MediaToday

Intervista | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59

Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri

Ilu disa’ snin fil-kariga ta’ President tal-Partit Nazzjonalista. Wara Ugo Mifsud Bonnici hu l-iktar wieħed li dam iservi f’din il-ħatra. Iżda Victor Scerri qajla għandu profil pubbliku.
Jammetti li mhux xi wieħed li jħobb jidher u l-kampanja elettorali tiegħu hi iktar ibbażata fuq żjarat fid-djar. Scerri se jkun qed jikkontesta għat-tieni darba fuq ir-Raba’ Distrett u għall-ewwel darba fuq il-11-il distrett.
Fl-aħħar elezzjoni kien ġab ftit iktar minn 1,300 vot fl-ewwel għadd. Ma kinux biżżejjed biex jitla’ fil-Parlament u din id-darba qed jispera li l-istorja tar-Raba’ distrett taħdem favurih. Għall-PN ir-raba’ distrett kważi dejjem fisser, ħlief għall-aħħar żewġ elezzjonijiet, li minn żewġ deputati li jitilgħu dejjem ikun hemm wieħed ġdid. Bla dubju Scerri qed jittama li l-ħidma tiegħu fid-distrett, ilu iktar minn sena jżur id-djar erba’ darbiet fil-ġimgħa, din id-darba tħalli l-frott mixtieq.
Iqis ruħu Kattoliku prattikanti u jemmen fil-familji tradizzjonali magħmula minn mara u raġel marbutin fiż-żwieġ. Minkejja dan ma jużax argumenti morali Kattoliċi biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu għax jemmen li l-leġislatur qiegħed hemm biex jaħdem għall-ġid komuni.
Niltaqa’ ma’ Scerri f’għodwa pjuttost kiesħa fl-uffiċċju tal-gazzetta. Sakemm inpoġġu madwar il-mejda qed jitkellem fuq it-telefon tal-but u mid-diskors neħodha li qed ikellem lil xi nies li qed jaħdmulu fuq id-distrett.
Issa li qed toqrob l-elezzjoni ‘l-annimal politiku’ iktar joħroġ fid-deher b’ħidma ma taqta’ xejn fejn kull persuna tinbidel f’vot potenzjali.
Din se tkun l-ewwel elezzjoni b’Malta fl-UE. Se tkun ukoll elezzjoni li taf tbiddel id-direzzjoni tal-pajjiż wara kważi 20 sena taħt Gvern Nazzjonalista. Kif se tkun differenti?
“Se tkun ukoll l-ewwel elezzjoni ta’ Lawrence Gonzi bħala mexxej,” jgħidli b’mod spirtu pront.
“Iċ-ċirkostanzi huma differenti minn żminijiet oħra u għalhekk jinħtieġ stil ġdid ta’ politika. Irridu naraw, fost l-oħrajn, kif se jintefqu dawk it-855 miljun ewro mill-UE. Nemmen li ħafna minn dawn il-fondi għandhom jintefqu f’taħriġ għall-ħaddiema tagħna...”
Inwaqqfu f’nofs sentenza u nistaqsih x’differenza jara bejn Lawrence Gonzi u Eddie Fenech Adami.
“Eddie Fenech Adami sar Prim Ministru wara żmien iebes bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Dik tagħmel differenza. Meta sar Prim Ministru fl-1987 kellu jibni pajjiż mill-ġdid, itejjeb l-infrastruttura u jirrestawra lura d-demokrazija fil-pajjiż.
“Lawrence Gonzi nħoss li hu iktar hands-on. Jidħol personalment f’ċerti attivitajiet, jiċċekkja l-affarijiet kif sejrin u jixpruna iktar. Ovvjament, Gonzi llum seta’ jikkonċentra fuq ċerti kwistjonijiet bħall-ambjent għax kien hemm il-bażi soda li nbniet tul is-snin. Ma kontx tipprova titkellem man-nies fuq l-ambjent fl-1987 meta kien hemm kwistjonijiet iktar importanti ta’ demokrazija x’ikunu ttrattati.”

