s-sistema demokratika tagħna. Il-poplu jrid jibdel ferm iktar milli aħna naħsbu. Però ma jridx jibdel dak li qiegħed jagħraf bl-użu tar-raġuni li qed jagħmillu l-ġid. 6. Qatt ma ninsa kif fl-aħħar elezzjoni ġenerali, waqt li kont qed nistenna r-riżultat fil-kurituri f’Ta’ Qali, kien resaq fuqi ħabib mill-partit l-ieħor u qalli: “Ivvutajt kontra d-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea għax hekk ried il-partit, però f’qalbi kont naf li qed niżbalja.” Kellu sens ta’ liberazzjoni li fuq naħa ma marx kontra l-oriġini tad-demm u fuq l-oħra li ma għaddietx tiegħu u dħalna. Il-kalkolu tal-Mexxej Laburista kien kompletament żbaljat u dan swielu sew. Seta’ faċilment joħroġ aħjar li kieku għamel użu aqwa mir-raġuni, imma dan baqa’ ma sarx. Illum il-ġurnata pajjiżna qiegħed jagħraf ferm iktar il-pożizzjoni strateġika u b’saħħitha li kiseb permezz ta’ l-Unjoni Ewropea. Però jista’ jibqa’ jsarrafha jekk jagħmel użu mir-raġuni. 7. L-iżbalji politiċi jseħħu minħabba nuqqasijiet ta’ kalkoli strateġiċi imma l-esperjenza umana turi dejjem li min imur kontra s-sewwa u r-raġuni jitlef. Il-poplu jħares lejn il-ħidma, l-imġiba u l-kwalità tal-politiċi imma jżomm ukoll quddiem għajnejh il-valuri fundamentali tal-ġustizzja soċjali u l-libertà. Dan il-pajjiż kiber iktar għax ra l-użu tar-raġuni titwettaq fil-politika tan-nazzjon u ħarab dik tal-kontra, dik li tersaq lejn il-ġenn għax mhux lest li jissogra jitlef l-istabbiltà u l-paċi li għandu fuq ħolm li jaf li ma jistax iseħħ. Għalhekk, tiġi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali, s-sena li ġejja ċert li dan il-poplu se jkompli jissoda iktar id-dritt tiegħu li jkollu Gvern li jmexxih bl-użu tar-raġuni. |
Intervista
|
|