Emmanuel Micallef | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Immaqdru kemm immaqdru jibqa’ fatt li dal-pajjiż tagħna għandu ħafna sabiħ. Kieku x-xewqat li ġieli nesprimu li mqar konna ftit ikbar milli aħna jew li għandna riżorsi naturali kellhom isiru realtà ma konniex inkunu dak li verament aħna. Hu minnu li fejn pajjiżi kbar aħna għandna l-iżvantaġġi imma għax aħna żgħar għandna s-sabiħ tagħna li jiddistingwina mill-oħrajn.
Mill-pożizzjoni geografika sal-livell tal-għixien jagħmluna pajjiż interessanti u attraenti biex tgħix fih.
B’popolazzjoni daqs raħal f’pajjiż barrani, b’karatteristiċi Mediterranji fejn il-kulturi Ewropej u Għarab intagħġnu f’kultura diversa riflessa f’lingwa unika li tagħtina identità assoluta u b’wirt storiku daqstant rikk pajjiżna hu wieħed mill-isbaħ ġawhar li jeżistu f’din in-naħa tal-globu.
Nista’ ninstema’ li qed nesaġera iżda aħna l-Maltin bħal donnu kapaċi nagħmlu kollox minbarra napprezzaw lilna nfusna u dak kollu li hu tagħna bħala ġens sovran. Kultant insaqsu kif irnexxielna matul dan iż-żmien kollu inkampaw. Kif irnexxielna nibnu ekonomija soda, noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, niġbdu investiment barrani, inħaddmu sistema politika demokratika u nkomplu nkabbru l-ġid permess tal-ħidma tal-poplu tagħna?
Ma jonqosx li għamilna żbalji matul is-snin. Intlifna wisq fuq il-politka partiġġjana u l-pika reliġjuża parrokkjalista. Għaddejna minn żmien fejn ħsibna li konna inferjuri għall-barrani. Inħkimna minn kultura ta’ zekzik u tmaqdir fejn intlifna fuq id-dettal u tajna l-ġenb lis-sustanza. Kultant ukoll intilef s-sens ta’ bilanċ u għax emminna li iktar ma jkun hemm qtugħ ta’ blat mill-barrieri iktar iddur ir-rota ħarbatna l-ambjent naturali. Kultant ukoll rajna sal-ponta ta’ mneħirna u ma ħsibniex fit-tul. Raqqejna l-pannu bil-qargħa aħmar u kellna nbatu l-konsegwenza ta’ dan kollu għalkemm tgħallimna mill-iżbalji tagħna stess.
Qridna l-faqar u l-injoranza u rażżanna bil-kbir il-mentalità kolonjalista li biex nagħmlu pass irridu l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Il-poplu tagħna immatura u llum jemmen bis-sħiħ fih innifsu u fil-potenzjal li għandu pajjizu li jkompli jirnexxi u jimxu ’l quddiem. Skoprejna li s-saħħa ta’ dan in-nazzjon tinsab fin-nies tiegħu. Illum nistgħu nikkompetu mal-barrani filwaqt li nibqgħu b’saqajna ma’ l-art waqt li nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna. Għandna bażi soda, anke jekk ħadna żmien żejjed biex wasalna s’hawn, biex nilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni.
Għad baqgħalna x’naqdfu. Fl-edukazzjoni tal-poplu għadna ma lħaqniex il-quċċata għalkemm imxejna ’l quddiem. Għad għandna bosta li jibżgħu jiftħu ktieb. Fl-ambjent ħarbatna d-dinja. Wara li ċekkinna l-kampanja, il-bajjiet naturali u niġġisna l-arja friska issa qed nitkellmu dwar bidla fil-klima u sorsi ta’ enerġija alternattiva.
Fis-saħħa ikkonċentrajna fuq il-kura u nsejna l-prevenzjoni: il-ħtieġa ta’ l-isports, tad-dieta bilanċjata. Irranġajna ħafna mis-siti storiċi iżda daqs kemm irrijabilitajna għad għandna postijiet storiċi żdingati u mitluqin. Sirna iktar liberali fil-ħsieb u l-imġiba tagħna iżda fl-istess nifs tlifna s-sens ta’ valuri morali.