Il-PN ipprova f’dawn l-aħħar snin jilbes il-mantell ta’ partit li għandu għal qalbu l-ambjent. Imma hu ‘aħdar’ biżżejjed?
Scerri jitbissem, il-kelma ‘aħdar’ bil-Malti għandha konnotazzjonijiet koroh. Żgur li hemm min jixtieq jistaqsi dwar il-ħdura marbuta mal-kattiverja, imma l-ħdura li qed nistaqsi fuqha jien marbuta ma’ l-ambjent.
“Qatt m’int biżżejjed. L-investiment li sar f’dawn l-aħħar snin fil-qasam ambjentali hu kbir ħafna u dan jixhed impenn favur l-ambjent. Nemmen li kull partit politiku fi ħdanu jrid ikollu numru ta’ nies ambjentalisti li jinfiltraw l-istrutturi. Ma nemminx fl-idea ta’ partit politiku bħall-AD li jkun iffukat primarjament fuq l-ambjent biss.”
L-impenn ambjentali tal-PN jista’ jitqies bħala konvenjenza politika għax is-soċjetà saret iktar sensittiva. Il-korsa tal-golf f’Għajn Tuffieħa hi xempju ta’ deċiżjoni li mill-ewwel ġurnata tagħha dehret ħażina u kienet irtirata biss sentejn wara u meta qamu l-irwiefen kollha kontra.
“F’kulma tagħmel trid tagħti kas is-soċjetà ċivili. Madankollu meta jkollok grupp żgħir li jagħmel kjass sħiħ mhux bilfors li dak li jkunu qed jgħidu jkun ibbażat fuq studju xjentifiku u allura l-Gvern irid joqgħod attent.
“Il-korsa tal-golf qatt ma ridna nagħmluha at all costs. Wara li bdew deħlin ir-rapporti xjentifiċi l-Gvern irtira mill-pożizzjoni tiegħu. L-iktar ħaġa importanti llum hi li ttieħdet l-aħjar deċiżjoni, dik li ma ssirx hemmhekk. Frott l-istudji li saru issa nistgħu niżviluppaw iż-żona f’park naturali b’iktar sensittività lejn l-ekoloġija tal-post.”
Naqbadlu diskors fuq il-familja u jekk fit-tħejjija għall-programm elettorali hux se jkun ikkunsidrat id-divorzju.
“Jien favur it-tisħiħ tal-familja. Nisimgħu ħafna bil-familji li qed jisfaxxaw imma hemm ħafna oħrajn li mhux qed jisfaxxaw u għandna dover ukoll lejn dawn il-familji. Fl-istess ħin għandna nippruvaw innaqqsu l-ammont ta’ dawk li jispiċċaw bil-problema.
“Jien Kattoliku prattikanti. Ma naqbilx mad-divorzju imma ma nistax nagħlaq il-bieb għal din ir-realtà. Madankollu, sakemm xi ħadd jikkonvinċini li bid-divorzju s-soċjetà se tkun aħjar ma nistax naqbel miegħu. Nemmen li jeħtieġ isir dibattitu serju li ma jkunx dominat mill-isteriżmi la ta’ naħa u lanqas ta’ oħra.”
Ma jħallilix dubju fejn iħabbat il-polz tiegħu fuq id-divorzju imma diskorsu hu ħafna ’l bogħod mill-argumenti reliġjużi li jġibu ċerti politiċi. Scerri jagħmel distinzjoni bejn Knisja u Stat ħafna iktar milli jagħmluha wħud fil-partit tiegħu stess, anki jekk itenni twemminu b’ċerta konvinzjoni.
Huma ħafna dawk li jgħidu li wasal iż-żmien għal dibattitu serju imma donnu kulħadd jibqa’ lura milli jinstiga dak id-dibattitu. Nistaqsih jekk din is-sitwazzjoni hix frott il-biża’ mill-knisja.
“Anki fil-knisja kien hemm min qal li l-leġislatur għandu jilleġisla għall-aħjar tas-soċjetà kollha. Il-knisja għandha d-dritt issemma leħinha bħal ħaddieħor imma l-leġislatur irid ikollu għajnejh fuq ir-realtà soċjali.”
Infakkar lil Scerri fil-proposta li kien għamel il-PN fl-1998 biex ikunu rikonoxxuti d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ koppji li jikkoabitaw. Ma jaħsibx li b’dan il-mod tkun qed tiġġieled id-duħħan u mhux in-nar.
