Ittri | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
Minn Carmen Portelli,
Sliema
Il-logħob ta’ l-ażżard f’dawn il-gżejjer qed jikber b’rata fenomenali li għandu joħloq tħassib serju fost dawk li dmirhom hu li jipproteġu s-soċjetà Maltija.
Il-ħwienet tal-logħob qed jinbtu kullimkien bħal dawk tal-pastizzi. Min-naħa tagħha l-Maltco minn żmien għal żmien tintroduċi logħob ġdid biex taqbad iżjed klienti u tkabbar il-qligħ tagħha.
Mis-Super 5 il-kumpanija ddaħħal gelgul ta’ eluf ta’ liri, iżjed u iżjed meta l-ewwel premju jaqbeż ċertu ammont bħalma ġara f’dawn l-aħħar ġimgħat fejn eluf ta’ Maltin tilfu ġidhom bix-xiri goff ta’ biljetti bit-tama li jirbħu l-ewwel premju.
U min l-iżjed li jissogra flusu f’okkażjonijiet bħal dawn?
Il-pensjonanti, l-ħaddiema, persuni bi dħul baxx, dawk li jgħixu bir-relief u persuni mingħajr xogħol – dan b’detriment serju għalihom u d-dipendenti tagħhom.
Issib minnhom li kuntenti jibqgħu neqsin minn affarijiet essenzjali għall-ħajja basta jilagħbu l-lottu, is-Super 5,
it-tombla u xi lotteriji oħra. Biex tkompli tikber il-pjaga tal-logħob ta’ l-ażżard għandna numru ta’ casinos li milli jidher hemm il-ħsieb li jiżdiedu. Dan kollu minbarra l-logħob klandestin u llegali.
Naħseb li wasal iż-żmien li jsir studju serju biex isir magħruf sew x’effett għandu l-logħob ta’ l-ażżard fuq is-soċjetà Maltija u x’passi għandhom jittieħdu biex din il-pjaga ma tkomplix tgħarraq bosta familji.
Rigward is-Super 5 jien nissuġġerixxi li meta l-fond ta’ premjijiet jaqbeż ċertu ammont, per eżempju Lm250,000, u ħadd ma jaqta’ l-ħames numri, dak l-ammount għandu jinqasam bejn dawk li jkunu qatgħu t-tlieta u l-erba’ numri. B’hekk ikun hemm numru kbir ta’ lgħaba li jirbħu premjijiet sostanzjali minflok dawk li jingħataw illum. |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|