Tejjibna s-servizzi soċjali iżda żidna fl-abbużi. Introduċejna sistema effiċjenti ta’ tassazzjoni iżda żdiedet l-evażjoni tat-taxxa. Ksibna postna fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea iżda għadna ’l bogħod milli nilħqu l-miri tagħna. Fil-politka lokali wrejna sinjali ta’ żvilupp iżda fuq ħafna oqsma bqajna b’attitudni partiġġjana. Għollejna l-livell tal-għixien iżda għad għandna min jgħix fil-faqar. Tejjibna l-livell ta’ l-ordni pubblika iżda qed nesperjenzaw s-sofistikazzjoni tal-kriminalità.
Forsi dawn huma l-konsegwenzi tal-progress. Jista’ jkun ukoll li dan kollu hu frott ta’ l-influwenza tal-globalizzazzjoni li ma ħallitniex iktar il-gżira li konna darba. Mhux bilfors. Jista’ jkun li għadna ma nemmnux f’dak li ngħidu. Minn żmien għal żmien nitkarrbu għall-bidla. Qisu qatt m’aħna kuntenti b’dak li għandna. Iżda aħna nafu li min ma jbiddilx jitqammel.
Għalhekk nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ bidla. Mhux il-bidla ta’ l-uċuh jew tal-libsa ta’ barra. Iżda l-bidla fir-ruħ li m’għandhiex ġisem jew wiċċ. Il-bidla li ma tmerix is-sewwa magħruf. Bidla li ma tfissirx li nerġgħu nduqu l-esperjenzi koroh tal-passat f’ġieħ it-tradizzjoni. Ma tfissirx lanqas li nidfnu dak kollu li għamlu missirijietna biex niftaħru li aħna differenti.
Hi l-bidla fil-mentalità li għandna bżonn. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu bil-moħħ tal-bieraħ fiċ-ċirkostanzi ta’ llum. Ma nistgħux lanqas naħsbu b’moħħ ħaddieħor. Il-bidla li rridu hi dik li tkompli tkabbarna bħala poplu. Mhix il-bidla li tkompli titfa’ l-ħatab fin-nar biex il-poplu jibqa’ maqsum minn nofs. Mhix il-bidla li tinkoraġġina nikkummidjaw quddiem l-figuri tal-kartapesta. Mhix il-bidla ta’ kollox jgħaddi u xejn mhu xejn. Iżda l-bidla li fil-firda ta’ l-opinjoni iġġib l-għaqda fil-għan u fit-twettieq tiegħu. Il-bidla li terġa’ tagħtina l-identità tagħna. Il-bidla li fit-taħlita tal-kuluri ta’ kull wieħed u waħda minna tiffurmana f’lewn wieħed bħala nazzjon.
Mhux l-iskop tiegħi li noqgħod niffilosofizza. Iżda naħseb li frott il-mentalità tagħna intlifna wisq fuq l-intietef. Sirna wisq dipendenti fuq il-battibekki li jgħaddu bejniethom il-politiċi; fuq id-dominanza, jew in-nuqqas tagħha, ta’ l-istituzzjoni tal-knisja; fuq l-interessi u l-ħakma tal-komunità tan-negozjanti; fuq il-faxxinu tad-divertiment u l-influwenza penetranti tat-televizjoni u l-mezzi tax-xandir. Irridu neħilsu minn din id-dipendenza għalhekk ninħtieġu bidla fil-mentalità.
Jekk dan l-impenn jiħux il-forma ta’ bidu ġdid jew li nkomplu nibnu fuq is-suċċess hu irrelevanti. Id-dmir tagħna hu li nagħmlu pajjiżna isbaħ milli sibnih. Mhemmx dubju li kapaċi nagħmlu dan. U nafu li aħna lkoll flimkien irridu nkunu għaliex kif jgħidu “ħadd mhu se jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu”! |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|