“Il-proposta ta’ l-1998 kienet intiża biex tipproteġi l-persuna d-dgħajfa f’koppja li qed tikkoabita. Id-divorzju hu xi ħaġa totalment differenti għax iwaqqa l-indissolubiltà taż-żwieġ. L-implikazzjoni ta’ dan huma ħafna iktar serji għax tista’ tisseddaq mentalità fejn persuna ma tħoss l-ebda obbligu li tipprova tirranġa.
Jien favur iż-żwieġ fuq livell ċivili għax dik hi l-aħjar forma li toffri stabbilta. Ninkwieta meta n-nies tibda ma tħossx il-bżonn li tiżżewweġ.
“Ma naħsibx li n-nuqqas ta’ divorzju qed jimbotta lin-nies lejn l-għażla li jikkoabitaw. Jekk tħares lejn l-Italja kellhom kontroversja sħiħa fuq liġi li tirrikonoxxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ min jikkoabita għax hemm ħafna iktar nies li qed jagħżlu dak l-istil ta’ ħajja minkejja li għandhom id-divorzju.
“L-ikbar mistoqsija li nħoss li għandha bżonn tweġiba hi x’inhi l-familja? Jien intendi mmur għall-forma iktar tradizzjonali li tibda bi żwieġ bejn raġel u mara.”
Inqajjem kwistjoni oħra morali li l-politiċi qajla jindirizzaw għax tista’ tkun skomda. Nistaqsi lil Scerri jekk il-komunità omosesswali tistax tħossha komda mal-PN?
“Għaliex le? Qatt ma kellna problema ma’ dawn in-nies. Huma trattati bħal kull persuna oħra. Il-PN qatt m’għamel xi azzjoni biex jimmina d-drittijiet jew id-dinjità ta’ min jagħżel stil differenti ta’ ħajja.”
Meta nistaqsih jekk l-Istat għandux jirrikonoxxi r-rabta bejn koppji ta’ l-istess sess Scerri ma jħalli l-ebda dubju fit-tweġiba tiegħu.
“Jien kontra li l-Istat jirrikonoxxi l-unjoni bejn persuni ta’ l-istess sess. Għalija ż-żwieġ hu bejn raġel u mara u għandu jibqa’ hekk. Kieku kellna nagħmlu mod ieħor inkunu qed naqilbu d-dinja ta’ taħt fuq. Mingħajr ma nnaqqas id-drittijiet individwali tagħhom ma naħsibx li koppji omosesswali għandhom id-dritt jitolbu xi ħaġa li m’għandhomx dritt għaliha. Din mhix diskriminazzjoni għax mhux qed tikkumpara l-istess sitwazzjonijiet.”
Scerri jikkontesta f’distrett fin-nofsinhar fejn il-PN hu f’minoranza. Minkejja kull titjib li l-Gvern jgħid li qed iseħħ fin-nofsinhar in-nies tibqa’ ma tagħtix appoġġ lill-PN.
“Tradizzjonalment u storikament, jekk nieħdu mill-gwerra lil hawn, il-PN dejjem kellu minoranza fin-nofsinhar. Ma ninsewx ukoll li meta kien spiċċa l-partit ta’ Strickland l-MLP kien wiret ammont sostanzjali ta’ dawk in-nies f’termini ta’ appoġġ.
“Jeżistu wkoll preġudizzji kontra l-PN f’ċerti żoni. Jista’ jkun li l-problema hi li aħna ma wassalnix il-messaġġ biżżejjed bis-saħħa.
“Il-Gvern investa u qed ikompli jinvesti fil-Kottonera u inħawi oħra. Qatt ma kien hemm daqstant investiment fin-nofsinhar. Iżda l-politika mhix biss l-infrastruttura. Irridu nitkellmu dwar proġetti fl-edukazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-ambjent. Inħoss li l-investiment li għamilna fl-iskejjel issa beda jinħass u bil-mod dawk il-barrieri ta’ qed jaqgħu.
“Illum nidħol għand familji li dejjem ivvutaw lill-MLP imma jħossu li l-Gvern Nazzjonalista fetaħ l-opportunitajiet għat-tagħlim ta’ uliedhom jew inkella uliedhom qed jaħdmu f’xogħol li jrendi sew. Dawn in-nies qed jirrealizzaw li uliedhom huma ħafna aħjar milli kienu huma u naħseb hemm ġenerazzjoni li qed twaqqa’ dawk il-preġudizzji lejn il-PN.”
Ma tistax issemmi n-nofsinhar u ma ssemmix lil Josie Muscat. Dan l-eks deputat Nazzjonalista llum hu xewka għall-PN. X’impatt se jħalli l-partit il-ġdid ta’ Muscat fuq l-eks partit tiegħu?
Scerri jwieġeb b’dik li kważi tista’ titqies bħala risposta standard.
“Mis-surveys s’issa jidher li mil-lat ta’ voti ma naħsibx li għandu jkun problema, fis-sens li ma jidhirx li se jtella’ siġġijiet. Imma din l-elezzjoni tista’ tkun viċina ħafna. Elezzjoni tat-touch and go u għalhekk kull vot jgħodd.”
L-implikazzjoni ta’ dak li qed jgħid Scerri hi li l-Azzjoni Nazzjonali m’għandha l-ebda ċans li ttella’ deputat u kull vot, anki jekk ikunu ftit mijiet li se tiġbor, jistgħu jtelfu lill-PN fit-tiġrija kontra l-Partit Laburista.
Imma r-risposta tiegħu ma tiqafx hawnhekk. Ikompli jgħid li l-ikbar problema għalih hi l-prinċipji li tħaddan l-AN.
“Ninkwieta meta nara lill-AN tuża ċerta diskors fil-konfront ta’ ċerti nies. Huma l-prinċipji ta’ dan il-partit li jinkwetawni. Allaħares pajjiżna kellu jaqbad dik it-triq.”
Din ir-risposta ta’ Scerri hi preċiż bħal dik li tawni Deputati Nazzjonalisti oħra meta staqsejthom dwar ‘it-theddida’ politika tal-partiti ż-żgħar. Francis Zammit Dimech kien esprima t-tħassib dwar l-impatt li jista’ jkollha l-Alternattiva Demokratika u Mario Galea kien tkellem bl-istess mod dwar il-partit ta’ Josie Muscat. It-tnejn li huma sostnew li l-elezzjoni tant se tkun viċina li kull vot jgħodd u fiċ-ċirkostanzi vot lill-partiti ż-żgħar jista’ jtellef lill-PN. Ma’ dan il-kor, li nazzarda ngħid hu orkestrat, issa żdied ukoll Victor Scerri.
Imma l-PN għandu ċans jirbaħ?
“Definitely, nistgħu nagħmluha. M’aħniex perfetti u żbalji għamilna iżda minkejja kollox jekk tħares lura tara d-differenza li ġibna fil-pajjiż. Min qed jgħid li jixtieq jipprova lil Alfred Sant ma jridx jinsa’ li dan diġà kien ippruvat bejn l-1996 u l-1998 u nafu r-riżultati.
“Apparti li nqabblu t-track records tagħna fejn il-PN m’għandux għalfejn jistħi, irridu naraw ukoll il-viżjoni ta’ fejn irridu mmorru. Filwaqt li aħna nitkellmu fuq kif se nġibu investiment ta’ kwalità, Smart City, kif se ntejbu l-edukazzjoni u nżidu l-impjiegi li jrendu għajxien aħjar lill-familji, il-Partit Laburista fid-dokumenti tiegħu jitkellem kif se jġib fabbriki li jagħmlu l-boots. L-istess dwar il-proġetti għall-Port il-Kbir. L-MLP iħabbar numru ta’ proġetti għall-port ta’ Marsamxett imma jinsa jsemmi l-bżonn li jinbena breakwater meta jaf li mingħajr breakwater f’dak il-port ftit tista’ tagħmel affarijiet għax jaħkmu l-maltemp.
“In-nies trid tqabbel il-viżjonijiet u jekk tagħmel hekk tinduna li l-MLP għandu ħafna superfiċjalità f’dak li qed jipproponi.”
U b’dik l-aħħar vleġġa indirizzata lejn l-avversarji diretti ntemmu l-intervista u Scerri jerġa’ lura għall-ħidma elettorali li mill-high tea ta’ nhar ta’ Ħadd tieħdu sal-bieb ta’ Wenza f’Raħal Ġdid u l-grada tat-tabib f’Ħ’Attard.

Intervista
Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri


Editorijal

Kollox sew


Il Punt
Id-dinja f'Idejja
Hillary Briffa

TONI u PEPPI
Il-logħob ta' l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni


Emmanuel Micallef
Bidla fil-mentalità


Carmelo Mifsud Bonnici

L-użu tar-raġuni



X'kien Jgħid
Rigal doppju



Wenzu Mintoff

Is-sema pajjiżi

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075